Il-Coronavirus: Ħajt li nistgħu naqbżuh

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 8 ta’ Marzu 2020: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex fil-Festa ta’ San Girgor il-Kbir fis-Santwarju parrokkjali tal-Madonna tas-Sokkors u San Girgor il-Kbir, Ta’ Kerċem.

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/773373724″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”true” /]


DSC_0055

IL-CORONAVIRUS: ĦAJT LI NISTGĦU NAQBŻUH

Din is-sena qegħdin niċċelebraw il-Festa tal-Papa San Girgor meta s-soċjetà assolutament ma għandhiex spirtu ta’ festa għax tinsab imħassba qatigħ minħabba l-epidemija tal-Coronavirus. Filwaqt li għandna nevitaw kull għamla ta’ allarmiżmu u paniku, ma nistgħux nibqgħu indifferenti quddiem il-biża’ li qed jipparalizza l-ħajja. Importanti li noqogħdu għad-direttivi li jagħtuna l-Awtoritajiet tas-Saħħa ta’ pajjiżna. Mingħajr ma nnaqqsu xejn mill-gravità tas-sitwazzjoni, huwa fatt li l-biża’ li hawn sar tal-biża’: biża’ li qed ibejjet is-suspetti f’xulxin u jimbuttana biex ningħalqu f’individwaliżmu. Il-virus tal-biża’ huwa aktar qalil mill-virus bijoloġiku! Għalhekk huwa providenzjali li l-liturġija tal-lum qed tistedinna nitfgħu ħarsitna fuq San Girgor. Mhux biss għax San Girgor laħaq Papa meta Ruma kienet maħkuma mill-pesta u ħeġġeġ u mexxa lill-Knisja fit-talb u l-penitenza biex Alla jieqaf ma’ dawk l-imsejkna milquta; mhux biss għaliex l-antenati tagħna daru lejh u talbu l-patroċinju tiegħu meta l-gżejjer tagħna kienu milquta minn imxija ta’ mard ieħor; imma wkoll għax San Girgor għandu tagħlim sabiħ dwar kif il-bniedem tal-fidi għandu jġib ruħu f’qagħdiet bħal dawn – tagħlim li nsibuh fil-kummenti li huwa jikteb dwar il-Ktieb ta’ Ġob magħruf bħala Moralia.

Qisu qed jikteb illum, San Girgor jgħid li “l-bniedem ħosbien madwaru ma jarax ħlief dlamijiet; huwa jara lilu nnifsu qed jinqered minn mument għall-ieħor” (Moralia 10). Quddiem ċertu theddid għall-ħajja huwa aktar minn normali li l-bniedem jagħmel ċerti mistoqsijiet, anki jekk ħafna drabi jibqa’ bla tweġiba. Huwa fatt li ta’ bnedmin li aħna ma nistgħux naslu għal tweġibiet li jserrħu l-moħħ jekk ma jkollniex l-għajnuna tal-grazzja! Dan jgħodd l-aktar meta t-tbatija fiżika, psikoloġika u morali ma tkunx riżultat ta’ xi mġiba irresponsabbli tal-bniedem! Hemm każijiet fejn il-bniedem iġib il-ġebla fuq saqajh; imma hemm każijiet fejn lanqas inkunu nafu kif tkun oriġinat il-kawża ta’ ħafna tbatija. Spiss jiġri li f’ċerti ċirkustanzi ibsin wieħed jibda jistaqsi jekk dan kollu jkunx effett ta’ xi qawwiet mudlama; imbagħad hemm min forsi jasal biex jikkonkludi li l-flaġelli huma xi kastig mistħoqq! Saħansitra hemm min quddiem ċerti fenomeni negattivi jibda jistaqsi jekk Alla jeżistix jew le!

San Girgor jgħidilna li l-mod kif Alla jagħmel lilu nnifsu preżenti fl-istorja tagħna mhuwiex dejjem daqshekk ċar. Alla jaf jikteb dritt fuq linji mgħawġa. Meta Ġob jilmenta li “dak li nibża’ minnu jaqbadni u dak li nitkexkex minnu jilħaqni” (3:25), il-Papa San Girgor jikkummenta hekk: “It-twajbin jibku, jibżgħu u jkiddu lilhom infushom b’ħafna ilmenti, għax jaħsbu li Alla jkun telaqhom. Għalkemm jifhmu li jkollhom bżonn ta’ xi twissija, l-istess twissija tinkwieta r-ruħ kollha tregħid tagħhom għax jissuspettaw li dak li jkun għaddej ma jkunx intervent minn Alla biex jiffurmahom imma xi kastig iebes… Spiss naħsbu li Alla jitlaqna meta fil-fatt ikun iħaddanna… ħafna drabi jseħħ li dak li aħna naħsbu li huwa l-għadab ta’ Alla, ikun grazzja għalina” (Moralia, 5).

San Girgor jispjega li xi drabi t-traġedji jafu jibagħtu messaġġi ambigwi: fil-fatt, hemm dawk li f’qagħdiet imwiegħra jsiru aktar sħaħ u jroddu ħajr lil Alla; u hemm dawk li minħabba l-biża’ jitilfu l-fiduċja fih. Hemm dawk li quddiem provi ibsin sempliċiment jirrassenjaw ruħhom u jaċċettaw id-destin. F’dan il-każ, il-bniedem milqut mit-tbatija jsir bħal vażun imkisser. Normalment min huwa nieqes mill-kuraġġ, ma jitlob spjegazzjoni ta’ xejn.

Imma fl-għerf qaddis tiegħu San Girgor ifittex it-tweġiba fil-Kelma ta’ Alla. Huwa kien konvint li meta l-bniedem ikun taħt il-vieġ, huwa għandu raġuni tajba biex idur lejn Alla u jitolbu jagħtih tweġiba. Huwa jtenni li ma għandniex għalfejn nistagħġbu meta mill-qalb imtertqa toħroġ il-mistoqsija li għamel Ġob: “Fejn int, o Alla, li ħlaqtni?” (35:10). Mistoqsija ta’ din ix-xorta hija ferm f’postha – hija mistoqsija li kontinwament tagħmel il-ħlejqa lill-Ħallieq.

Imma San Girgor jgħid li mbagħad ma għandniex nistennew li Alla ser jagħti tweġiba diretta u personali lil kull wieħed u waħda minna: “Alla ma jweġibx privatament fil-qalb tagħna individwalment, imma għandu Kelma tajba li twieġeb fil-verità lil dawk kollha li jsejħulu”.

Il-Bibbja, li bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu hija kelma ħajja, tibqa’ l-mezz ordinarju magħżul minn Alla biex huwa jilħaq lil kull bniedem: “Jekk kull wieħed minna jfittex fil-Kelma ta’ Alla t-tweġiba ta’ Alla għad-diffikultajiet li jkollu, din isibha u ma jkollux ħtieġa li jistenna xi leħen mis-sema biex ikollu risposta għal qagħda speċifika li jkun qiegħed fiha. Fil-Bibbja Alla joffri b’mod komunitarju tweġiba għat-tbatija kollha li wieħed ikun qed iġarrab personalment. Fil-Bibbja, fl-eżempji ta’ dawk li kienu qabilna, għandna nsibu t-tweġiba għalina li ġejna warajhom. Meta nkunu mifluġin b’xi għamla ta’ tbatija fiżika, forsi nkunu nixtiequ nkunu nafu r-raġuni għaliex tkun messitna din ix-xorti, għax naħsbu li dan jaf ikun ta’ faraġ għalina; imma billi ħadd minna ma hu ser jirċievi tweġiba speċjali għal provi speċjali, wieħed għandu jfittex ir-risposta fil-Bibbja. Hemmhekk wieħed isib it-tweġiba li ngħata Pawlu meta għadda mill-prova tad-dgħufija fiżika: ‘Biżejjed għalik il-grazzja tiegħi, għax il-qawwa tiegħi tidher kollha fin-nuqqas ta’ saħħa” (2 Kor 12:9)” (Moralia, 33).

San Girgor jisħaq li l-moħħ tal-bniedem qatt ma jista’ jagħti tifsira tat-tbatija; anqas u anqas ma jista’ jibbenefika minn xi ħaġa li hija ħażina. Barra minn hekk, fuq livell uman ħadd ma jista’ jasal għand Alla minn toroq imwegħrin u diffiċli bħalma huwa l-mard, it-tbatija, u l-bqija. Imma f’dawn iċ-ċirkustanzi negattivi wieħed jista’ jara xaqq ta’ dawl biss jekk il-ħarsa tiegħu tistrieħ fuq Alla. Għax meta wieħed jintelaq f’dirgħajn Alla, huwa jikseb dawl li għandu l-ħila jixgħel id-dlam. Għalhekk meta d-diżgrazzji u l-għeltijiet tal-ħajja jmidduna mal-art għax iġibu fix-xejn il-ħiliet umani, il-bniedem ikun kapaċi jerġa’ jieqaf fuq riġlejh jekk biss ikollu l-għajnuna ta’ Alla.

San Girgor jikteb: “Meta l-bniedem ikun mgħaffeġ bl-għawġ, ma jgħaddilux minn moħħu min hu dak li ħalqu. Issa dak li ħalaq lil dak li ma kienx jeżisti, mhux ser jitlaq lil ħlejqa għal riħha; dak li fit-tjubija tiegħu ħalaq lill-bniedem, qatt ma huwa ser iħallih ibati inġustament; lanqas ma hu ser iħalli li jintilef lil dak li hu stess tah il-ħajja… Għalhekk, meta quddiem il-flaġelli aħna nippruvaw insibu r-raġuni tat-tbatija… fl-aħħar mill-aħħar ir-raġuni hija din: aħna m’aħna ser inbatu xejn inġustament, għaliex aħna li ma konna xejn u bdejna neżistu bil-qawwa ta’ Alla, issa li qegħdin fil-ħajja mhux ser nintlaqtu inġustament b’xi ħaġa li tkun ġejja minn Alla” (Moralia, 26).

Għalhekk il-bniedem li jemmen, jgħallem id-Duttur tal-Knisja San Girgor il-Kbir, jista’ jistqarr: “Bl-għajnuna ta’ Alla nista’ naqbeż il-ħajt” – bl-għajnuna ta’ Alla nistgħu negħlbu dak kollu li jaf ifixkel il-mixja tagħna lejn il-Maħbub tagħna, Ġesù. Naslu biex naqbżu l-ħajt tal-biża’ jekk f’qalbna jkollna dik l-imħabba li Alla għandu għalina – imħabba li tmewwet kull ħsieb jew dubju negattiv li jista’ joqtol lil qalbna!

San Girgor jitkellem fuq dik li jsejjaħ “l-għanja ta’ billejl” (carmen in nocte), jiġifieri l-ferħ li wieħed kapaċi jġarrab waqt il-prova. Din l-għanja ta’ billejl hija possibbli biss meta naqilgħu d-don tas-sabar fit-tribulazzjonijiet. Il-fidi tgħinna biex f’mumenti ta’ qtigħ il-qalb jew twerwir, aħna nsejħu lil Alla li jeħles u jfarraġ. Il-Kelma ta’ Alla, li kif għidna hija “t-tweġiba” li Alla jagħtina fil-komunità, għandha l-qawwa li tnissel fina l-ferħ ukoll meta nkunu għaddejjin minn provi kbar, għax kif jgħid San Girgor, “ukoll meta nkunu mgħattna bi ħwejjeġ li jiġru fid-dinja [epidemija], it-tama fl-eternità timliena bil-ferħ”.

San Girgor jikteb hekk: “San Pawl għanna l-għanja ta’ billejl meta qal: ‘Ifirħu fit-tama, stabru fil-hemm’ (Rum 12:12). Anki David kanta l-għanja tal-lejl meta qal: ‘Int kenn għalija li tħarisni mit-taħbit, b’għana ta’ ħelsien inti ddawwarni’ (Salm 31:7). Madwarhom kien hemm id-dlam, imma ġewwa fihom kien hemm għana ta’ ferħ li kien ifarraġhom! Il-ħsieb tal-Bibbja huwa li l-preżenza tal-ferħ li ma għandhiex tmiem isserraħna meta nkunu mdawra bil-problemi. Il-profeta Eżekjel jistqarr li kien irċieva l-ktieb li fih kien hemm miktuba t-tgergir, l-għana u t-talba għall-għajnuna (lil Alla). Il-Mulej Ġesù kien ħabbar lid-dixxipli l-għana u l-karba tat-tbatija meta qalilhom: ‘Għidtilkom dan kollu biex ikollkom is-sliem tiegħi, għax fid-dinja ser ikollkom ħafna taħbit’. B’dan Ġesù ried jgħidilhom li fil-ħajja interjuri tagħhom kien ser ikollhom il-faraġ tiegħu li jagħtihom il-qawwa, għax l-inkwiet ta’ barra kien ser jifnihom” (Moralia, 19).

Dawn ir-riflessjonijiet misluta mit-tagħlim ta’ San Girgor għandhom jimlewna bit-tama. Nistedinkom biex napprofittaw minn dan l-episodju partikulari billi nippruvaw mill-ħażin nisiltu t-tajjeb. Din l-esperjenza li qed tikxef id-dgħufija u l-limiti tagħna nistgħu nibdluha f’opportunità li tgħinna niskopru riżorsi moħbija li hemm fina, imma fuq kollox tgħinna nbexxqu t-tieqa li forsi konna għalaqna: it-tieqa li tiftaħ fuq Alla. Bil-fidi naslu fejn ir-raġuni tieqaf! Ma nibżgħux inressqu quddiem Alla l-mistoqsijiet li hemm fil-fond ta’ qalbna, imma mbagħad infittxu t-tweġiba tiegħu fil-Bibbja, partikularment billi naqrawha u nirriflettu dwarha fil-komunità. Ġesù għandu kelma li tgħinna nirbħu kull negattività u qtigħ il-qalb – il-Kelma tiegħu tgħinna “naqbżu l-ħajt” u ngħannu “l-għanja tal-lejl”. Inħeġġiġkom għalhekk biex titolbu bil-Vanġelu f’idkom il-waħda u bil-kuruna tar-Rużarju f’idkom l-oħra. Nerġgħu niskopru l-ġmiel tat-talb ċkejken bħalma huwa l-Angelus, it-talba ta’ qabel u wara l-ikel, u l-ġakulatorji. Kif kien bit-talb waqt il-pellegrinaġġ penitenzjali li San Girgor ra lil anġlu jdaħħal ix-xabla fl-għant tagħha, nemmnu li llum ukoll it-talb għandu qawwa li jgħinna nerġgħu għan-normalità.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading