Illum il-Knisja tagħmel il-Festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl


Fil-25 ta’ Jannar l-Knisja tagħmel il-Festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl, li seħħet għall-ħabta tas-sena 35 A.D.

Il-Knisja tiċċelebra l-konverżjoni ta’ San Pawl, minħabba n-natura straordinarja tagħha.

San Pawl kien Lhudi, ta’ Ċittadinanza Rumana, edukat f’Ġerusalemm, u trabba bħala Fariżew akkanit ħafna, anzi fanatiku għal-Liġi ta’ Mose’. Hekk sar għadu mill-kbar u persekutur aħrax tal-Knisja Nisranija li kienet għadha fil-bidu tagħha. Saħansitra akkwista l-awtorita’ mingħand il-Mexxejja tal-Lhud biex ikun jista’ jarresta lill-Insara fl-ibliet u fl-irħula u jeħodhom Ġerusalemm biex jgħaddu ġuri. Nafu li kien preżenti fil-martirju ta’ San Stiefnu.

Meta bejn is-sena 34 u 36, kien sejjer Damasku, illum il-Kapitali tas-Sirja, biex jippersegwita lill-Insara, Ġesù stess ikkonvertieh u wrieh biċ-ċar li l-persekuzzjoni li kien qed jagħmel lill-Insara, kien qed jagħmilha lilu. “Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani?” Qallu: “Min int, ja Sidi?” Wieġbu: “Jien hu Ġesù, li int qiegħed tippersegwitah … ” Din il-ġrajja nsibuha mniżżla fl-Atti tal-Appostli (9:3-27; 22:6-16; 26:13-18); u San Pawl jagħmel riferenza għaliha f’xi ittri (1Korintin 15:9-10; Galatin 1:13-16; Efesin 3:6-7).

Il-Laqgħa straordinarja tiegħu ma’ Ġesù mhux biss bidlet ħajtu, u minn persekutur qalil, għamlitu wieħed mill-ikbar difensuri, għalliema u qaddisin tal-Knisja Nisranija, iżda kellha effett drammatiku fuq l-istess Knisja.

Wara l-konverżjoni tiegħu, li ġrat għall-ħabta tas-sena 35 A.D., San Pawl għadda aktar minn tliet snin fid-deżert tal-Għarabja jħejji ruħu għall-missjoni li għażillu Ġesù. Hawn hu kellu diversi rivelazzjonijiet li fihom hu fehem tajjeb ħafna li Ġesù ta’ Nazaret kien ħaj u li kull ħaġa fis-sema u fl-art kellha l-milja tagħha fih.

San Pawl fl-ittri tiegħu jsemmi l-konverżjoni tiegħu fit-triq ta’ Damasku u jattribwiha lill-imħabba ta’ Alla lejh, u jgħid li min-naħa tiegħu laqa’ l-grazzja li tah Alla u jgħid li din il-grazzja ma kinitx għalxejn fih.

Hu pprova jfassal ħajtu kollha fuq dik ta’ Ġesù u ħadem għal Ġesù kemm felaħ biex jarah magħruf u maħbub minn kulħadd, sa wasal biex qal: “Ngħix mhux jien, imma Kristu jgħix fija.”

Il-festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl bdiet fil-Gallja fis-seklu VIII fl-okkażjoni tat-traslazzjoni ta’ xi relikwi tal-appostlu, u daħlet fil-Kalendarju Ruman lejn it-tmiem tas-seklu X.

Il-parroċċa ta’ Ħal Safi hi ddedikata għall-Konverżjoni ta’ San Pawl.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com