L-Avvent ifakkarna li għandna bżonn lil Alla


It-Tnejn, 16 ta’ Diċembru 2019: Quddiesa tal-Avvent għall-impjegati tal-Kurja fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana.

Capture1

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

“Int b’liema setgħa qiegħed tagħmel dan kollu, min tahielek din is-setgħa?” (Mt 21:23). Il-komunità Nisranija li kienet tisma’ dan l-Evanġelju bħalna, taf ir-risposta għal dawn il-mistoqsijiet. Ġesù jirrifjuta li jagħti risposta għaliex jifhem, hu li jara l-qalb, li f’dak il-mument min kien qed jistaqsih dwar l-identità tiegħu, ma kienx lest li jaċċettah.

Dan jista’ jkun ukoll il-periklu li ngħaddu minnu aħna fl-Avvent u fil-Milied fejn dak kollu li jdawwar l-ambjent fejn noqogħdu jew naħdmu, ikun isejħilna għall-Milied imma l-qalb tagħna ma tkunx għadha lesta tilqa’ lil min ġej.

It-talba tagħna llum trid tkun waħda sempliċi: li nkunu persważi li għandna bżonnu. Waħda mill-isbaħ talbiet li nsib fl-Avvent u li tgħinni nitlob u nara d-dgħufija tiegħi, hija talba għażiża ħafna għal San Ġorġ Preca li tiġbor l-ispirtu tal-Avvent: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok.’

Ħafna mill-problemi li għandna huwa għaliex tlifna s-sens radikali ta’ dan il-bżonn. Mingħalina nafu iżjed minn Alla, nifhmu iżjed minnu, kapaċi ngħixu mingħajru. L-Avvent ifakkarna li għandna bżonnu u allura l-Milied se jkun isbaħ jekk dak li ġej, propju għandna bżonnu. Għandna bżonnu bħala t-tabib tagħna, għandna bżonnu bħala l-konsolatur tagħna, għandna bżonnu bħala r-ragħaj tagħna, il-leader tagħna, għandna bżonnu bħala x-xemx tielgħa, dik il-kewkba li tfarraġ il-baħrin fid-dlam tal-lejl mitlufin f’nofs ta’ baħar, dik il-kewkba li torjentak, li tgħinek tfittex u ssib fejn qiegħed.

“Qiegħed naraha, imma mhux għalissa,” jgħid Balam bin Begħor, “inħares lejha imma mhux fil-qrib. Għad titla’ kewkba minn Ġakobb u jqum xettru minn Israel” (Num 24:17). Din il-kewkba hija Ġesu. Aħna għalhekk nagħmlu l-kwiekeb, mhux biss għaliex fuq l-għar ta’ Betlehem meta żaru l-Maġi, dehret din il-kewkba kbira, imma għaliex il-profezija tal-Antik Testment titkellem dwar Ġesù bħala din il-kewkba.

U allura dak kollu li kewkba tfisser: dawl u dlam, huwa wkoll dak li aħna qegħdin infittxu. It-talba tal-quddiesa llum titkellem dwar id-dlamijiet ta’ qalbna. U parti minn dan id-dlam huwa l-fatt li aħna nkunu tlifna lil Alla b’ħafna modi, b’ħafna manjeri u ħafna u ħafna sintomi, imma meta tfittex, tfittex fil-qiegħ tirrealizza li dan hu: tlifna s-sens ta’ Alla u donnu m’għandniex bżonnu.

Ejjew flimkien ma’ San Ġorġ Preca ngħidu din it-talba Salvatur: Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok.

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Num 24, 2-7.15-17a
Salm: 24 (25), 4bċ-5ab.6-7bċ.8-9
Evanġelju: Mt 21, 23-27