Illum il-Knisja tfakkar lil San Martin ta’ Tours

Print Friendly, PDF & Email

Fil-11 ta’ Novembru l-Knisja tfakkar lil San Martin ta’ Tours, Isqof li għex bejn is-snin 316 sa 397.

San Martin twieled fis-sena 316, minn ġenituri pagani f’Sabaria, l-Ungerija, fejn missieru li kien fizzjal fl-Armata Rumana kien stazzjonat. Ftit wara, missieru ġie trasferit f’Pavia, l-Italja.

Ta’ ħmistax-il sena, daħal fl-Armata Rumana, u xi sentejn wara ntbagħat f’Amiens, Franza. Hawn iltaqa’ ma’ wieħed fqir, li kien qed iterter bil-bard, ġietu ħniena minnu, qabad il-mantell li kellu fuqu, qasmu fi tnejn u tah biċċa. Bil-lejl kellu viżjoni li dak il-fqir kien Ġesù stess.

M’għaddiex żmien twil, meta ħalla l-Armata, u tgħammed. Wara mar Poitiers fejn ġie ordnat saċerdot minn San Ilarju, li kien Isqof ta’ Poitiers. San Martin talab lill-Isqof biex jagħtih biċċa art biex hemm ikun jista’ jgħix fis-solitudini. Hawn bdew jingħaqdu miegħu xi eremiti oħrajn, u bil-mod bena dak li kellu jkun l-ewwel monasteru ta’ Franza, ġo Linuge’, li malajr ifjorixxa.

Meta miet San Ilarju, in-nies bi ħġarhom marru għal San Martin, ġabuh u għamluh Isqof tagħhom fis-sena 371. Bħala Isqof baqa’ jgħix ħajja umli u sempliċi, iżda kien sod ħafna kontra l-eretiċi, għalkemm flimkien ma’ San Ambroġ kien kontra li l-eretiċi jiġu kkundannati għall-mewt.

Miet fit-8 ta’ Novembru 397, fl-età ta’ 81 sena. San Martin huwa l-ewwel Qaddis fil-Knisja tal-Punent, li ġie pubblikament ivvenerat qaddis, għalkemm ma kienx miet martri. Difnuh f’Tours. Fi Franza hemm madwar 4,000 knisja msemmijin għalih.

Il-kelma kappella ġejja mil-Latin “Cappella,” u din hi ġejja mill-Franċiż “Chapele.” Jgħidu li l-oratorju fejn kienet meqjuma l-kappa (bil-Franċiż Chape) li San Martin qasam mal-fqir iterter bil-bard, beda jissejjaħ “Chapele.”

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading