Nobżoq il-biered minn ħalqi

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 25 ta’ Jannar 2020: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex lir-Reliġjużi (maskili) fid-Djoċesi f’Dar Stella Maris, iż-Żebbuġ fil-Festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl.

NOBŻOQ IL-BIERED MINN ĦALQI

Meta nirrifletti dwar ir-rakkont tal-konverżjoni ta’ San Pawl, jolqotni l-fatt li l-kawża tal-bidla enormi li seħħet f’Sawl ma kinitx xi prietka jew eżortazzjoni, imma ġrajja. Meta kien fi triqtu lejn Damasku, għall-ħabta ta’ nofsinhar, dawl kbir mis-sema idda madwaru u waqa’ fl-art, sema’ vuċi u kellhom imexxuh minn idejh għax ma setax jara (ara Atti 26:6-11). Meta llum għandna inflazzjoni tal-kliem, dak li jolqot lill-bniedem kontemporanju huma proprju l-“ġrajjiet”. Aktar mit-tpaċpiċ, huma l-ġrajjiet li għandhom qawwa li jħallu effetti kbar fuq il-moħħ u l-qalb tal-bniedem. Kif jgħid il-qawl, “actions speak louder than words”.

F’dan is-sens jien konvint li jekk il-ħajja reliġjuża trid toħloq interess fin-nies tal-lum, speċjalment fiż-żgħażagħ, trid tkun “ġrajja”. Aktar milli noqogħdu nitkellmu u niktbu dwar il-ġmiel ta’ din is-sejħa, għandna bżonn naraw kif ir-reliġjużi ser jikkomunikaw b’dak li jseħħ f’ħajjithom u bl-għażliet li huma jagħmlu. Fi kliem ieħor, ix-xhieda hija l-aqwa mezz li jitkellem bis-saħħa u b’mod konvinċenti fil-ħajja moderna. Kif is-soltu jingħad, il-kliem iqanqal u l-eżempju jkaxkar. Mhux qed nirreferi għal eżempji ta’ ħajja morali tajba jew ta’ ħajja kollha pjetà, imma għal dawk il-“ġrajjiet” fil-ħajja reliġjuża (kemm bħala individwi u kemm bħala istituzzjoni) li jindikaw il-primat ta’ Alla fil-ħajja. Il-kunsilli evanġeliċi tal-faqar, l-ubbidjenza u l-kastità ma humiex biss għodda biex ir-reliġjuż personalment jikber fix-xebh ma’ Kristu fqir, ubbidjenti u safi; imma huma wkoll stili ta’ ħajja u għażliet kuraġġjużi li jixhdu li l-faqar evanġeliku huwa espressjoni ta’ qalb miftuħa għal kulħadd; l-ubbidjenza tirrifletti l-libertà li għandhom dawk li jafdaw f’Alla; mentri f’dinja mħarbta minħabba l-egoiżmu sfrenat, il-kastità hija għamla ta’ mħabba gratuwita u ġenerattiva fis-sens wiesa’ tal-kelma.

Inħoss li l-ħajja reliġjuża f’pajjiżna mhix “ġrajja”, tant li lanqas tinħass u r-relevanza tagħha qiegħda tnin. In-nies tapprezza lir-reliġjużi aktar għax-xogħlijiet li jagħmlu (ħafna drabi jsir xogħol li mhux tant essenzjali għall-kariżma proprja tal-istitut reliġjuż) milli għal dak li huma. Xi drabi xi wħud jagħtu l-impressjoni li l-ħajja reliġjuża hija għalihom u mhux bil-kontra! Għandu jħassibna kumment ta’ wieħed li qal li l-ħajja reliġjuża għaddejja minn “enemija evanġelika”. Fejn teżisti din l-enemija mbagħad bilfors il-ġrajjiet huma rari. Nibża’ li jgħodd għalina dak li l-Anġlu tal-Apokalissi jgħid lill-Knisja ta’ Loadiċeja: “Ladarba inti la int biered, u la sħun u lanqas kiesaħ, jiena sa nobżqok minn ġo ħalqi” (Apok 3:16).

Biex il-ħajja reliġjuża tkun damma ta’ ġrajjiet li jqanqlu interess u skandlu (fis-sens pożittiv tal-kelma), nipproponi eżami ta’ kuxjenza personali u komunitarju fuq dawn iż-żewġ punti:

(1) Il-ħajja reliġjuża għandha l-fundament tagħha fil-Vanġelu. Meta ngħidu r-reliġjużi nkunu qegħdin nirreferu għal dawk li nnamraw minn Ġesù Kristu kif jippreżentawh il-Vanġeli. Il-bidu tas-sejħa reliġjuża huwa dik il-laqgħa personali ma’ Ġesù. Għaldaqstnat huwa possibbli li għal xi wħud il-ħajja reliġjuża ma tkunx bdiet dakinhar tal-professjoni imma forsi żmien wara… meta wieħed jilqa’ l-grazzja ta’ din il-laqgħa ma’ Ġesù. Aktar ma naraw reliġjużi appassjonati għal Ġesù, aktar ir-reliġjużi jkunu konvinċenti.

(2) Imbagħad irridu nżommu quddiem għajnejna li dik il-laqgħa ma’ Ġesù li kellhom il-fundaturi, liema laqgħa welldet ordnijiet reliġjużi kbar anki f’pajjiżna, seħħet f’kuntest storiku partikulari. Din il-forma storika mhix waħda dejjiema mnaqqxa fil-bronż. L-istorja hija dinamika u għalhekk dejjem tinbidel. Il-kariżma tal-istitut tibqa’, imma l-espressjoni tagħha tieħu forom storiċi li jinbidlu maż-żmien. Inkella nirriskjaw li ninqatgħu mid-dinja. Meta dan l-aġġornament huwa nieqes, hemm il-periklu li ma nikkomunikawx mal-oħrajn. Jekk ma nkunux aħna li nagħmlu dan l-adattament tal-ħajja reliġjuża għaż-żmien tal-lum, inkunu aħna stess li b’idejna nagħmlu t-tebut. Ma nistgħux ma nirrikonoxxux li qed ngħixu f’era postmoderna, tant li hemm min jgħid li l-postmoderniżmu huwa imperattiv kulturali. Dan kollu għandu impatt fuq il-mudell tradizzjonali tal-ħajja kkonsagrata reliġjuża. Ma nistgħux nibqgħu nħallu għal darb’oħra proċess ta’ dixxerniment ekkleżjali biex naraw xi jrid jgħidilna l-Ispirtu s-Santu f’dawn iċ-ċirkustanzi.

Qegħdin fis-sena ddedikata għar-riflessjoni, it-talb u l-azzjoni dwar il-vokazzjonijiet. Ir-raġuni tan-nuqqas ta’ vokazzjonijiet għall-ħajja reliġjuża mhux bilfors hija tort taż-żgħażagħ li ma jridux ikunu jafu; wisq probabbli dan huwa wkoll ħtija tagħna, għax mhux qed jirnexxilna nagħmlu l-ħajja reliġjuża “ġrajja” li tkun kapaċi li, kif ġara fil-każ ta’ San Pawl fit-triq ta’ Damasku, twaqqaf lill-bniedem għaddej fuq iż-żiemel bla lġiem, twaqqgħu fl-art, tgħinu jintebaħ li hu għami u tgħinu jiltaqa’ ma’ Ġesù, id-dawl il-ġdid.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading