Il-Papa f’Santa Marta: Żewġ attitudnijiet ta’ Nsara bierda

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 16 ta’ Diċembru 2019: Fl-omelija li għamel il-Papa Franġisku illum, fil-kappella tad-Dar Santa Marta, huwa fisser żewġ atteġġjamenti tal-Insara bierda: l-atteġġjamenti tas-saċerdoti ma’ Ġesù fit-tempju, li qiegħdu lil Alla f’rokna u jfarfru jdejhom minnu. Dawn huma perikolużi, ikkummenta l-Papa, għax ara x’ikun ir-riżultat kieku Hu jagħmel hekk magħna.

Dan l-atteġġjament huwa sfida lil Alla.  Kieku l-Mulej iqiegħed lilna f’rokna, qatt ma jirnexxilna nidħlu l-ġenna. Jaħbtilna ħażin kieku Hu jfarfar idejh minna.

Fl-omelija mnebbħa mill-Evanġelju ta’ San Mattew, il-Papa Franġisku rrifletta dwar id-djalogu bejn Ġesù u s-saċerdoti li staqsewh b’liema awtorità kien qed jgħallem fit-tempju.

Ġesù kien iqanqal in-nies, ifejjaqhom, kien jgħallem u jagħmel il-mirakli.  Dan kien imeżmeż lill-kapijiet tas-saċerdoti għax il-ħlewwa u d-dedikazzjoni tiegħu kienu jiġbdu n-nies lejh.

Filwaqt li lilhom, lill-uffiċjali, in-nies kienu jirrispettawhom, imma ma kinux jersqu lejhom għax ma kellhomx fiduċja fihom.

Għalhekk is-saċerdoti ftiehmu biex lil Ġesù jonsbuh.  Jistaqsuh b’liema awtorità kien qed jagħmel dak kollu; Hu li ma kienx saċerdot, duttur tal-Liġi, ma studjax fl-universitajiet tagħhom.  Għalihom Ġesù ma kien xejn.

Bid-dehen tiegħu, Ġesù jwieġeb b’mistoqsija oħra li tqiegħed lilhom f’nasba.  Staqsiehom jekk Ġwanni l-Battista kienx jgħammed b’awtorità ġejja mis-sema, minn Alla, jew mill-bniedem.

San Mattew itina deskrizzjoni ta’ kif bdew jirraġunaw bejniethom: jekk ngħidulu mis-sema, jistaqsina għaliex ma emminniex; jekk ngħidulu li mill-bniedem, nispiċċaw minn taħt aħna.  Allura jaħslu jdejhom u jgħidulu li ma jafux.

Dan hu l-atteġġjament – osserva l-Papa – tan-nies medjokri, ta’ min jgħix il-fidi f’gidba.

Mhux Pilatu biss ħasel idejh, dawn ukoll għamlu bħalu.  Ma ridux jidħlu fl-istorja  tal-bnedmin, ma ridux jerfgħu r-responsabbiltà tal-problemi, jitqabdu biex jagħmlu l-ġid, biex ifejqu tant nies fil-bżonn tal-fejqan….  Aħjar inżommu ’l bogħod….

Għalhekk Ġesù jwieġeb bl-istess ton: ‘Lanqas jien ma jien se ngħidilkom b’liema awtorità qed nagħmel dan.’

Dawn huma l-atteġġjamenti tal-Insara bierda, bla konsistenza.  Atteġġjament li bih lil Alla nqegħduh f’rokna: ‘Jew tagħmel dak li rrid jien, inkella ma mmurx aktar il-knisja.’  U Ġesù jwieġeb: ‘Mur, mur, irranġa!’

L-atteġġjament l-ieħor tal-Insara bierda hu li jfarfru jdejhom bħalma għamlu d-dixxipli ta’ Għemmaws dakinhar tal-qawmien mill-imwiet filgħodu.  Jaraw lin-nisa ferħanin għax kienu raw lill-Mulej, imma ma jafdawx…. għax in-nisa għandhom ħafna fantasija!  Ifarfru jdejhom u b’hekk jidħlu fil-fratellanza ta’ Pilatu!

Quddiem l-isfidi tal-kultura, l-isfidi tal-istorja, l-isfidi tan-nies ta’ żmienna, anke quddiem l-iċken sfidi, ħafna Nsara jfarfru jdejhom.  Kemm drabi nisimgħu bi Nsara li jixxaħħu quddiem persuna li tkun titlob il-karità, ma jagħtu xejn bl-iskuża li l-flus jistgħu jintużaw ħażin.  Jirraġunaw li aħjar ma ttihom xejn …. bl-iskuża tas-sokor.   ‘Imma dan bil-ġuħ!’  Affarih, jien ma rridux jisker!   Din l-iskuża nisimgħuha spiss.

Li nitfgħu lil Alla f’rokna u li naħslu jdejna huma atteġġjamenti perikolużi għax b’hekk inkunu qisna qed nisfidaw lil Alla.  Naħsbu ftit x’jiġri kieku Ġesù kellu jimxi magħna hekk, kieku kellu jitfagħna f’rokna. Kieku qatt ma nidħlu l-ġenna!  U x’jiġri kieku l-Mulej jaħsel idejh minna?  Imsejknin aħna!

Dawn huma żewġ atteġġjamenti ipokriti tan-nies ‘edukati’.  ‘Le, dan le, ma nindaħalx.’  Lin-nies inqegħidhom f’rokna għax maħmuġin, jien naħsel idejja minnhom għax affarihom.

Neżaminaw ftit jekk fina hemmx xi ftit minn dawn l-atteġġjamenti, u jekk hemm inwarrbuhom minn ġo fina biex nagħmlu wisa’ għall-Mulej li ġej.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

 

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading