Saqaf miftuħ


Ma nqisnix u ma nikkunsidranix xi bniedem tad-dehriet. U ma rridx lanqas nippoża qisni kont xi safety valve tal-għerf tal-Mulej. Il-limitazzjonijiet tiegħi nafhom. U nafhom sewwa. U naf ukoll in-nuqqasijiet u d-dnubiet tiegħi. Għalkemm il-Mulej, fi mħabbtU bla tarf, għalhekk iva jagħtini l-grazzja li nifhem lil min jiġi f’riġlejja biex, f’IsmU, inkun nista’ nagħtih u nagħtiha minn qalbi l-ħniena tiegħU.

Madankollu, f’dawn l-aħħar jiem, f’moħħi ġiet dehra. Viżjoni. Waslitli xi ħaġa li mlietni b’kuraġġ kbir! Liema kuraġġ, illum, irrid ngħaddih lilek. Li, bħali, ġieli tkun kwiet u kwieta u tispiċċa fl-inkwiet xorta waħda. U ġieli, iva, ma jħallukx kwiet u kwieta lanqas. Illum ngħid, ma’ Ġesù sidi li tant inħobb, għalkemm midneb: Dan il-biża’ kollu għalfejn? (Mt 8:26). Għax x’biża għandu jikkaratterizza lil ħajjitna? Minn min tabilħaqq għandna nibżgħu?

Il-Kelma tal-Mulej lili tabilħaqq taffaxxinani. Għax tħallini tassew bla kliem. In-nies li l-Mulej jagħtini l-grazzja li nimxi magħhom f’Mater Dei, fejn inqatta’ il-biċċa l-kbira ta’ ħajti, dejjem għallmuni li l-ħajja hi tassew limitata. Kien hawn min intefaħ u intefħet. Forsi l-għaliex laħquhom xi ħaġa. Jew forsi għax ħasbu li bħalhom m’hawnx. Jew l-għaliex raw xi ftit flus f’idejhom. U allura, minħabba dawn l-imberkin flus, spiċċaw li bdew jaraw lil kulħadd dubbien.

Imma x’ġaralhom dawn l-aħwa għeżież? Anki minn fuqhom għaddiet l-expiry date. Anki minn fuqhom għadda ż-żmien. U allura anki fuqhom ġiet il-mewt. U x’ħallew warajhom? Vittmi! Vittmi! Vittmi! Nies li għafġu u kissru taħt saqajhom lil min sabu. U dan, sempliċiment, l-għaliex minflok li ħabbewhom ippruvaw jaħkmuhom. Għax hekk ħasbuha. Fil-mument. Ħallieha li meta kienu qed jieħdu l-aħħar nifsijiet abbli messithom il-kuxjenza u bagħtu għal dawk li kissrulhom qalbhom. Għax, fl-agunija tagħhom, ma felħux imutu fil-paċi. Fis-sliem. Fit-trankwillità mal-Mulej u magħhom infushom.

Bħalissa, kull darba li l-Mulej jagħtini l-grazzja li noħroġ ftit mill-ambjent tal-Isptar, ħa nieħu ftit arja, (ovvjament mhux biex nagħmel l-arja), meta nitfa’ ħarsti lejn is-sema dlonk nara sema ikħal nir. Sabiħ. Mingħajr l-iċken sħaba! Din ix-xena ħbieb tassew li tmissli qalbi! U iġġibli d-dmugħ f’għajnejja! U dan l-għaliex is-sema ikħal nir jfakkarni li r-rejaltà ta’ din l-art, jekk irridu tabilħaqq nifhmuha, irridu nitfgħu ħarsitna l-ewwel lejn is-sema! Lejn dik l-immensità ta’ ħelsien li ma jispiċċa qatt! Lejn dak l-ispazzju li fih int u jien nistgħu niġru! Nimxu! Nistrieħu! U, tabilħaqq, ngħixu!

X’differenza hux meta nniżżlu ħarsitna mis-sema biex niltaqgħu ma’ dak li għandna hawn, fl-art! Biżżejjed nidħlu fid-djar, fl-appartamenti, fil-postijiet tax-xogħol, fl-uffiċini, fil-knejjes, fil-kunventi u f’kull post ieħor tad-divertiment. U x’ninnutaw f’dawn il-postijiet? Li ilkoll għandhom saqaf! Liema saqaf qiegħed hemm biex ikennen lil dawk li jgħixu f’dawn il-binjiet mill-elementi naturali tal-ksieħ, tas-sħana, tar-riħ u ta’ kull element naturali ieħor. U, għalkemm kull element fin-natura jibqa’ interessanti, l-għaliex ġej mill-Ħallieq u s-Salvatur tagħna, żgur li ħadd minna ma jieħu gost li jispiċċa l-pupu ta’ dawn l-elementi. Immaġina li kieku nkunu dejjem bix-xemx tiżreġ fuq rasna x’nagħmlu? Jew inkella mixħuta barra għas-sirda tallejl jew tal-ewlenin sigħat bikrin ta’ filgħodu x’jiġrilna? Żgur li ma ngħixux ħbieb!

Mela, taqblu miegħu li s-saqaf għandna bżonnu! Ħalli jipproteġina minn dawn l-elementi li jafu jkunu tabilħaqq ta’ skomdu għalina. Imma l-istorja ma tieqafx hawn. Is-saqaf ifakkarna wkoll li aħna familja u komunità. Is-saqaf jurina li għandna ħajja x’ngħixu flimkien. Bit-tlajja’ u l-inżul tagħha. Bil-ferħat li nagħtu lil xulxin u bil-weġgħat li spiss noħolqu f’qalb xulxin, anki jekk ikollna l-aqwa u l-aktar idejat nobbli. Hekk, f’dan ir-rigward, is-saqaf, minflok ma jkun il-post fejn jipproteġi, jaf jagħmel ix-xogħol li jagħmel tapp ta’ flixkun tal-luminata. Aktar ma jkun hemm il-gass fil-flixkun u li jrid joħroġ minnu aktar dan l-imbierek tapp jibda’ iżid il-pressa li jkun hemm ġewwa l-flixkun. U x’jiġri meta l-flixkun ikollu ħafna pressa fih? Mhux jisplodi?! Jew meta tidħol nitfa’ arja fih aqta’ kif il-luminata tfur?!

Kemm hu insidjuż u perikoluż hux is-saqaf! L-għaliex is-saqaf, dak il-famuż saqaf li għandi fuq rasi, (u li għal uħud, fis-sajf, jaf ikun jixwi bil-membrane li jkollu fuqu s-saqaf!), jaf ikun ta’ ħarsien jew inkella ta’ attakk. L-eżempju klassiku li l-Ispirtu s-Santu qed jagħtini bħalissa huma s-swar tal-Belt fi żmien il-ħakma Franċiża. Storikament, dawn is-swar kellhom iservu ta’ difiża kontra l-għadu. Kellhom iva jħarsu lin-nies ta’ din il-Gżira mill-ħbit tal-għedewwa tagħna. Iżda x’ġara f’dan il-famuż imblokk? Kien l-għadu stess li daħal f’dawn is-swar. U għalhekk, u bl-akbar makakkerija u kefrija fuqu, l-għadu uża dawn il-fortifikazzjonijiet, tant mibnijin b’għaqal u b’ħila minn missirijietna, kontra tagħna stess!

U s-saqaf mhux ukoll ħbieb? Suppost għandu jħarisna minn dak kollu li hu ta’ ħsara għall-familja, il-komunità, il-post tax-xogħol, id-divertiment u x’ma nafx jien. Imma x’jiġri? Jiġri li ħafna vjolenza psikoloġika tibda’ issir fi ħdan il-familja, il-komunità, u l-post tax-xogħol taħt l-istess saqaf! Meta jibdew jinbtu l-inġustizzji, it-trattamenti diversi ta’ persuni abbażi ta’ min idoqqli u min le, u dejjem skont il-prinċipju tiegħi (???) ma’ min naħsel nieħu grazzja, allura nkunu ftaħna beraħ il-bibien għax-xitan. U x’jiġri? Jiġri li bejnietna jidħol il-bully, li jsib lin-nies waħedhom, irosshom mal-ħajt, jheddidhom u jiħdar għalihom. U hekk nispiċċaw inkabbru l-lista ta’ persuni mweġġgħin jew inkella nkomplu nżidu diġà l-uġiegħat tal-persuni li huma diġà mweġġgħin fostna u magħna.

Xi krudeltà! X’abbuż! X’kefrija! U xi tkażbir tad-dinjità tal-persuna! U dan kollu jseħħ taħt l-istess saqaf! Sew dak misbuħ u dak le. Sew dak bi travi antiki u sew dak b’suffett. Sew dak is-saqaf ippitturat inkella dak mingħajr pittura ta’ xejn.

Min jipprova dawn l-uġiegħat tal-biża’ u li ma jidhrux, l-għaliex grif minbarra ma jkollhomx, jaħseb li se jibqgħu għaddejjin qisu qatt ma kien xejn qed jiżbalja bil-bosta. Għax qajla dan jew din il-proxxmu qed iżomm u iżżomm f’qalbu u f’qalbha, dak li kien iħobb jgħid il-Papa qaddis San Ġwann II: Ma jistax ikun hawn paċi mingħajr ġustizzja. U, l-ewwel post tal-ġustizzja, irid ikun il-familji u l-komunitajiet fejn ngħixu! Għax kif ħa nippretendu li madwarna jkollna l-paċi jew li nevanġelizzaw jekk taħt dak is-saqaf il-Mulej biss jaf x’hemm tal-qtil li ma jidhirx? Il-qtil ta’ persuni innoċenti li mhux talli jiġu apprezzati għal dak li huma u li jwettqu talli jiġu brutalment imbiċċra b’nerv li ma jidhirx? Għax minflok mifhuma qed jiġu ittratti donnhom mhux ta’ bnedmin?

Ejjew nieqfulu dan il-ħażen sieket! Ejjew ma nħallux lix-xitan ikisser persuni innoċenti li qed jgħixu taħt is-soqfa tagħna! Le! Il-Missier tagħna tas-Sema ma jridx dan! Anzi! Jekk nitolbuh lest li jrażżan dan il-ħażen kollu illum qabel għada! Imma rridu nitolbuh ħa jrażżan! U dan jagħmlu biex ifakkarna li s-saqaf tad-dar, tal-fabbrika, tal-appartament, tal-kunvent, tal-knisja, tal-post tad-divertiment u l-bqija mhux magħluq imma miftuħ! U, tant kemm hu miftuħ li jagħti għas-sema! Il-post minn fejn il-vera ġustizzja u mħabba tinżel fuqna. Il-post fejn, kuljum, u min jaf għal kemm bosta drabi, int u jien nitolbu fit-talba li għallimna Ġesù, tal-Missierna: Ikun li trid Int kif sema hekk ukoll fl-art! Iva ħbieb! Dak li hemm fis-sema, fil-ġenna, irid jinżel hawn fl-art!

Mela iftaħ is-saqaf ta’ darek, tal-appartament, tal-knisja, tal-kunvent, tal-post tax-xogħol u l-bqija b’din it-talba:

Rażżan Mulej lil dawk li qed jippersegwitawni. U niżżel fuqhom u fuqi u fuq il-vittmi tagħhom l-imħabba tas-Sema.

Jekk tħobb titlob bis-Salmi itlob Salm 69 li tassew ifarrġek u jsaħħek fis-sitwazzjoni ta’ persekuzzjoni li qiegħed u qiegħdha fiha u tara s-salvazzjoni ta’ Alla tagħna. Dan is-Salm jibda’ b’dan il-kliem: Salvani, o Alla, għax l-ilma laħaq sa griżmejja.

U jekk tħobb tfaħħar lill-Mulej faħħru b’dan il-kliem: Faħħru lill-Mulej, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu (2 Kron 20:21). U tara li min qam għalik biex jgħaddi minn fuqek jiġrilu eżatt bħal dak li jgħidilna 2 Kronaki 20:22-23. Għax fuq Alla ħbieb m’hemm ħadd! Għalhekk is-saqaf jibqa’ dejjem miftuħ!

Patri Mario Attard OFM Cap