L-Isqof Mario fil-Festa ta’ Sant’Anton Abbati fix-Xagħra

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 19 ta’ Jannar 2020: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex, fil-Festa ta’ Sant’Anton Abbati fil-Knisja ta’ Sant’Anton Abbati, ix-Xagħra.

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/750439699″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”true” /]

Festa Sant'Anton 2020 Koncelebrazzjoni Mons Isqof (18)

MINGĦAJR TENTAZZJONI MA NSALVAWX

Ġesù jaf x’inhi l-għaġna tagħna l-bnedmin. Huwa jaf li proprju għax aħna dgħajfin, malajr nitgerrbu mal-art. Fil-fatt San Pawl jgħidilna biex nilbsu l-armatura ta’ Alla biex inkunu nistgħu nieqfu għat-tnassis tax-Xitan (Efes 6:12). Meta ż-żagħżugħ għani staqsa x’kellu jagħmel biex jikseb il-ħajja ta’ dejjem, Ġesù fakkru fil-Kmandamenti (la toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, li tixhidx fil-falz, u l-bqija). Hawnhekk Ġesù kien qed jgħidlu biex jgħasses fuqu nnifsu għax it-tnassis jew it-tentazzjoni hija parti mill-istorja tagħna l-bnedmin. Ħajjitna hija taqbida kontinwa kontra kull xorta ta’ tfixkil li xi drabi jaf jippreżenta ruħu taħt libsa sabiħa u qaddisa! Anki jekk, kif għamel Sant’Anton Abbati, ninqatgħu mid-dinja u mmorru ngħixu fis-solitudni fid-deżert, it-tentazzjoni tibqa’ ma’ djulna.

Fil-kitbiet tiegħu Sant’Anton jgħid li min imur fid-deżert ikun rebaħ tlieta minn erba’ gwerer kbar: dik tat-tpespis fil-widnejn (kemm nisimgħu tpaċpiċ fieragħ, ħafna minnu kollu qlajjiet u ġudizzji li xi drabi jsiru biex ifieru jew joqtlu lil dak li jkun!). Imbagħad hemm il-gwerra tal-ilsien – għax meta wieħed ikun waħdu, ma jkunx ittentat li jtaqtaq fuq l-oħrajn u hemm irażżan ilsienu! Fid-deżert wieħed jirbaħ it-tielet gwerra, dik tal-għajnejn, għax fil-medda xagħrija tad-deżert ma jkun hemm xejn li jista’ jħammeġ l-għajnejn. Imma mbagħad il-bniedem fid-deżert jibqagħlu gwerra waħda x’jikkumbatti u jirbaħ: dik tal-qalb. Għax il-qalb tibqa’ dejjem bejta fejn ibejjet it-tajjeb jew il-ħażin. Il-qalb tibqa’ dik l-arena fejn jissieltu l-qawwiet tat-tajjeb u dawk tal-ħażin. Dan ifisser li anki jekk immorru fil-baħħ tad-deżert, nibqgħu esposti għat-tentazzjonijiet.

Sant’Anton huwa magħruf bħala l-qaddis tal-ħanżira. Fl-ikonografija tiegħu ħafna drabi jqiegħdu dan l-annimal ħdejh. Fost id-diversi interpretazzjonijiet li jagħtu lil din il-ħanżira, jingħad li tirrappreżenta x-xitan li kien ifixkel lil dan il-qaddis, speċjalment xħin jinġabar biex jitlob ħalli jiddixxerni r-rieda ta’ Alla għalih. Hemm min jgħid ukoll li l-ħanżira tindika t-tentazzjoni kbira li kellhom Sant’Anton u sħabu biex iqabbdu l-moviment tal-monastiċiżmu fil-Punent. Għalhekk il-ħanżira tfakkarna li t-tentazzjonijiet huma parti minn ħajjitna.

Issa hemm min jaħseb li l-fatt li aħna suġġetti għat-tentazzjoni jfisser li aħna għandna xi ħaġa ħażina jew li aħna żbaljati! Imma mhux hekk. F’waħda mis-sentenzi tiegħu, Sant’Anton jgħid li “ħadd, jekk ma jkunx ittentat, ma jista’ jidħol fis-Saltna tas-sema; fil-fatt, neħħi t-tentazzjonijiet u ħadd ma jsalva” (Qwiel 5,85,1). Dan ifisser li jekk xi ħadd minna jitlob lil Alla biex ma jkollux tfixkil, dan ifisser li jkun qed jirriskja li ma jarax wiċċ Alla. Mingħajr tentazzjoni ħadd ma jista’ jsalva.

Iżakk minn Ninwè, wieħed mill-Missirijiet tad-Deżert, jisħaq li t-tentazzjonijiet iwassluna biex niskopru u nduqu l-miżerikordja ta’ Alla. “Mingħajr tentazzjonijiet wieħed ma jintebaħx kemm Alla hu mitluf warajna, ma jiksibx il-fiduċja fih, ma jitgħallimx l-għerf tal-Ispirtu, u ma jniżżilx għeruqu fl-imħabba divina. Qabel ma jkun għadda mit-tentazzjoni, il-bniedem iġib ruħu ma’ Alla daqslikieku hu xi ħadd barrani; imma meta bil-qawwa tal-imħabba ta’ Alla huwa jegħleb it-tentazzjoni, huwa jibda jqis lil Alla bħala xi ħadd li huwa midjun miegħu, bħala ħabib li tant isir iħobbu li jitqabad kontra l-qawwa tal-għadu”.

Mingħajr tentazzjonijiet fil-ħajja nistgħu naqgħu fl-iżball li naħsbu li l-progress spiritwali tagħna huwa frott tal-ħiliet tagħna; imma meta t-tiġrib jheżżiżna minn ġewwa, nindunaw li aħna nistgħu nagħmlu pass ’il quddiem biss bil-qawwa tal-grazzja divina – dik il-grazzja li b’mod ordinarju taslilna mill-għejun tas-sagramenti. Meta waqt li nkunu ngħumu fil-ħalel tal-baħar imqalleb tat-tentazzjonijiet, inħossu l-id ta’ Alla terfagħna, nibdew nikkonvinċu ruħna bl-għoli, il-fond u l-wisa’ tal-imħabba ta’ Alla. Darba kien hemm raġel li staqsa lil Sisoes, wieħed mill-Missirijiet tad-Deżert: “Waqajt. X’għandi nagħmel?”. L-anzjan qallu biex meta jaqa’, iqum; imma dak ir-raġel bħal qata’ qalbu għax qallu: “Jien qomt, imma erġajt waqajt mill-ġdid”. Sisoes għamillu l-qalb u wieġbu: “Erġa’ qum u ibqa’ agħmel hekk sakemm ma tibqax taqa’” (Qwiel, 38,173,III). B’dan il-kliem Sisoes ried ifisser lil dan ir-raġel li mhix xi ħaġa ta’ barra minn hawn li wieħed jaqa’ għat-tentazzjoni, imma ma għandniex nibqgħu mal-art. Matul dan il-proċess ta’ waqgħat u qawmien, il-bniedem jiggusta t-tjubija tal-ħniena bla tarf ta’ Alla. Hija din il-ħniena li żżommna weqfin fuq riġlejna. Alla jippermettilna ngħaddu minn dawn il-provi biex idaħħalna aktar ’il ġewwa fl-intimità tiegħu. Dak li xi drabi jista’ jaqtgħalna qalbna (it-tfixkil), jista’ jkun mument ta’ grazzja. Bir-raġun Santu Wistin joħroġ bl-espressjoni paradossali “felix culpa” (ħtija hienja): fil-fatt, huwa jgħid li kien minħabba dan id-dnub ta’ Adam u Eva li aħna stajna nġarrbu l-grazzja tal-maħfra li tana l-Feddej tagħna Ġesù Kristu.

Il-fatt li ġieli t-tentazzjoni tirbaħna u nċedu għaliha ma għandux iżommna lura milli nfittxu nagħmlu t-tajjeb. Mhux daqshekk faċli li nżommu ruħna safjin fil-ħsieb u fil-għemil. Il-perfezzjoni nilħquha fis-Sema. Għalhekk, dment li għadna f’din id-dinja, irridu nibqgħu nistinkaw biex inkattru t-tajjeb minkejja d-difetti li għandna. Darba Abba Poemen, li kien jgħix bejn is-snin 340-450, irrakkonta din l-istorja… Kien hemm żewġ bdiewa jgħixu fl-istess raħal. It-tnejn kienu jafu li jekk jiżirgħu, ser jikber il-ħaxix ħażin mat-tajjeb. Ġara li wieħed, wara li żera’ l-għalqa u meta ħasad il-frott, ġabar ħafna tajjeb ma’ ftit ħaxix ħażin; l-ieħor, peress li kien jaf li hemm il-ħażin, ma żera’ xejn. Imbagħad ġie żmien il-għaks. Min mit-tnejn kampa? Dak li żera’, imqar jekk kien hemm il-ħaxix ħażin, għax minkejja l-ħażin ġabar it-tajjeb! Għalhekk jekk ma rridux immutu bil-ġuħ, nitgħallmu niġbru l-frott anki jekk nafu li hemm il-frott ħażin (Qwiel, 51,95,II). Ma nkunux minn dawk li, għax konxji mid-dgħufija u l-waqgħat tagħna, jidhrilhom li ma jagħmlu xejn għax għalihom kollox huwa mitluf. Pjuttost hemm bżonn inkunu minn dawk li, minkejja li n-natura tagħna hija suġġetta għat-tnassis u l-iżball, nippruvaw nagħmlu t-tajjeb anki jekk mal-gozz jaf ikun hemm xi ftit ħaxix ħażin!

Biex siġra tikber u tagħti l-frott hemm bżonn tkun maħbuta mir-riħ! Aktar ma r-riħ jonfoħ fuqha, is-siġra aktar tniżżel għeruqha fil-fond u hekk issir sħiħa u robusta. It-tentazzjonijiet huma dan ir-riħ tal-ħajja: ma humiex hemm biex imidduna mal-art, imma biex jgħinuna nniżżlu għeruqna fil-fond u hekk nimmaturaw umanament u Kristjanament. Kif jikteb wieħed raħeb: “Jekk ma jkunx ittentat u ma jiqafx lit-tentazzjoni, il-bniedem ma jsirx raġel magħmul” (Sentenzi, 396).

Nieħdu l-parir li jagħtina San Pawl meta jappellalna biex nitħeġġu fil-ħajja tat-talb. Ħasra li min ikun imfixkel mit-tentazzjoni ġieli jieqaf jitlob. Nitolbu lil Alla jagħtina l-grazzja biex l-istess tfixkil jinbidel fi grazzja u opportunità biex inħobbuh aktar.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading