Il-Papa f’Santa Marta: Il-Papa talab għall-anzjani li qiegħdin waħedhom.

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 17 ta’ Marzu 2020: F’qalb il-Papa hemm kulħadd.  Kuljum, fil-bidu tal-quddiesa li jiċċelebra fil-kappella tad-Dar Santa Marta, jitlob għal xi kategorija partikolari. Illum offra l-quddiesa għall-anzjani li jinsabu waħedhom u li minħabba l-prekawzjonijiet huma mifrudin ukoll mill-għeżież tagħhom.

Fl-omelija Franġisku tkellem dwar l-Evanġelju u l-maħfra fejn naqraw li Pietru staqsa lil Ġesù kemm-il darba għandna naħfru lill-oħrajn.

Mhix ħaġa ħafifa, osserva Franġisku, għax il-bnedmin iqattgħu ħajjithom jikkundannaw lill-oħrajn.  Imma Alla jixtieq li jkollna qalb kbira u naħfru, naħfru minn qalbna.

Ġesù jgħid li jekk tnejn jew tlieta jingħaqdu biex jitolbu grazzja, tingħatalhom.  L-għaqda, il-ħbiberija, il-paċi bejn l-aħwa tiġbed il-ħniena t’Alla.

Pietru jagħmel il-mistoqsija:  ‘Iva, imma lil min joffendina kif għandna nimxu miegħu?  Jekk ħija jonqosni, joffendini, kemm-il darba għandi naħfirlu, seba’ darbiet?’

U Ġesù wieġeb bil-kelma li fil-lingwa tagħhom tfisser ‘dejjem’: ‘Ma ngħidlekx sa seba’ darbiet, imma sebgħa għal sebgħa u sebgħin darba.’  Jeħtieġ naħfru dejjem.  U mhux faċli naħfru.  Għax il-qalb egoista tagħna dejjem iggranfata mal-mibegħda, mal-vendetta, mal-għira.  Ilkoll rajna familji jitkissru minħabba l-mibegħda li tibqa’ tintiret minn ġenerazzjoni għal oħra; aħwa li quddiem it-tebut tal-ġenituri tagħhom lanqas isellmu lil xulxin għax mimlijin rabja ġejja mill-bogħod.

Donnu l-ħakma tal-mibegħda hi aktar qawwija minn dik tal-imħabba u dan hu t-teżor, biex ngħidulu hekk, tax-xitan.  Hu dejjem jidgeddes qalb is-sentimenti ta’ mibegħda tagħna, iżommhom ħajjin biex jeqred.  Jeqred kollox.  U tant drabi jeqred anke b’affarijiet żgħar.  U jipprova jeqred ukoll lil Alla li ma ġiex biex jikkundanna iżda biex jaħfer.  Dan Alla li jagħmel festa għall-midneb li jerġa’ lura, u jinsa kollox.

Meta Alla jaħfrilna, jinsa l-ħażen kollu li nkunu għamilna.  Xi ħadd kien sejħilha ‘l-marda li għandu Alla’.  Ma jżommx f’qalbu, kapaċi jitlef il-memorja tal-istejjer koroh ta’ tant midinbin, ta’ dnubietna.  Jaħfrilna u jibqa’ għaddej.  Jitlob minna biss: ‘Agħmel l-istess: tgħallem aħfer,’ mhux tibqa’ tmaħħaħ u ġġorr is-salib ħawli tal-mibegħda, tat-tpattija.  Dil-kelma ‘npattihielek’ mhix kelma nisranija u lanqas umana.  Il-ġenerożità ta’ Ġesù tgħallimna li biex nidħlu fis-sema għandna naħfru.

Anzi jgħidilna: ‘Inti tmur il-quddies?’ – ‘Iva.’ – ‘Imma meta tkun il-quddies u tiftakar li għandek xi tgħid ma’ ħuk, l-ewwel mur agħmel paċi miegħu.  Tiġix għandi bl-imħabba lejja f’id u l-mibegħda lejn ħuk fl-oħra.’  Imħabba koerenti.  Maħfra.  Maħfra mill-qalb.

Hawn nies li jgħixu ħajjithom jikkundannaw, iqassu fuq l-oħrajn, iħammġu bla heda lil sħabhom fuq ix-xogħol, iħammġu lill-ġirien, lill-qraba, għax ma jridux jaħfru xi azzjoni li saritilhom u li ma għoġbithomx.  Donnu li din hi r-rikkezza tax-xitan: iħawwel il-ġibda ta’ dak li jkun biex ma jaħfirx, biex jgħix ħajtu bla ma jaħfer.  U l-maħfra hi kundizzjoni ewlenija biex nidħlu s-sema.

Il-parabbola li jirrakkuntalna Ġesù hi ċara ħafna: ‘Aħfru.’  Jalla l-Mulej jgħallimna dan l-għaqal tal-maħfra, li mhix faċli.  U nagħmlu ħaġa: meta mmorru nqerru, biex nirċievu s-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni,  l-ewwel nistaqsu lilna nfusna: ‘Jien naħfer?’  Jekk inħoss li ma naħfirx, ma nippruvax nilludi ruħi li se nitlob maħfra, għax ma tingħatalix.

Biex nitlob maħfra rrid naħfer jien.  It-tnejn jimxu id f’id, ma jistgħux jinfirdu.  U dawk li jitolbu maħfra għalihom infushom bħal das-sinjur li sidu ħafirlu kollox, imma mbagħad m’għandhomx ħila jaħfru lil ħaddieħor, jispiċċaw bħalu.  ‘Hekk jagħmel lilkom Missieri li hu fis-Smewwiet jekk ma taħfrux lil xulxin minn qalbkom.’

Jalla l-Mulej jgħinna nifhmu dan u nbaxxu rasna, ma nkunux suppervi, ikollna qalb kbira li taf taħfer.  Għall-inqas naħfer ‘għax hekk jaqbilli’!  Kif?  Iva, naħfer, għax jekk ma naħfirx ma jinħafirx lili.  Tal-anqas dan.  Imma maħfra dejjem.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading