Illum il-Knisja tfakkar lil San Patrizju


Fis-17 ta’ Marzu l-Knisja tfakkar lil San Patrizju, Isqof li għex bejn is-snin 385 sa 461.

Dan l-appostlu tal-Irlanda twieled aktarx f’Wales madwar is-sena 385 f’Dunbarton, l-Iskozja, jew f’Cumberland, l-Ingilterra. Kien iben familja nisranija u ta’ pożizzjoni soċjali aktarx għolja.

Ġurnata waħda, meta kellu sittax-il sena, waqt li kien fir-razzett ta’ missieru, ġie maqbud u mbagħad mibjugħ bħala lsir fl-Irlanda. Sitt snin wara ħarab, u raġa’ lura lejn id-dar.

Fis-sitt snin li dam fil-jasar huwa sar bniedem ta’ Alla billi kien jitlob fit-tul waqt li kien jirgħa n-ngħaġ, u bil-lejl. Imnebbaħ minn Alla, Patrizju ħarab mill-jasar u rritorna d-dar. Iżda wara xi żmien, fil-ħolm kien jisma’ l-ilħna tal-Irlandiżi jgħidulu: “Ejja u erġa’ imxi fostna.”

Sabiex iħejji ruħu għal din il-missjoni, Patrizju mar f’Auxerre (Franza) taħt id-direzzjoni tal-isqfijiet Amatore u Ġerman, u meta waslet l-aħbar tal-mewt ta’ Palladju, li kien mar jevanġelizza l-Irlanda imma bi ftit suċċess, hu telaq biex jeħodlu postu wara li ġie kkonsagrat isqof.

Madwar is-sena 432 (meta allura kellu madwar 43 sena) niżel l-art ma’ sħabu ħdejn Wicklow. Il-missjoni tiegħu ħalliet frott kbir, speċjalment fil-provinċji ta’ fuq tal-gżira. Hawn huwa kellu jikkumbatti l-paganiżmu, waqqaf għadd kbir ta’ knejjes u ta kunventi, għalkemm kien imfixkel mhux ftit mis-saċerdoti saħħara pagani, imsejħin druwidi, li kienu jgħammru fil-boskijiet.

Wara li għamel vjaġġ għal Ruma (c. 442), Patrizju waqqaf is-sedi tiegħu fil-belt ta’ Armagh, li saret iċ-ċentru tal-missjonijiet tiegħu u aktar tard saret is-sedi primazjali tal-Irlanda kollha. Fil-belt ta’ Naas, li kienet il-belt irjali ta’ dawk iż-żminijiet, Patrizju għammed liż-żewġ ulied tar-re ta’ Leinster. Minn hawn, huwa mar Munster, fejn għammed lil Aengus, iben ir-re. Minn fejn kien jgħaddi huwa kien jikkonverti lill-kapijiet, persważ li l-poplu kien jimxi warajhom.

Il-qaddis kiteb ħajtu fil-qosor u semmieha Stqarrija. Huwa kien jirrifjuta li jaċċetta rigali u ddefenda lilu nnifsu kontra akkużi foloz. Kien promutur kbir tal-verġinità kkonsagrata u kellu konvinzjoni sħiħa tas-sejħa personali tiegħu għall-appostolat. Għal ħidmietu jixraqlu tassew it-titlu ta’ Appostlu Nazzjonali tal-Irlanda

San Patrizju miet fis-17 ta’ Marzu, għall-ħabta tas-sena 461 meta kellu madwar 72 sena. Hu l-Patrun tal-Irlanda, u hu għall-Irlandiżi bħalma San Pawl hu għall-Maltin. Il-jum tal-festa tiegħu hu btala pubblika, u jinżamm hekk mhux biss fl-Irlanda, iżda kull fejn hemm komunitajiet Irlandiżi.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.