Il-Ħamis, 2 ta’ April 2020: F’dal-jiem ta’ niket u swied il-qalb qed jitberrħu bosta problemi moħbija. Fil-gazzetta llum hemm ritratt li jagħfas il-qalb: għadd ta’ nies bla dar mimdudin f’parkeġġ – nosservaw kemm hawn nies bla saqaf fuq rashom. Nitolbu lil Santa Tereża ta’ Kalkutta biex tqanqal fina s-sens ta’ qrubija lejn tant persuni li fis-soċjetà, fil-ħajja normali, jgħixu moħbijin, imma, bħalma huma dawk ta’ bla dar, fil-ħin tal-kriżi nindunaw bl-għadd kbir tagħhom.
Omelija
Il-Mulej jiftakar dejjem il-patt tiegħu. Tennejnieh fis-Salm responsorjali. Il-Mulej ma jinsiex, ma jinsa qatt. Jinsa biss f’każ wieħed: meta jaħfer id-dnubiet. Wara li jkun ħafer jitlef il-memorja, ma jibqax jiftakar id-dnubiet. Mill-bqija Alla ma jinsiex. Il-fedeltà tiegħu hi memorja fiha nfisha: il-fedeltà lejn il-poplu tiegħu. Il-fedeltà tiegħu lejn Abraham hi memorja tal-wegħdiet li kien għamel. Alla ħatar lil Abraham biex jiftaħ triq. Abraham hu magħżul, kien magħżul. Alla kien għażlu. Imbagħad b’dik il-ħatra wiegħdu wirt u llum, fis-silta mill-Ktieb tal-Ġenesi hemm pass ’il quddiem. ‘Ara, il-patt tiegħi miegħek’ (Ġen. 17, 4). Il-patt. Patt li permezz tiegħu hu jara mill-bogħod il-fekondità tiegħu: ‘Int tkun missier ta’ ħafna ġnus’ (Ġen. 17, 4). Il-ħatra, il-wegħda u l-patt huma t-tliet dimensjonijiet tal-ħajja tal-fidi, it-tliet dimensjonijiet tal-ħajja nisranija. Kull wieħed u waħda minna huwa maħtur; ħadd minna ma għażel li jkun Nisrani minn fost il-possibilitajiet kollha li joffrilu s-‘suq’ reliġjuż. Aħna lkoll magħżulin.
Aħna Nsara għax konna magħżulin. F’din l-għażla hemm wegħda, hemm wegħda ta’ tama. Is-sinjal hu l-fekondità: ‘Abraham se tkun missier ta’ ħafna ġnus’… u se tkun għammiel fil-fidi. Il-fidi tiegħek twarrad bl-opri, opri tajbin, opri għammiela u wkoll fidi għammiela. Imma int – it-tielet pass – ‘int iżżomm il-patt tiegħi’ (cf. 17, 9).
U l-patt hu fedeltà, li tkun fidil. Aħna konna magħżulin. Il-Mulej tana wegħda, issa qed jitlob minna patt – patt ta’ fedeltà.
Ġesù jgħid: ‘Abraham qabeż bil-ferħ għall-ħsieb li kien se jara l-jum tiegħi, u rah u feraħ.’ Ġesù kien iben Abraham (Ġw. 8, 56) li ġie biex iġedded il-ħolqien, ħaġa aktar iebsa milli biex taħlaq, tgħidilna l-liturġija – ġie biex jifdi dnubietna, biex jeħlisna. In-Nisrani mhux nisrani biex juri l-fidi tal-magħmudija: il-fidi tal-magħmudija hi biċċa karta. Int Nisrani jekk tgħid ‘iva’ għall-għażla tiegħek minn Alla, jekk timxi fuq il-wegħdiet li għamillek il-Mulej u jekk tgħix f’patt mal-Mulej. Din hi l-ħajja nisranija.
Id-dnubiet tal-mixja dejjem imorru kontra dawn it-tliet dimensjonijiet: ma taċċettax il-ħatra – u aħna ‘nagħżlu’ ħafna idoli, ħafna ħwejjeġ li mhumiex ta’ Alla; ma taċċettax it-tama fil-wegħda – tħares lejn il-wegħdiet mill-bogħod, u ħafna drabi, kif tgħidilna l-Ittra lil-Lhud (cf. Lhud 6, 12; Lhud 8, 6), insellmulhom mill-bogħod u naraw illi l-wegħdiet, illum, ikunu mwaħħdin mal-idoli żgħar tagħna; ninsew il-patt – ngħixu mingħajr patt, qiesu m’għandniex patt.
Il-fekondità hija l-hena, l-hena ta’ Abraham li ra mill-bogħod il-jum ta’ Ġesù u mtela bil-ferħ. Din hi r-rivelazzjoni li qed ittina l-kelma t’Alla llum dwar l-eżistenza nisranija tagħna. Jalla tkun bħal dik tal-Missier tagħna: konxja li hi magħżula, ferħana għax miexja lejn wegħda u fidila fit-twettiq tal-patt.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.