Tarbija mfisqija fil-faxex

Print Friendly, PDF & Email

Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Quddiesa ta’ Nofsillejl fis-Solennità tat-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu/  Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria. It-Tlieta 24 ta’ Diċembru 2019

Jekk ngħid li l-Milied huwa ġrajja ta’ ferħ naħseb li nkun qed nagħmel understatement. Fil-fatt f’dawn il-ġranet ikun hawn ferneżija sħiħa: divertiment, xi drabi b’xorti ħażina anki taħt il-libsa reliġjuża, parties, ikliet, kunċerti u nfiq! Imma huwa fatt ukoll li f’dawn il-jiem mhux kulħadd iduq il-ferħ tal-Milied, biex ma ngħidx li għal ċerti nies iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied bħal donnhom ikattru n-niket u jtaqqlu l-qlub. Għax jekk minn naħa l-Milied iferraħ, min-naħa l-oħra jaf ikun bħal melħ fuq il-feriti.

Jien għandi f’moħħi lil dawk li għandhom qalbhom infaxxata għax għandhom qalb maqsuma, bħalma huma: dawk il-familji fejn hemm il-viżtu – anki jekk ikun għadda ż-żmien, il-mewt tħalli markiet profondi; dawk il-ġenituri li llum stennew li wliedhom jgħaddu sa għandhom imma ħadd ma tfaċċa għax insewhom; dawk l-ulied li jixxennqu biex ikunu ma’ dak il-ġenitur li llum telaq mid-dar; dawk l-aħwa li llum kibru u jixxennqu li jgħixu l-memorji tal-Milied ta’ tfulithom, imma ma jistgħux għax illum miksurin; dawk il-koppji li kienu fiduċjużi li mħabbithom ser tibqa’ għal dejjem u llum mifrudin; dawk li ħajjithom infern minħabba l-għira jew il-mibegħda tal-ġirien, minħabba t-tkeskis u t-tpaċpiċ żejjed ta’ sħabhom fuq ix-xogħol; dawk li sofrew xi inġustizzja u jħossuhom sfruttati; il-foqra li ma għandhomx mezzi biex ikollhom il-meħtieġ; u l-bqija.

Barra dawk li għandhom qalb infaxxata, hemm ukoll dawk li għandhom “rashom” infaxxata, għax saret tqila daqs qartalla. Dawn huma dawk li jinsabu għaddejjin minn xi għamla ta’ għeja mentali, dawk li għejew iġorru l-piżijiet tqal tal-ħajja, u wħud saħansitra għejew jgħixu! Oħrajn iħossu li ma humiex mifhuma u għalhekk iġġudikati ħażin. Oħrajn ma jistgħux jaċċettaw id-dgħufija tagħhom infushom. Imbagħad hemm dawk li għandhom għadd ta’ mistoqsijiet bla tweġiba – mistoqsijiet anki dwar il-fidi.

Biex ma nsemmux il-feriti li għandha s-soċjetà tagħna!

Imbagħad hemm ukoll dawk li jaħbu taħt il-faxex il-waħx ta’ dnubhom. Ma humiex ftit dawk li jaqtgħu qalbhom li xi darba jistgħu jegħlbu d-dnub!

Lil dawn kollha li huma “infaxxati” u għalhekk iħossu li ma jistgħux jifirħu f’dan il-Milied, f’dan il-Lejl qaddis ngħidilhom li dakinhar li l-Iben ta’ Alla sar bniedem f’Betlehem, hu wkoll kien fil-faxex! Fil-fatt, meta l-anġlu deher lir-ragħajja biex iħabbrilhom it-twelid ta’ Ġesù Bambin, qalilhom: “Illum fil-belt ta’ David tweldilkom Salvatur li hu l-Messija, il-Mulej; u bħala sinjal ikollkom dan: issibu tarbija mfisqija [fil-faxex] u mimduda f’maxtura” (Lq 2:11-12).

Il-fatt li Ġesù huwa mfisqi fil-faxex huwa sinjal li dan Alla li sar bniedem huwa wkoll fraġli u bla saħħa. Il-Missirijiet tal-Knisja, fosthom San Ippolitu u San Efrem mis-Sirja, jaraw kontinwità bejn il-ġrajja ta’ Betlehem u dak li seħħ fil-ġnien tal-Għeden: kif wara l-waqgħa fid-dnub Adam kellu jxidd ħwejjeġ tal-ġild fuqu għax sar dgħajjef (Ġen 3:21), hekk meta Ġesù sar bniedem ġie mfisqi fil-faxex għax kien dgħajjef. Għalhekk Ġesù jifhem lill-bniedem dgħajjef.

Barra minn hekk, dan ifisser li Alla huwa qrib dawk kollha li huma infaxxati; anzi, huwa jagħmel tiegħu l-feriti tal-umanità. Sa mill-mument tat-twelid tiegħu, Ġesù huwa infaxxat, għax il-ġrieħi tagħna huma l-ġrieħi tiegħu. Kif jgħallen Sant’Atanasju ta’ Lixandra, “Alla sar bniedem biex il-bniedem isir Alla”. Fi kliem li jiftiehem mill-kultura tagħna llum, Sant’Atanasju qed jgħid li Alla sar bniedem biex il-bniedem jgħix ta’ bniedem, – u jien inżid – biex il-bniedem ifiq mill-ġerħat tiegħu u ma jkollux bżonn ta’ faxex.

Dawk il-faxex li nsibu fil-maxtura meta Ġesù daħal fid-dinja huma l-istess faxex li Ġesù ħalla warajh fil-qabar meta ħalla d-dinja għax qam mill-mewt u tela’ s-Sema. Meta bil-passjoni u l-mewt tiegħu Ġesù applika l-ingwent tal-imħabba u l-miżerikordja fuq il-feriti tal-bniedem, dawn għalqu u ma kienx hemm bżonn ta’ faxex u ħalliehom warajh fil-qabar. L-istess mediċina għadha tgħodd illum: l-imħabba u l-ħniena jfejqu l-ġerħat tagħna llum.

F’dan il-lejl ukoll l-anġlu tal-Milied qed jgħidilna: “Illum fil-belt ta’ David tweldilkom Salvatur li hu l-Messija, il-Mulej; u bħala sinjal ikollkom dan: issibu tarbija mfisqija [fil-faxex] u mimduda f’maxtura”. Jekk irridu niltaqgħu ma’ Ġesù llum, insibuh fil-persuni mweġġgħin u infaxxati. Ħasra li ħafna drabi l-Insara jdawru wiċċhom quddiem persuni mweġġgħin! Dawk li għandhom ġrieħi infaxxati ma humiex xkiel biex niltaqgħu ma’ Alla, imma huma opportunità biex filwaqt li napplikaw l-ingwent tal-karità fuq il-ġerħat tagħhom, Ġesù jitwieled fostna mill-ġdid.

Ma jkunx Milied Nisrani jekk il-bniedem jiġi jaqa’ u jqum mill-feriti infaxxati tal-proxxmu tiegħu jew, agħar minn hekk, jekk ikompli jfannad il-feriti jew jiftaħhom mill-ġdid bl-atteġġjamenti tiegħu. Ħaġa tal-iskantament hemm xi wħud li jieħdu gost idaħħlu subgħajhom fil-feriti tal-oħrajn jew joborxu l-ferita meta tkun għalqet. Hekk inkunu nagħmlu meta nippersistu fl-imġiba żbaljata tagħna li tkun tikkawża t-tbatija, jew meta nkunu suppervi u ma naħfrux.

San Luqa jgħidilna wkoll li Marija fisqiet fil-faxex lit-tarbija u poġġietha fil-maxtura. Imma l-fisqija li tatu Marija hija att ta’ mħabba, kura u attenzjoni. Fil-persuna ta’ Marija nilmħu l-komunità ekkleżjali: bħalma għamlet f’Betlehem Marija, il-Knisja li tiċċelebra l-Milied trid tkun dik li tinfaxxa l-ġerħat ta’ Kristu u għalhekk il-ġerħat tal-bniedem. Tkun kemm tkun tinten il-ġerħa, din hija oġġett tal-kura tal-Knisja u għalhekk assolutament ma jagħmilx sens meta naqtgħu lil xi ħadd barra.

Għaldaqstant, jekk irridu niċċelebraw il-Milied, bl-interċessjoni ta’ Marija, kull wieħed minna ħa jara kif dan il-Milied jagħmel xi ħaġa biex tingħalaq xi ferita u hekk ma jkunx hemm bżonn ta’ faxex.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading