L-Isqof Mario Grech fil-pussess tal-Kan. Simon M. Cachia

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 30 ta’ Novembru 2019: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex, fl-Inawgurazzjoni tal-Ministeru Pastorali tal-Kan. Simon M. Cachia bħala Kappillan tal-Parroċċa tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Fontana.

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/721060087″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”true” /]

Bil-kortesija ta’ John Cordina

IL-KAPPILLAN ĦARUF

Il-Vanġelu li għadu kif tħabbrilna (Ġw 1:29-41) jirrakkontalna s-sejħa u l-konverżjoni tal-Appostlu Indrija. X’taħsbu li kienet ir-raġuni li wasslet biex Indrì jmur wara Ġesù? Mhux għax rah gustuż jew għax rah jagħmel xi mirakli; imma għax sema’ lil Ġwanni l-Għammiedi jippreżenta lil Ġesù bħala “l-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja”. Din l-esklamazzjoni tal-Battista laqtet il-qalb u l-moħħ ta’ Indrì.

Indrì kien jaf min hu l-bniedem tal-bieraħ, tal-lum u ta’ dejjem: il-bniedem dgħajjef. Minħabba d-dgħufija tiegħu, il-bniedem mhux biss jiżbalja imma kapaċi jiżbalja bl-ikrah. Konsegwenza ta’ din id-dgħufija l-bniedem jidneb: hemm id-dnub personali, soċjali u saħansitra dak strutturali. Billi din il-ħaġa kienet tittikah ħafna, Indrì kien jistaqsi x’jista’ jsir biex dan il-gwaj jiġi megħlub. Għalhekk l-Appostlu waqqaf widnejh meta sema’ lill-Battista jgħid li Ġesù kien il-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja. F’Ġesù, Indrì sab it-tweġiba għal dak li kien qed ifittex: f’Ġesù ra s-soluzzjoni għad-diżordni li kien hemm madwaru, il-mediċina għall-ġerħat tas-soċjetà.

Meta l-Għammiedi sejjaħ lil Ġesù bħala “l-Ħaruf ta’ Alla”, dan ma kienx qed juża xi slogan fieragħ kif jaf ikun għal ħafna minna, minkejja li f’kull quddiesa nisimgħu lis-saċerdot jgħidilna: “Dan hu l-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja”! Meta l-espressjoni “dan hu l-Ħaruf ta’ Alla” dwiet f’widnejn Indrì, fih xegħlet tifkiriet profondi. Huwa fatt li l-poplu Lhudi kellu kwalità importanti li aħna ma għandniex: kien jikkura l-memorja ta’ x’kien għamel Alla miegħu! Dak iż-żmien il-Lhud ma kellhomx il-Kotba Mqaddsa f’idejhom kif għandna aħna llum, imma kellu ħażna fil-memorja tal-għeġubijiet li Alla kien wettaq magħhom matul il-medda tas-snin. Aħna llum għandna l-istorja tas-salvazzjoni mitbugħa fuq il-karta, imma ma għandniex il-memorja tagħha! Għalhekk meta sema’ lil Ġwanni jikkwalifika lil Ġesù bħala “l-Ħaruf ta’ Alla” Indrija ftakar fl-esperjenza kbira tal-Eżodu, tal-Għid u tal-Patt: ftakar meta l-poplu Lhudi kien ilsir fl-Eġittu, imbagħad Alla talabhom biex jieħdu ħaruf bla difett tas-sena, joqtluh, id-demm iroxxuh fuq il-blata u l-ġnub tal-bibien tad-djar tagħhom u jikluh. Il-ħaruf kien għalihom sinjal tal-mogħdija tal-Mulej (ara Eż 12) – sinjal li Alla kien ser jeħlishom minn kull għamla ta’ skjavitù u jroddilhom id-dinjità umana li kienu tilfu. Kien wara din l-ikla tal-Għid li bil-qawwa ta’ Alla l-Lhud ħarġu minn taħt il-ħakma tal-Fargħun, qasmu l-Baħar tal-Qasab u daħlu fl-Art Imwiegħda. Għalhekk meta Indrì sema’ lil Ġwanni jitkellem dwar il-Ħaruf ta’ Alla, hu reġa’ għex din l-esperjenza tal-antenati tiegħu u ntebaħ lil Ġesù kien Alla li jsalva – li Ġesù kien dak li seta’ jdewqu l-libertà vera.

Meta mbagħad Indrì fittex lil ħuh Pietru biex jirrakkontalu s-sejba li kien għamel, huwa jgħidlu: “Sibna l-Messija – li tfisser Kristu” (Ġw 1:41). Issa li bdejna l-Avvent dalwaqt nibdew inkantaw innijiet dwar il-Messija, imma għandi x’jgħidli li ma nifhmux xi nkunu ngħidu! Spiss jiġrilna li fil-liturġija aħna nagħmlu bħal pappagall: ngħidu kliem li jkun ħoss bla tifsira! Aspett importanti fil-messjaniżmu bibliku kien li Alla kellu jibgħat lil xi ħadd biex jeħles lill-poplu tiegħu u jsalva lil dawk li kienu maħqura billi jwaqqaf saltna ta’ paċi u ġustizzja. Il-Messija kien it-tama tal-poplu l-magħżul. Il-Messija kien dak li kellu jerġa’ jġib l-ordni fejn kien hemm it-taħwid. Il-Messija kien mistenni biex jinfaxxa l-ġrieħi u jtemm il-mard li kien qed jifni lill-bniedem. Ħasra li tlifna din il-ħolma tal-poplu Lhudi! Kien għalhekk li Indrì jmur għandu Pietru u b’sodisfazzjon kbir jgħidlu: Saflaħħar sibna lill-Messija! F’Ġesù, Indrì sab lil dak li jwieġeb għal għadd ta’ mistoqsijiet gravi kemm personali u kemm kollettivi.

Għażiż Dun Simon Mario, qed nafdalek din il-komunità parrokkjali. Kif għidtlek fid-Digriet tal-Ħatra, il-missjoni tiegħek hija waħda ħielsa minn ħafna xinxilli: illi tlaqqagħna ma’ Ġesù. Jekk trid li l-bniedem tal-lum, fuq l-eżempju ta’ Sant’Andrija, jilqa’ lil Ġesù f’ħajtu u jikkonverti, fittex li tlaqqgħu mal-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja. Ħafna drabi jien naqta’ qalbi li nista’ negħleb id-dnub tiegħi personali, u xħin nifrex ħarsti madwari qalbi tkompli titqal meta nara l-preżenza ta-dnub u l-effetti devastanti tiegħu! Nifhem li dawn l-istess sentimenti ġġarrabhom kemm int u kemm in-nies ta’ rieda tajba. Mhux ser niskandalizza ruħi, għax naf li din hija n-natura tagħna l-bnedmin; imma fl-istess waqt nimtela bit-tama u l-kuraġġ għax niftakar li Ġesù huwa l-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja. Illum ukoll Ġesù huwa l-Messija li jrid iroddilna l-ħelsien. Fiċ-ċirkustanzi ta’ żminijietna meta l-bniedem qed jagħmel ħafna mistoqsijiet tqal dwar ħafna ħwejjeġ eżistenzjali, il-Knisja ma għandhiex soluzzjonijiet tekniċi jew organizzattivi, imma t-tweġiba tagħna hija waħda: Ġesù Kristu li huwa l-Ħaruf ta’ Alla u l-Messija.

Fl-uffiċċju tiegħek ta’ kappillan int mistenni li mhux biss terfa’ l-Ostja kkonsagrata u tgħidilna: “Dan hu l-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja”, imma wkoll li inti tkun il-ħaruf ta’ Alla għaż-żminijiet tal-lum billi takkumpanja lill-poplu ta’ Alla fdat f’idejk f’mixja li twasslu f’art li tnixxi ħalib u għasel – billi minkejja li għandek id-dnubiet tiegħek, inti “terfa’” fuq spallejk u f’ħoġrok id-dnubiet ta’ ħutek biex hekk ittaffilhom it-toqol u jkunu jistgħu jħaffu l-passi biex jiksbu ħelsien sħiħ.

Fuq l-eżempju ta’ Ġesù, lill-midneb ma tirbħux lura bil-kundanni jew bl-għadab, imma bl-imħabba! B’xorti ħażina, din il-virtù hija wisq nieqsa minn fostna. Ħafna huma pronti jippuntaw subgħajhom lejn id-dnub tal-oħrajn imma ma jafux jagħtu t-tweġiba li ta Ġesù – ma jafux iħobbu. Mhux ta’ b’xejn li San Ġwann meta jirrakkontalna l-passjoni u l-kruċifissjoni tal-Imgħallem – fejn għandna l-aqwa turija tal-imħabba ta’ Ġesù lejna midinbin – jgħidilna li fl-istess waqt fit-Tempju ta’ Ġerusalemm kien qed jiġi offrut il-ħaruf għas-sagrifiċċju. F’dan il-waqt Ġesù jagħti t-tifsira tal-ħaruf tal-Għid tal-Lhud: għax bl-offerta tiegħu nnifsu, Ġesù mhux biss ħelisna mid-dnub imma tana l-qawwa biex negħlbu d-dnub. Għalhekk kun bħal Ġesù li ma waqafx filli jikkundanna l-ħażen, imma bl-imħabba li kienet tfawwar lil Qalbu wieżen u fejjaq lill-midneb.

Għalhekk, għażiż Kappillan, inħeġġek biex tkattar fik dawk il-kwalitajiet li kellu Ġesù, il-Ħaruf ta’ Alla. Tkunx l-iljun ta’ Ġuda li kien jaħkem b’qawwietu fuq l-oħrajn u bil-qilla tiegħu jiżbrana lill-bniedem, imma kun twajjeb, ħelu, ġwejjed, umli, ħieles minn kull ħażen u għani fil-ħniena biex taqdi lil dawk li qed nafdalek. Jekk ma jkollokx dawn il-karatteristiċi tal-ħaruf – jekk ma tkunx “ħaruf” – ma tistax tkun qaddej tal-komunità. Fil-fatt, il-kelma “qadi” tfakkarni fil-qaddej sofferenti ta’ Jaħweh li jsemmi l-profeta Iżaija, li ma kellu ebda sura u ebda ġmiel biex iħarsu lejh: “Kien imżeblaħ u mwarrab mill-bnedmin, bniedem li bata u kien jaf x’inhu l-mard, bħal wieħed li n-nies kienu jaħbu wiċċhom minnu, bniedem imżeblaħ u aħna xejn ma qisnieh. Iżda hu refa’ fuqu l-mard tagħna, tgħabba bin-niket tagħna… kien miġruħ minħabba fi dnubietna, misħuq minħabba ħżunitna… Il-Mulej xeħet fuqu l-ħażen tagħna lkoll. Ħaqruh, u hu qagħad għalihom bla biss ma fetaħ fommu bħal ħaruf meħud għall-qatla” (53:2-7). Dan kollu seħħ f’Ġesù, u tistagħġibx jekk tara ħsus tiegħu fil-ministeru tiegħek. Bħal Ġesù, il-Ħaruf ta’ Alla, tgħallem kun manswet u doċli. Tibżax tidher impotenti quddiem l-aggressività. Ġesù, il-Ħaruf, ma kienx maqtul, imma offra lilu nnifsu għall-mewt. Bil-pjagi li wassluh għall-mewt Ġesù wera li fl-aħħar ir-rebbieħa ma humiex dawk li qerduh, imma li pjuttost id-dinja kisbet il-ħajja bis-saħħa ta’ dak li misjuq mill-imħabba offra ruħu bħala vittma. Fl-aħħar Ġesù wera li kien il-Ħaruf li naffar u rebaħ fuq l-ilpup li riedu jeliminawh. Dawn l-atteġġjamenti jagħmluna ragħajja tajbin skont il-Qalb ta’ Ġesù.

Ġesù huwa r-Ragħaj li, għax ħabb il-merħla, sar il-Ħaruf. Għalhekk nagħlaq billi nfakkrek f’dak li jħobb itennilna l-Papa Franġisku: ħa jkollok ir-riħa tan-nagħaġ u tal-ħrief billi int stess tkun għalihom ragħaj u ħaruf. Din hija l-missjoni li fi tmiem il-mandat tiegħi bħala Isqof ta’ din id-Djoċesi qed nagħtik. Inqiegħdek taħt il-ħarsien tal-Qalb ta’ Ġesù u ta’ Sant’Indrija, li kien mhux biss “ragħaj” imma wkoll il-ħaruf li bil-martirju tiegħu wera mħabbtu lejn Ġesù u lejn il-Knisja.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading