Il-Passjoni ta’ Pawlu

Print Friendly, PDF & Email

Dwar il-kundanna għall-mewt tal-Appostlu San Pawl, kif ordnata mill-imperatur Neruni, hemm rakkonti ta’ storiċi kif ukoll fil-kitbiet tal-missirijiet tal-Knisja. L-eqdem referenza għall-martirju ta’ San Pawl insibuha fl-Ewwel Ittra ta’ San Klement ta’ Ruma lill-Korintin, fejn jgħid li “għall-għira u għan-nuqqas ta’ qbil għall-ħidma tiegħu, Pawlu ħa l-premju tal-qawwa tal-fidi tiegħu.

Għal seba’ darbiet marbut bil-ktajjen, eżiljat, imħaġġar, ta’ ħabbar fil-Lvant u fil-Punent, jibqa’ mfaħħar għal dak li stħoqqilha l-fidi qawwija tiegħu. Wara li xandar il-ġustizzja lill-ġnus sa truf il-Punent, ta xhieda quddiem il-gvernijiet, hekk li ħalla din id-dinja u mar mal-qaddisin – mudell illustri ta’ qawwa fil-fidi”. (V, 5-7; VI, 1) Il-formula Ta xhieda quddiem il-gvernijiet hi l-espressjoni ta’ martirju.

Hawnhekk għandna lil Pawlu, marbut, li jingħaraf mill-moħħ kbir mingħajr xagħar, meħud għall-post tal-martirju. Din hi skultura minn serje li kienu jżejnu s-sarkofagu (il-qabar) tal-prefett Ruman Junius Bassus (li miet fit-359). Flimkien ma’ oħrajn madwar ix-xbiha ta’ Kristu, hu wieħed mill-epistodji bibliċi fis-sarkofagu li jevokaw ir-rebħa fuq il-mewt.

Kitbiet dwar it-tmiem ta’ Pawlu

Ir-rakkont tal-Atti tal-Appostli jispiċċa bil-wasla ta’ Pawlu f’Ruma u ma jsemmi xejn dwar it-tmiem ta’ Pawlu. Skond kitbiet oħra, kien f’Ruma li Pawlu ħa l-martirju li mmarka ‘t-twelid tiegħu fis-Sema’, l-espressjoni li nsibu f’testi ta’ manuskritti dwar il-martri, magħrufa bħal menologi. Menologu msemmi hu l-Menologu ta’ Bażilju II (976-1025) manuskritt miżmum fl-arkivji tal-Vatikan. Hu test aġjografu tal-Knisja tar-rit Grieg, li jwassal sas-sena 985. F’Ateni, il-Greċja, nhar is-17 ta’ Novembru 2005, Il-Kardinal Jean-Louis Tauran, arkivista u librar tal-Vatikan ippreżenta uffiċjalment lill-Arċisqof Christodoulos, il-mexxej tal-Knisja Griega Ortodossa kopja tal-manuskritt tal-Menologu ta’ Bażilju II.

San Ġwann Griżostmu, fir-4 seklu, jagħmel emfażi fl-Omeliji fuq l-Atti tal-Appostli biex jiġġustifika l-mod kif Luqa jaqta’ fil-qasir ir-rakkont tal-Atti ta’ l-Appostli, u hekk kmieni jwieġeb għall-kurżita’ ta’ min, waqt li jaqra l-Atti, jixtieq li jaf aktar. Il-Griżostmu jgħid hekk: “Tara l-mod kif Alla jmexxi l-ġrajja? L-awtur (San Luqa) jieqaf hawn bir-rakkont tiegħu u jibqa’ bil-għatx min qed jaqra, għax f’idejh biex jistħajjel x’ġara wara. Hekk jagħmlu wkoll l-istoriċi profani: li tkun taf dak li ġara, inaqqas l-interess u jnissel għażż f’min qed jaqra. Għalhekk l-awtur jibqa’ għaddej mingħajr ma jgħid x’ġara iżjed, għax iqis li dan hu żejjed għal min dara l-kitba tiegħu u li jaf jgħaddi għal dak li seta’ jżid. Għax il-ġrajjiet li ġejjin jixbhu lil dawk li diġa’ ssemmew. Aħseb x’seta’ ġara wara dak li hemm fl-ittra li Pawlu jindirizza lir-Rumani: “Nittama li narakom jien u sejjer (Spanja), u li intom tqabbduni t-triq ’l hemm wara li nkun ħassejt xi ftit il-ferħ li nkun magħkom.” (Rum 15, 24) Kien wara li xandar lill-ġnus li Pawlu temm il-ħajja tiegħu. Għaliex trid tkun taf aktar x’ġara minnu? Żgur li dak li ġara jixbah lil dan: irbit fil-ktajjen, torturi, niket, ħabsijiet, kumplotti, akkużi ta’ gideb u mewt ta’ kuljum. Inti rajt ftit mil-ħajja tiegħu. Stħajjel li l-bqija tixbah lil dak li diġà taf. (San Ġwann Griżostmu, Omeliji fuq l-Atti tal-Appostli 55, 2-3)

Dettall interessanti li jitfa’ dawl dwar il-martirju ta’ Pawlu jinsab fl-Istorja tal-Knisja, ta’ Ewsebju ta’ Ċesarea li għex bejn is-sena 265 u 340). Ewsebju jikteb hekk: “Jirrakkuntaw li taħt ir-renju tagħna (ta’ Neruni), lil Pawlu ġiet maqtugħa rasu f’Ruma u li Pietru ġie mislub hemmhekk ukoll, u dan ir-rakkont hu kkonfermat mill-isem ta’ Pietru u ta’ Pawlu li sallum għadu mogħti liċ-ċimiterji ta’ dik il-belt. Dan hu wkoll li jafferma raġel tal-Knisja, bl-isem ta’ Gaius, li għex fi żmien Żeffirinu, li kien l-Isqof tar-Rumani bejn il-199 u l-217. Meta ddiskuta b’kitba kontra Proclus, il-kap tas-setta catophrygiena, tkellem dwar il-post fejn ġew imqiegħda l-fdal qaddisa taż-żewġ Appostli. Gaius jgħid lil Proclus dawn il-preċiżi kelmiet: “Ngħid għalija nista’ nuri t-trofej tal-Appostli. Jekk trid, mur il-Vatikan jew fi Triq Ostia u ssib it-trofej ta’ dawk li waqqfu l-Knisja. (Ewsebju ta’ Ċesarea, Storja tal-Knisja II, XXV, 4-7) It-trofej kienu monumenti funerarji li fihom kienu jqiegħdu l-fdal tal-Appostli.

Tradizzjonijiet

Minbarra l-kitbiet ta’ missirijiet il-Knisja, hemm tradizzjonijiet li l-aktar li ġew miġbura kien fis-seklu 13, bħal-Legenda aurea (il-Leġġendi tad-deheb), ta’ Jacques de Voragine. Voragine għex bejn l-1228 u l-1298 u kien jappartjenti għall-ġenerazzjoni ta’ San Tumas d’Aquino. Kien fis-seklu 13 li bdew jiġu mpittra, fuq interpretazzjonijiet differenti, rakkonti dwar it-tmiem ta’ San Pawl. Ħafna drabi f’dawn ix-xogħlijiet ta’ arti jassoċjaw lil Pawlu ma’ Kristu fil-Passjoni tiegħu.

 Sorsi qodma jsemmu li l-Appostlu tal-Ġnus ġie maqtul bil-qtugħ tar-ras f’Ruma taħt ir-renju tal-imperatur Neruni, x’aktarx lejn is-sena 67. Mhux ftit mir-rakkonti jgħidu li waqt li kien qed jittieħed għall-post tal-esekuzzjoni ġo Ostja, Pawlu dar lejn il-Lvant u talab fit-tul, qabel ma medd għonqu għall-bojja li qatagħlu rasu. Rakkonti minnhom jgħidu wkoll li ħareġ il-ħalib minn rasu u ġie fuq l-ilbies ta’ wieħed mis-suldati. Imbagħad nixxa d-demm u mill-ġisem ta’ Pawlu ħarġet fwieħa ħelwa. Ir-riħa tfuħ hi karatteristika f’qaddisin martri oħra li nsibuha f’għadd ta’ testi aġografi. Hi meqjusa bħala affermazzjoni tan-nuqqas ta’ taħsir u sinjal tal-qawmien mill-imwiet.

Tradizzjoni oħra tgħid li, meta waqgħet, ras Pawlu ħabtet għal tliet darbiet mal-art u fejn messet ħarġu tliet nixxigħat, jew funtani. Fuq il-post tal-martirju ġiet mibnija knisja fis-seklu 4; hi l-knisja msejħa San Pawl tat-Tliet Funtani.

Arti li xxebbah lil Pawlu ma’ Kristu

Fl-arti mis-seklu 13 hemm element kif juri dan il-kwadru li jfakkarna fix-xena ta’ Kristu mgħobbi bis-salib. Bħal Pilatu fuq it-tron tat-tribunal, Neruni jordna li Pawlu jittieħed għall-post tal-martirju. L-Appostlu, b’idejh marbutin wara, hu mdawwar minn żewġ suldati armati bix-xwabel, allużjoni għall-għodda tal-martirju tiegħu, li saret attribut lill-qaddis fl-arti Oċċidentali. Pawlu jidher bħal qed ikellimhom, u dan jaqbel mar-rakkont tal-Passjoni ta’ San Pawl fil-Legenda aurea ta’ Jacque de Voragine li jsemmi li l-bojja kkonvertew meta semgħu kliem Pawlu dwar is-Saltna tas-Smewwiet.

Minbarra l-karattru leġġendarju, ir-rakkonti tal-martirju fihom messaġġ spiritwali. Jinsistu b’mod elokwenti fuq ir-rabta tal-martirju ta’ Pawlu mal-Passjoni ta’ Kristu. Id-dehra ta’ Pawlu quddiem Neruni tfakkarna fid-djalogu ma’ Ponzju Pilatu. Jacques de Voragine jirrakkonta li San Pawl ikkonverta lis-suldati li ħaduh għall-mewt, l-istess kif għad-dehra ta’ Kristu msallab iċ-ċenturjun faħħar lil Alla”: “Iċ-ċenturjun, meta ra x’ġara, beda jfaħħar lil Alla u jgħid: “Tassew li dan bniedem ġust?” (Lq 23, 47)

Dan ix-xebh mal-Passjoni ta’ Kristu jidher fil-kwadru f’panew tal-pittur minn Siena Luca di Domme. Iċ-ċorma nies li hemm madwar San Pawl fil-pittura jixbhu lil dawk li jidhru fl-ikonografija tal-Evanġelji, bil-figura tal-imperatur li jieħu post Ponzju Pilatu. Ix-xbihat f’dan l-artiklu huma xhieda tal-fedeltà tal-artisti għat-testi aġografi u ta’ kif dawn it-temi ikonografiċi itulu tant żmien fl-arti Nisranija.

L-attitudni ta’ San Pawl qed jitlob qabel jirċievi l-martirju, li hemm fil-pittura ta’ Tintoret taqbel ħafna ma’ pitturi fit-twieqi tal-ħġieġ fi knejjes tas-seklu 13. F’dan il-kwadru monumentali, Tintoret irrappreżenta l-Appostlu minn wara, fil-mument meta l-bojja qed ilesti biex jaqtagħlu rasu. Hu u jitlob, Pawlu qed jikkontempla d-dehra ta’ anġlu li qed inewwillu l-premju tradizzjonali tal-martri, il-kuruna u l-palma. Fuq quddiem hemm ix-xabla ġganteska, jekk wieħed jiġġudika mit-tul tal-manku tagħha, li tagħti idea tal-forza fiżika fid-daqqa li se tinżel fuq ras il-qaddis.

L-għodda tal-martirju

B’kuntrast għall-martirju tal-Appostli, lil San Pawl ġiet maqtugħa rasu. Il-fatt li kien ċittadin tal-Imperu wassal biex ma jgħaddix mill-mod ta’ martirju li ngħataw l-Appostli l-oħra għax dawn kienu meqjusin bħala lsiera. Meta f’Ġerusalemm il-Lhud riedu joqtluh, kontra l-Liġi għax Pawlu kellu d-drittijiet ta’ Ruman u wkoll għax ma kienx hemm sentenza kontrih, kienu diġa’ rabtut għas-swat. Probabbli li twieled f’din iċ-ċittadinanza għall-qadi tiegħu lill-Imperatur. “Xħin rabtuh bil-ġlud, Pawlu qal liċ-ċenturjun li kien hemm wieqaf: “Tistgħu intom issawwtu ċittadin Ruman u bla ma tagħmlu ħaqq?” Malli ċ-ċenturjun sama’ dan iċ-ċenturjun, resaq fuq il-fizzjal igħarrfu: “X’se tagħmel? Għax dar-raġel Ruman.” Resaq il-fizzjal u qallu: “Għidli: inti Ruman?” Wieġeb: “Iva.” Qal il-fizzjal: “Jien ksibt dal-jedd b’kemxa flus sewwa.” Qal Pawlu qallu: “U jien twelidt hekk “. (Atti 22, 22-26)

Għalhekk inżommu li San Pawl ngħata l-mewt kif tradizzjonalment hu magħruf. Ix-xabla li biha qatgħulu rasu baqgħet simbolu tal-qaddis, l-aktar fil-Punent wara d-dħul tal-arti Gotika. Għandha referenza mal-kelma ta’ Alla bħala x-xabla tal-ispirtu: “Ilbsu l-elmu tas-salvazzjoni u aqbdu x-xabla tal-Ispirtu li hi l-kelma ta’ Alla.” (Ef 6, 17); u wkoll tfakkar fil-ħeġġa kbira tal-Appostlu biex ixandar il-kelma ta Alla.

Kitba ta’ Joe Galea – Mill-Leħen is-Sewwa, il-Ħadd 3 ta’ Frar 2019

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading