Quddiesa mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Kurja tal-Arċisqof – 2 ta’ April 2020


Il-Ħamis, 2 ta’ April 2020: Quddiesa mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Kurja tal-Arċisqof …

Omelija tal-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi 

GĦANDEK IL-KLIEM TAL-ĦAJJA TA’ DEJJEM

Naqraw fl-Evanġelju ta’ San Ġwann li, darba minnhom, wara li Ġesù kien tkellem u wassal il-kelma ta’ Alla, kien hemm numru sew min-nies li qalu: “Iebes dan il-kliem”. U wara li Ġesù kompla jispjega, l-Evanġelju jgħid: “Minn dak inhar ħafna min-nies telquh u ma baqgħux jimxu warajh”.

Fis-silta li smajna llum, dawn in-nies li qegħdin f’polemika ma’ Ġesù, u għal kull waħda li jgħid jgħidulu oħra, ma jitilqux, imma fl-aħħar tas-silta jgħid li qabdu l-ġebel biex iwaddbuhulu. Riedu jwarrbu lilu, mhux jitilqu huma.

Hawnhekk Ġesù jispjega b’mod ċar ħafna li hu Alla. Jgħid dik is-sentenza fil-bidu: “Min iħares kelmti ma jara qatt il-mewt.” Niftakru li meta n-nies kienu telquh u kien staqsa lid-dixxipli jitilqux huma wkoll,  Pietru kien qallu: “Mulej, għand min imorru? Int għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem”. Araw jekk hijiex l-istess ħaġa li qed jgħid Ġesu hawn: “Il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem” u  hawn Ġesù jgħid: “Min iħares il-kelma tiegħi ma jara qatt il-mewt”.

X’jurina għall-ħajja tagħna hawnhekk Ġesù?

Dal-kliem ta’ Ġesù juri li hu tassew Alla. Il-profeti kollha ta’ qabel, meta jwasslu l-messaġġ ta’ Alla, kienu jgħidu: “Dan jgħid il-Mulej…” Imma Ġesù jgħid: “Tassew, tassew ngħidilkom”. U hawn fl-aħħar jagħmel dik l-istqarrija: “Qabel ma kien Abraham, jien Hu”. Fehmuh tajjeb in-nies li kienu qed jisimgħuh li qed jgħid l-istess kliem li huma kienu jafu ħafna fit-Testment il-Qadim meta Alla jfisser min hu: “Jiena hu”. Ġesù qed jgħid hawnhekk: jiena Alla.

Għalhekk dan hu messaġġ tajjeb għalina. Aħna mexjin wara Ġesù li hu Alla, li hu Alla li sar bniedem. M’huwiex sempliċiment bniedem kbir, bniedem speċjali, li għamel ħafna ġid, li għallem ħafna, li ħalla impatt fuq l-istorja; imma bniedem li hu Alla. Għalhekk mexjin wara min jista’ jagħtina l-aqwa f’ħajjitna, għax hu Alla.

Imbagħad dan li jsemmi Ġesù importanti ħafna, meta jgħid: “Min iħares il-kelma tiegħi ma jara qatt il-mewt”. Dan hu l-istess kliem li qal lil Marta, meta qalilha: “Jien hu l-Qawmien u l-Ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, ikollu l-ħajja, u kull min jgħix u jemmen fija dan ma jmut qatt.” Hawn mhux qed jgħid Ġesù li ma tasalx il-ġurnata meta nispiċċaw ħajjitna fuq din l-art, imma qed jgħid li l-mewt m’hijiex il-qerda totali tagħna. Imma aħna għandna din is-sejħa u din il-grazzja mingħand Alla li l-ħajja tagħna ma tispiċċax hawn. Għalhekk “ma jara qatt il-mewt”, jiġifieri li aħna nkomplu ngħixu għall-ħajja ta’ dejjem. Alla jagħtina l-grazzja biex ngħixu l-ħajja tagħna hawnhekk bl-aħjar mod, u meta nemmnu fih, hu jagħtina l-ħajja ta’ dejjem.

Din hi t-talba li nistedinkom biex nagħmlu llum fil-quddiesa. Nitolbu lill-Mulej biex isaħħaħ fina l-fidi: il-fidi fih li hu Alla, u l-fidi f’dak li wegħidna hu: li jagħtina l-ħajja issa, u l-ħajja li ma tispiċċax fil-mewt imma li tkompli għall-ħajja ta’ dejjem.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju