Ittra Pastorali tal-Isqof Mario Grech bit-tema “Widnejn miftuħa”

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 28 ta’ Settembru 2019: Ittra Pastorali tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fl-okkażjoni tal-bidu tas-Sena Pastorali 2019-2020.

WIDNEJN MIFTUĦA

Fiż-żagħżugħ li staqsa lil Ġesù jgħinu jsib it-tweġiba għall-mistoqsijiet kbar li kellu f’ħajtu, jiena nilmaħ iż-żgħażagħ tagħna. Fil-parti l-kbira tagħhom huma “għonja”, fis- sens li għandhom doni u kwalitajiet sbieħ u huma onesti u sinċiera bħal dan iż- żagħżugħ. Huma persuni li fil-fond ta’ qalbhom hemm ħafna tajjeb u jagħmlu ħilithom biex jagħmlu t-tajjeb. Imma bħal fil-każ taż-żagħżugħ tal-Vanġelu, ma humiex ftit dawk li jħossu li tonqoshom xi ħaġa fil-ħajja. Huma wkoll qed jistaqsu x’għandhom jagħmlu biex ikollhom “il-ħajja ta’ dejjem”. Ħafna drabi ma jużawx dan il-kliem, imma joħorġu b’espressjonijiet jew jagħmlu ċerti għażliet li bihom qed jgħidulna li għalkemm għandhom kważi kollox, iħossu li tonqoshom xi ħaġa. Huma jafu japprezzaw il-ġmiel u jħobbu jiċċelebraw, imma fl-istess waqt konxji li kollox għandu l-limiti u jħallilhom ftit jew wisq togħma morra. Huwa għalhekk li bħaż-żagħżugħ l-għani jistaqsu x’hemm fil- ħajja li jmur ’l hinn mill-mewt – x’hemm li tassew ma għandux data ta’ skadenza!

Alla u dak li hu ta’ Alla biss ma jiskadi qatt! Għalhekk hu dmir tagħna bħala Knisja li ngħinu lil din il-ġenerazzjoni żagħżugħa tiltaqa’ ma’ Ġesù Kristu. Huwa tajjeb li nagħmlu attivitajiet soċjali u kulturali għaż-żgħażagħ, imma l-missjoni prinċipali tagħna bħala Knisja mistika li għandha għal qalbha l-ħajja spiritwali hija li, bħalma għamel l-Ispirtu s- Santu maż-żagħżugħ għani, aħna nakkumpanjaw liż-żgħażagħ biex jersqu bil- mistoqsijiet tagħhom għand Ġesù u jiftħu widnejhom biex jisimgħuh jagħmlilhom is- sejħa: “Ejjew warajja”. Fil-fatt, kif jgħid il-Papa Franġisku, “kull ħidma pastorali hija vokazzjonali, kull formazzjoni hija vokazzjonali u kull spiritwalità hija vokazzjonali”.1

In-Nisrani huwa dak li f’ħajtu jagħżel li jimxi wara Ġesù. Fil-fatt, il-ħajja Nisranija hija tweġiba għas-sejħa li jagħmlilna Ġesù. Ġesù jsejħilna għax iħobbna. Suppost aħna Nsara għax il-ħarsa kollha ħlewwa ta’ Ġesù serqitilna qalbna u lqajna li nkunu dixxipli tiegħu. Ngħid ‘suppost’, għax b’xorti ħażina nista’ nkun mgħammed u reliġjuż iżda nkun għadni ma għamiltx esperjenza personali ta’ Ġesù Kristu! “Bħala bidu għall-eżistenza Nisranija
m’hemmx xi deċiżjoni etika jew xi idea għolja, iżda hemm il-laqgħa ma’ ġrajja, ma’

1 Eżortazzjoni appostolika postsinodali Christus vivit, 254.
Persuna li tagħti lill-ħajja orizzont ġdid u direzzjoni deċiżiva”.2 Dak li Ġesù jrid minn kull żagħżugħ u żagħżugħa hu qabelxejn il-ħbiberija tagħhom.3 Meta titwaqqaf din il- ħbiberija bejnna u bejn Ġesù, imbagħad jinfetħu opportunitajiet oħra. Il-Papa Franġsiku jgħidilna li “ż-żagħżugħ ‘għani’ ma fehemx x’kienet il-ħarsa kollha mħabba tal-Mulej. Telaq ’l hemm qalbu sewda, wara li kien mexa fuq tnebbiħa tajba li ġietu, għax ma kienx irnexxielu jinqata’ mill-ħafna ħwejjeġ li kellu (ara Mt 19:22). Tilef l-okkażjoni ta’ dik li bla dubju ta’ xejn setgħet tiżviluppa fi ħbiberija kbira. U aħna bqajna ma nafux kif setgħet issarraf għalina, x’seta’ jagħmel għall-umanità dak iż-żagħżugħ uniku li Ġesù kien ħares lejh bi mħabba u newwillu idu”.4 Għalhekk, jekk l-azzjoni pastorali tagħna ma twassalx biex il-bniedem jistaqsi: “Aħna x’għandna nagħmlu?” (Atti 2:37), tkun illużjoni sabiħa u tajba, imma illużjoni tibqa’!

Ir-riflessjoni dwar is-sejħa li qed jagħmel Ġesù hija għodda biex iż-żgħażagħ jagħmlu xi ħaġa sabiħa u jwettqu l-ħolm tagħhom. Għax meta jiskopru li “Kristu jgħix”, “din hija garanzija li t-tajjeb għandu postu f’ħajjitna, li t-taħbit tagħna għal xi ħaġa ħa jiswa. Allura nistgħu nieqfu ngemgmu, u nixħtu ħarsitna ’l quddiem. Din hija ċ-ċertezza li għandna”.5
Dan l-aħħar iltqajt ma’ żagħżugħ li peress li kien inħakem fix-xibka tad-droga, mhux biss tħawwad hu imma hu stess ħawwad il-ħajja ta’ ħafna nies oħra bl-imġiba kriminali tiegħu. Wara li għamel programm ta’ terapija msejjes fuq ħajja spiritwali qawwija, illum dan jgħid li sar ħabib ta’ Ġesù u qiegħed jagħmel ħafna ħwejjeġ ‘sbieħ’. Jekk il-bniedem tassew jagħmilha ma’ Ġesù, hu stess jilbes il-ġmiel u jlibbes madwaru bil-ġmiel. Kemm huwa minnu li l-vokazzjoni bl-ebda mod ma hija xi xkiel jew tqiegħed limitu lill- bniedem, imma pjuttost “tmexxik biex toħroġ l-aħjar minnek innifsek għall-glorja ta’ Alla u għall-ġid tal-oħrajn”.6 Meta nwieġbu għall-vokazzjoni tagħna, aħna “niskopru min aħna fid-dawl ta’ Alla u dak li aħna nħalluh iwarrad”7 fina.

Fi kliem il-Papa Franġisku, “fid-dixxerniment ta’ vokazzjoni ma għandekx taqta’ barra l- possibbiltà li tikkonsagra ruħek lil Alla fis-saċerdozju, fil-ħajja reliġjuża jew f’xi għamla oħra ta’ konsagrazzjoni. Għaliex taqtagħha barra? Ibqa’ ċert li, jekk tagħraf sejħa ta’ Alla u timxi fiha, din tkun il-ħaġa li timla bis-sħiħ lil ħajtek. Ġesù jgħaddi minn ġo nofsna kif għamel fil-Galilija. Jimxi fit-toroq tagħna, jieqaf u jħares f’għajnejna, bla għaġla ta’ xejn. Is-sejħa tiegħu tiġbidna, issaħħarna”.8

Fid-dawl ta’ dan u fl-isfond tal-Eżortazzjoni appostolika li l-Papa Franġisku tana wara li s-sena l-oħra ltaqa’ f’Ruma s-Sinodu tal-Isqfijiet dwar “Iż-żgħażagħ, il-fidi u d-

2 Benedittu XVI, Ittra enċiklika Deus Caritas est, 217.
3 Ara CV, 250.
4 CV, 251.
5 Ibid., 127.
6 Ibid., 257.
7 Ibid.
8 Ibid., 276-277.
dixxerniment vokazzjonali”, wara li smajt il-parir favorevoli tal-Kulleġġ tal-Kappillani u tal-Kunsill Presbiterali, nipproponi biex matul is-sena pastorali li qegħdin nibdew, nitħeġġu fit-talb għall-vokazzjonijiet u nfittxu nsaħħu l-kultura vokazzjonali li għandna fid-djoċesi. Meta fil-poplu ta’ Alla jkun hemm din il-kuxjenza vokazzjonali, mhux biss naslu biex jinbet għadd ikbar ta’ ministeri fil-Knisja, imma l-art tkun tajba biex tinżera’ ż-żerriegħa ta’ sejħat speċjali.

Qed nipproponi din ir-riflessjoni mġedda dwar il-vokazzjonijiet mhux għaliex għandna xi kriżi għax naqas l-għadd tas-saċerdoti, tar-reliġjużi u tal-lajċi kkonsagrati, imma għaliex nixtiequ ngħinu liż-żgħażagħ tagħna jkunu jafu bl-ilwien kollha ta’ din il- qawsalla ta’ sejħat li qed jagħmel Ġesù fil-Knisja u nakkumpanjawhom fid-dixxerniment biex jiskopru l-proġett li qed jipproponilhom Alla għall-ġid tal-Knisja u tal-umanità. Għax “mingħajr l-għerf tad-dixxerniment nistgħu faċilment ninbidlu f’pupazzi f’idejn it- tendenzi taż-żmien”.9 Allaħares persuna tagħżel li tkun saċerdot jew ikkonsagrata mingħajr ma tagħmel dixxerniment serju!

Fuq kollox, sena pastorali li tiffoka fuq il-vokazzjonijiet għandha tkun sena ta’ grazzja biex, aħna li weġibna għas-sejħa (saċerdoti, reliġjużi, lajċi kkonsagrati u soċji tal- Museum), nikkargaw spiritwalment, għax l-iskuntentizza vokazzjonali hija marda li twassal għall-mewt. L-aqwa prietka dwar il-ġmiel tal-vokazzjoni ma ssirx bil-kliem imma bil-ħajja ordinarja tagħna.

Biex il-pastorali vokazzjonali speċifika tmiss il-qlub taż-żgħażagħ, jeħtieġ li jkollha dawn il-kwalitajiet: tkun ħidma (a) personalizzata, fis-sens li tindirizza l-ħtiġijiet ta’ kull persuna individwalment; (b) narrattiva, fis-sens li s-saċerdoti u l-ikkonsagrati jirrakkontaw b’ħajjithom il-ġmiel tal-vokazzjoni; (ċ) ekkleżjali, fis-sens li l-proposta ssir fil-qafas tal-ekkleżjoloġija tal-Konċilju Vatikan II, li fi kliem il-Papa San Ġwanni Pawlu II hija l-boxxla tal-Knisja fis-seklu wieħed u għoxrin;10 (d) evanġelika, għax tipproponi l- isfidi tal-Vanġelu u tissieħeb fil-proċessi uniċi tal-individwu;11 u (e) perseveranti.12

Kif għidt qabel, nixtieq li l-pastorali kollha tkun vokazzjonali fis-sens li kull espressjoni pastorali tkun maħsuba b’mod li ssemma’ s-sejħa li qed jagħmel Alla. Napprezza li xi wħud minn dawk li huma impenjati fil-pastorali maż-żgħażagħ iħaddmu din il-viżjoni. Imma l-azzjoni pastorali kollha għandha tippreżenta b’mod ċar xi proġett jew don li Alla qed joffri lill-bniedem u fl-istess waqt tħeġġeġ lill-individwu biex jagħti kas ta’ dak li qed
joffrilu Alla. Jekk fil-katekeżi, fl-animazzjoni tas-sagramenti, fil-liturġija, waqt l-

9 Ibid., 279.
10 Ara Ittra appostolika Novo nillennio ineunte, 43.
11 Ara CV, 297.
12 Ara Franġisku, Messaġġ lill-parteċipanti tal-Konvenju internazzjonali bit-tema: “Pastorali vokazzjonali u
ħajja kkonsagrata: orizzonti u tamiet”, 1-3 ta’ Diċembru 2017.
Ewkaristija, fl-adorazzjoni, fit-talb, fl-omeliji ma ngħinux lill-bniedem li jemmen biex jidħol fil-preżenza ta’ Alla li jsejjaħ u jistenna tweġiba mingħandu, dik il-katekeżi, l- animazzjoni tas-sagramenti, il-liturġija, il-quddiesa, l-adorazzjoni u l-bqija ma tkunx pastorali Nisranija. Flimkien ma’ dawn, nixtieq li jkun hemm impenn mill-poplu ta’ Alla kollu, partikularment mill-parroċċi, l-għaqdiet tal-appostolat, l-iskejjel tal-Knisja, is- Seminarju Maġġuri, l-ordnijiet reliġjużi, l-istituti sekulari, l-Ordni tal-Verġni, is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija u l-bqija biex isir magħruf dan il-wirt qaddis li għandna.

Filwaqt li rrodd ħajr lill-kollaboraturi pastorali li qed jgħinu biex jitwettaq dan l-indirizz vokazzjonali maż-żgħażagħ, bħalma huma dawk impenjati fid-dixxerniment għall-ħajja
taż-żwieġ, dawk li jintroduċu liż-żgħażagħ f’ħidma ta’ volontarjat Nisrani u djakonija mal-foqra, u partikolarment dawk li jiffurmaw u jakkumpanjaw lill-ġuvintur li qed jistħarrġu jekk għandhomx sejħa għas-saċerdozju, nagħmel sejħa minn qalbi biex fid- djoċesi jsir talb ħerqan u bla waqfien għal vokazzjonijiet qaddisa. Il-morda u dawk li qegħdin ibatu, meta joffru t-tbatija tagħhom għal dan il-għan, ikunu qed jagħtu kontribut speċjali f’din il-‘kruċjata’ ta’ talb.

Meta madwarna u fina għadu jidwi l-eku tas-Sena Marjana, inqiegħed din il-viżjoni pastorali taħt il-ħarsien matern ta’ Marija. Kull min hu midħla ta’ Marija japprezza l- istorja vokazzjonali ta’ din ix-xebba minn Nazaret, kif fil-bidu waslitilha s-sejħa li kompliet tinfetaħ mal-medda taż-żmien u kif għamlet id-dixxerniment tagħha. Bħalma Marija wieżnet lil Kristu nnifsu biex jaċċetta r-rieda tal-Missier u sieħbet lill-Appostli biex jilqgħu s-sejħa li għamlilhom Ġesù biex iħallu kollox, jimxu warajh u jagħmilhom sajjieda tal-bnedmin, misjuqa mill-kura u l-imħabba materna llum hija tieqaf magħna f’din l-avventura vokazzjonali u ekkleżjali. Għalhekk xieraq li l-pastorali vokazzjonali tagħna jkollha dimensjoni Marjana.

Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, il-Belt Victoria, Għawdex, nhar il-Ħamis 26 ta’ Settembru
2019, Tifkira liturġika ta’ San Kożma u San Damjan, Martri.

 MARIO GRECH
Isqof ta’ Għawdex

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading