Rewħu l-ġamar li hemm taħt l-irmied

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 19 ta’ Ottubru 2019: Messaġġ mill-E.T. Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex, lill-membri Għawdxin tal-Azzjoni Kattolika fl-okkażjoni tal-Assemblea Ġenerali, fid-Dar Ċentrali tal-Azzjoni Kattolika, il-Belt Victoria.

REWĦU L-ĠAMAR LI HEMM TAĦT L-IRMIED

Meta fil-Vanġelu Ġesù jistaqsina: “Taħsbu intom li Bin il-bniedem se jsib il-fidi fuq l-art meta jiġi?”, x’inhi t-tweġiba tagħna? Ma nistagħġibx li ħafna jkunu ttentati li jagħtu tweġiba negattiva. Fil-ħajja ta’ madwarna bħal donnu hemm ħafna ħwejjeġ li jindikawlna li fil-ħajja Nisranija sejrin lura bħal granċ. Is-soċjetà tagħna ma għadhiex dik li kienet. Sa ftit snin ilu kollox kellu riħa ta’ inċens. Għadda ż-żmien meta l-Knisja kienet qisha r-“regolatur” ta’ dak kollu li jsir fil-familja u fis-soċjetà. Issa bdejna naraw li waqt il-funzjonijiet reliġjużi fil-knisja, l-attendenza tan-nies tkun imlaħalħa. Għaldaqstant, skont dawn il-kriterji l-fidi ta’ ġensna qiegħda tnin waħda sew. Għalhekk, x’futur għandu n-Nisrani?

Ftit iktar minn mitt sena ilu, wieħed ħassieb, Freidrich Nietzsche, kien qal li “Alla miet”. Illum hawn min jitkellem fuq dik li tissejjaħ “l-eklissi tas-sagru” fis-soċjetà, fis-sens li ma għadux jimpurtana wisq minn Alla u nibqgħu għaddejjin daqslikieku Alla ma jeżistix.

Imma mbagħad hawn min qed jaqra r-realtà ta’ madwarna b’nuċċali differenti. Hekk, ngħidu aħna, Jenkins Philip, studjuż Ingliż tal-istorja tar-reliġjonijiet, jgħid li mhux minnu li l-fidi fl-Ewropa qiegħda tintefa, imma għall-kuntrarju din qiegħda tixxettel. Fl-Ewropa l-fidi Nisranija qiegħda tevolvi, tinbidel u tieħu għamla ġdida skont iċ-ċirkustanzi u s-sitwazzjonijiet ġodda ta’ żmienna. Huwa minnu li l-kultura Kristjana qed tinbidel, imma dan mingħajr ma tittiefes il-verità tal-Vanġelu. Għax fil-fatt ma teżistix “kultura Kristjana” imma teżisti “verità” Evanġelika li maż-żmien issir kultura. Għalina din il-verità mhix damma ta’ prinċipji jew teoriji, imma l-persuna ħajja ta’ Ġesù Kristu.

It-teologu Jean-Maria Tillard ftit snin ilu kiteb ktieb bl-isem Aħna l-aħħar Insara? Dan jgħid li ċertament aħna l-Insara tal-aħħar, fis-sens li magħna ser tiġi fi tmiemha għamla jew stil ta’ kif in-Nisrani jgħix it-twemmin tiegħu. Qed tinbidel il-forma imma mhux il-qalba. Huwa minnu li hemm baħar jaqsam bejn kif kienu jgħixu t-twemmin Nisrani n-nanniet u kif qed jgħixuh uliedna; imma b’daqshekk ma jfissirx li l-ġenerazzjoni li tielgħa hija agħar min ta’ żmien l-antenati tagħna. Inkunu nagħmlu żball kbir jekk nippretendu li n-Nisrani tal-lum għandu jibqa’ jilbes l-għonnella! Anzi, meta xi ħadd illum ixidd “l-għonnella” (u jaħasra fadlilna min għad għandu nostalġija li jerġa’ joħroġ dan il-kostum mis-senduq tal-istorja) ikun joqtol il-fidi u mhux jirxuxtaha. F’dan il-kuntest, ma rridux ninsew li hawn min ma għadux jirfes l-għatba tal-knisja u għadu ma fehemx il-ġmiel tal-Ewkaristija, imma xorta waħda huwa Kristjan fi ħsiebu u fi mġiebtu. Għalkemm il-fjammi fil-ħuġġieġa naqsu, imma taħt l-irmied hemm ħafna ġamar jaqbad u biżżejjed nagħtuh ftit spazju biex jitrewwaħ u jerġa’ jaqbad u jqabbad.

Għalhekk, għeżież membri tal-Azzjoni Kattolika, inħeġġiġkom biex ma tibżgħux mill-bidla u tilqgħu din it-tranżizzjoni bil-ferħ. Ma nippruvawx inwaqqfu l-bidla milli sseħħ. Hija parti mill-vokazzjoni tagħkom li tgħinu lill-Knisja lokali biex filwaqt li tibqa’ soda fil-fidi u fit-twaħħid tagħha ma’ Ġesù Kristu, tieħdu sehem f’dan il-proċess. Inkella ma tibqax relevanti għall-bniedem tal-lum. Fl-istess waqt, nitolbu lill-Ispirtu s-Santu jgħinna naqraw is-sinjali taż-żminijiet, fosthom il-ħafna Nsara anonimi li jaf ikun hemm fl-ambjenti ta’ madwarna.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading