Insejna nosservaw


Dan l-aħħar iltqajt ma’ ħsieb li ħareġ mill-moħħ u mill-qalb ta’ produttur tal-films, kittieb u anki ħassieb fil-qasam ċinematografiku Russu, Andrei Tarkovsky (twieled fl-4 t’April 1932 u miet fid-29 ta’ Diċembru 1986). Dan il-bniedem kbir fil-qasam ċinematografiku tal-era Sovjetika qal hekk: Insejna nosservaw. Minflok nosservaw qiegħdin inwettqu l-affarijiet skont sistemi.

Il-ħsieb ta’ Tarkovsky laqagħtni! U laqagħtni fil-laħam il-ħaj! Għax tant hu veritier! Għalhekk, tant jagħmel sens! Għax tant ifejjaq! Għalhekk żgur li ġej mill-Mulej! Iva ħbieb! Insejna nosservaw! Hijiex din il-verità fuqna nfusna u bħala soċjetà? Donnu illum jekk trid tlissen ħsieb li hu ta’ dagħwa kbira żgur li hu dan: osserva! Le! Is-soċjetà tallum dan ma tridux! U r-raġuni hi ovvja! L-għaliex meta nosserva, għall-imħuħ u l-mentalitajiet konsumistiċi, li jaraw biss flus, li nosserva jfisser li qed naħli l-ħin. Li nosserva jfisser li minflok li qed nuża’ dan il-ħin biex naqla’ u nitħanżer aktar fil-balal tal-ewro għażilt li dan il-ħin nqattgħu nosserva.

U x’nosserva? Kollox! Nosserva s-sbuħija tal-baħar. Nosserva l-ikħal tas-sema. Nosserva t-tmellisa tar-riħ. Nosserva l-mod ta’ kif ħadmu missirijietna. Nosserva dak li jgħaddi minn moħħi u minn qalbi. Nosserva ftit dak li jgħidli ħaddieħor. Għax, meta nosserva, kollox jibda’ jagħmel sens. Meta nosserva nibda’ nintebaħ li qed nikseb il-biċċiet li jiffurmaw soluzzjoni aħħarija. U, dawn il-biċċiet, b’naqra qalb umli li lesta tisma’ lill-Mulej li ħalaqha u fdieha, lil qlub oħra bħalha u anki, u fuq kollox, lilha nnifisha stess, din il-qalb tkun tista’ tgħaqqad dawn il-biċċiet, frott l-osservazzjoni tagħha stess, u tibnihom f’mużajk mill-aqwa. Dejjem, u sintendi, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, il-Mulej li jagħti l-ħajja u l-għerf li jibqa’ għal dejjem.

L-ossevazzjoni! Dan huwa verb importantissimu fil-Bibbja. U bir-raġun. Ma ninsewx li Alla tagħna jogħxa fid-dettalji. Donnu li, qabel iħabbel rasu għas-sistemi, l-ewwel ħaġa li jmur għaliha hu d-dettalji. Fil-kuntest ta’ diskors minn Ġesù fejn iħeġġeġ lili u lilek biex ma ninkwetawx, araw x’jgħidilna dwar id-dettalji tal-għasafar tas-sema u l-ġilji tal-għelieqi:

Għalhekk ngħidilkom: tinkwetawx ruħkom għal ħajjitkom, x’se tieklu jew x’tixorbu, anqas għal ġisimkom x’se tilbsu. Jaqaw il-ħajja m’hijiex aqwa mill-ikel, u l-ġisem aqwa mill-ilbies? Ħarsu lejn l-għasafar tas-sema; la jiżirgħu u lanqas jaħsdu u lanqas igeddsu fl-imħażen, u madankollu Missierkom li hu fis-smewwiet jitmagħhom! Intom ma tiswewx aktar minnhom? U min minnkom, bl-inkwiet kollu tiegħu, se jseħħlu jtawwal għomru mqar b’jum wieħed biss? U għall-ilbies għalfejn tinkwetaw ruħkom? Ħarsu lejn il-ġilji ta’ l-għelieqi, kif jikbru! U la jitħabtu u lanqas jinsġu. Madankollu, ngħidilkom, anqas Salamun, fil-glorja kollha tiegħu, ma kien jilbes bħal wieħed minnhom. Mela jekk Alla jlibbes hekk imqar ħaxixa selvaġġa li llum hawn u għada tinxteħet fil-forn, kemm aktar lilkom, nies ta’ fidi ċkejkna! Għalhekk toqogħdux tinkwetaw ruħkom u tgħidu, “X’se nieklu?’ jew ‘X’se nixorbu?’ jew ‘X’se nilbsu?’, għax dawn huma kollha ħwejjeġ li jfittxuhom il-pagani. Imma Missierkom li hu fis-smewwiet jaf li dan kollu teħtiġuh. Mela fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja ta’ Alla, u dan kollu jingħatalkom ukoll. Mela toqogħdux tħabblu raskom għall-għada, għax il-jum ta’ għada jħabbel rasu hu għalih innifsu. Biżżejjed hu għall-jum it-taħbit tal-ġurnata (Mt 6:25-34).

Darb’oħra l-vanġelu jfakkarna f’Ġesù li josserva x’offerti kienu qiegħdin jitfgħu n-nies fit-teżor tat-tempju.

Rafa’ għajnejh u ra l-għonja jitfgħu l-offerti tagħhom fit-teżor tat-tempju. U ra wkoll waħda armla fqira titfa’ biċċtejn żgħar tal-flus, u qal: “Ngħidilkom is-sew, din l-armla fqira tefgħet iktar minnhom ilkoll. Għax dawn kollha għamlu offerti miż-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet dak kollu li kellha biex tgħix (Lq 21:1-4).

Filwaqt li fil-vanġelu skont San Ġwann insibu wkoll lil Ommna Marija li tosserva.

Mbagħad fit-tielet jum sar tieġ f’Kana tal-Galilija, u omm Ġesù kienet hemm. Ġesù kien mistieden għat-tieġ hu wkoll flimkien mad-dixxipli tiegħu. Billi ma kienx fadal iżjed inbid, omm Ġesù qaltlu: “Ma għandhomx inbid” (Ġw 2:1-3).

F’dawn it-tlett ċirkustanzi diversi x’inhu r-riżultat aħħari tal-osservazzjoni? Fit-tlett każi t-tlett osservazzjonijiet dejjem wasslu għal xi forma ta’ azzjoni jew aħjar ta’ pjan ta’ azzjoni futura. Fl-ewwel każ Ġesù qed joffrilna mentalità ġdida ta’ kif nirrejaġixxu meta nkunu mħabbta bl-inkwiet. Qed jgħidilna: Tinkwetawx ruħkom għal ħajjitkom (Mt 6:25). Fi ftit kliem, skont Ġesù dan ifisser: Biżżejjed hu għall-jum it-taħbit tal-ġurnata (Mt 6:34). Bl-osservazzjoni tiegħu Ġesù jridna ngħixu jiem ħajjitna b’ħafna paċi u trankwillità u mhux iflaġellati b’xebgħa nkwiet u tkissir ir-ras.

Fit-tieni każ l-osservazzjoni ta’ Ġesù wasslet għall-mod ġdid ta’ kif wieħed jagħti karità. Il-frott tal-osservazzjoni tiegħu hu li mhux il-kwantità li tagħmel kontribuzzjoni finanzjarja b’saħħitha iżda b’liema spirtu dik il-kontribuzzjoni qed tiġi mogħtija. Mela, il-vera ġenerożità ma titkejjilx mill-kwantità imma minn kemm wieħed jagħti minn qalbu u li jagħti kollox. Hekk il-ġenerożità qalbiena ta’ din il-mara għolliet bil-bosta din il-kontribuzzjoni finazjarja. Għax l-ispirtu tagħha berikha!

Fl-aħħar każ l-osservazzjoni ta’ Marija wasslet għal miraklu minn naħa ta’ Ġesù. Għax wasslet għal azzjoni għal kollox konkreta: Agħmlu kull ma jgħidilkom hu (Ġw 2:5), qalet Marija. U din l-azzjoni mmaterjalizzat ruħha f’dak li qal dak li [kien] qiegħed jieħu ħsieb il-mejda (Ġw 2:8) meta qal: Kulħadd l-inbid it-tajjeb iservi l-ewwel; meta mbagħad ikun ħadhom iġibu dak li jkun inqas tajjeb. Imma int l-inbid it-tajjeb erfajtu sa issa (Ġw 2:10).

Kos hux! Kemm jagħmel sens dak li tgħid l-attriċi Amerikana Jessica Williams: Int tista’ titgħallem ħafna sempliċiment billi tosserva. Ħa nosservaw! Basta bl-osservazzjoni tagħna ngħinu lil xulxin nikbru. B’ħafna paċenzja, mogħdrija, delikatezza u perseveranza!

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.