Il-Kristjaneżmu u l-Epidemiji

Print Friendly, PDF & Email

Kif għidna f’vidjo ieħor, wieħed mill-fatturi li minħabba fih il-Kristjaneżmu kiber fl-Imperu Ruman kien it-trattament li l-Insara kienu jagħtu lin-nisa. Imma r-Reliġjon Nisranija saret popolari ħafna mhux biss minħabba dan il-fatt. Ħafna fatturi oħra taw kredibbiltà lill-Insara  fis-soċjetà tal-Imperu fl-ewwel sekli. Forsi wieħed minn dawk il-fatturi kien ukoll il-mod kif l-Insara kienu jittrattaw id-dgħajfa u l-morda. L-imħabba lejn il-proxxmu li jipprattikaw l-Insara ġibdet partikularment l-attenzjoni tal-pagani u iktar tard saret anki xi ħaġa offensiva għalihom.

Fis-sena 165 wk taħt l-Imperatur Marku Awrelju, l-Imperu ġie maħkum minn epidemija misterjuża li kienet preżenti fil-parti l-kbira tat-territorji Rumani, illum magħrufa bħala l-Pesta Antonina. Din il-marda qatlet tal-inqas kwart mill-popolazzjoni Rumana fuq medda ta’ iktar minn għaxar snin. L-epidemija kienet hekk qawwija li anki l-Imperatur spiċċa vittma tal-marda. Ir-riċerkaturi jaħsbu li kienet il-Pesta Antonina li qatlet l-Imperatur fis-sena 180 wk.

Dan kien żmien diffiċli għall-Imperu, għaliex, kif għidna f’vidjo ieħor, il-popolazzjoni Rumana, li diġà kienet qed tonqos minħabba l-qawwa tal-kontroll tat-twelid, bdiet tonqos anki minħabba din il-marda kuntaġġjuża. Imma wara biss seklu mit-tmiem ta’ din il-marda, il-mewt irritornat f’forma ta’ pesta oħra, illum magħrufa bħala l-Epidemija ta’ Ċiprijanu, l-Isqof ta’ Kartaġni, li kien jaħseb li din il-marda kienet se tikkawża “Apokalissi Bijoloġiku”. U din ma kinitx xi esaġerazzjoni, għaliex huwa stmat li fil-belt ta’ Lixandra biss, il-marda qatlet iktar minn 60% tal-popolazzjoni. Ma kienx hemm dar fejn ma kellhomx tal-inqas wieħed li miet mill-marda.

Mill-Eġittu l-pandemija għaddiet għall-Afrika ta’ Fuq u waslet sal-Belt kapitali tal-Imperu. Huwa maħsub li fil-punt l-iktar kritiku ta’ din il-marda, kienet qed tikkawża iktar minn 5,000 mewt kuljum fil-belt ta’ Ruma biss. Imma l-epidemiji ma kinux biss problema tas-saħħa pubblika jew ta’ terrur fost ir-Rumani, imma wasslu wkoll biex is-sistemi tal-valuri tal-Insara u tal-pagani jidħlu f’konfront dirett. Ir-risposti ta’ dawn is-sistemi kienu kompletament differenti minn xulxin. Il-pagani kienu jabbandunaw il-morda, inklużi dawk li kienu ħbieb jew familjari tagħhom, biex isalvaw ħajjithom.

Djonisju, Isqof ta’ Lixandra, kiteb: “Sa mill-bidu tal-marda, huma neħħew il-morda minn fosthom, u ħarbu mill-għeżież tagħhom, u keċċewhom fit-triq qabel imutu. U ttrattaw il-katavri bħaż-żibel, u kienu jittamaw li dawn l-atti kienu se jwaqqfu t-tixrid u l-kuntaġġ tal-marda, madankollu huma baqgħu jsibuha diffiċli biex jaħarbu”.

Il-pagani kienu jintgħarfu mill-insensibbiltà profonda u l-egoiżmu tagħhom. Se nikkunsidraw każ li jista’ jkun ta’ għajnuna għalina biex nifhmu. Galeno, minkejja li llum huwa kkunsidrat bħala wieħed mill-ikbar tobba ta’ żmienu, għex fi żmien din it-traġedja, imma minflok baqa’ Ruma biex jikkura l-morda, kif kien mistenni minnu, hu ħarab mill-belt biex isalva ġildu u mar f’proprjetà tiegħu fl-Asja Minuri.

Min-naħa l-oħra, l-imġiba tal-Insara kienet kompletament differenti. L-epidemija kienet tikkawża ħafna uġigħ fil-poplu, imma dawk li kienu jemmnu f’Ġesù baqgħu biex jikkuraw u anki jsofru mal-morda. Fuq dan il-fatt kiteb Ċiprjanu ta’ Kartaġni:  “Dawk li huma f’saħħithom jieħdu ħsieb il-morda, u l-membri tal-familji jikkuraw il-familjari tagħhom bl-imħabba kollha, is-sidien juru ħniena mal-qaddejja li jsofru mill-mard, it-tobba ma jabbandunawx posthom, u aħna qegħdin nitgħallmu li m’hemmx għalfejn nibżgħu mill-mewt”.

Djonisju, Isqof ta’ Lixandra, lejn is-sena 260 wk, jiġifieri fi żmien it-tieni epidemija, qal xi ħaġa hekk: “Il-parti l-kbira ta’ ħutna l-Insara ġiebu ruħhom mal-morda bi mħabba u lealtà bla tarf, ħasbu mhux fihom infushom imma fl-oħrajn, u ma beżgħu mill-ebda periklu. Huma kienu jieħdu ħsieb il-morda billi jikkurawhom u jaqduhom bħal aħwa fl-Ispirtu ta’ Kristu. U magħhom ħallew din id-dinja bil-ferħ u l-paċi, għaliex huma wkoll ġew infettati mill-marda. L-aqwa fost ħutna tilfu ħajjithom f’dawn iċ-ċirkustanzi. Xi presbiteri, djakni u lajċi waslu għall-konklużjoni li mewt bħal din, li kienet frott ta’ ħniena u fidi kbira, tixbah f’kollox lill-martirju”.

Waqt li l-pagani kienu jippreferu jippreservaw ħajjithom minflok il-ħajja tal-familjari, il-ħbieb u l-membri l-oħra tal-komunità tagħhom, l-Insara kienu jipprattikaw l-imħabba lejn il-proxxmu, u aċċettaw anki r-riskju tal-mewt. Huma kienu jimpenjaw ruħhom mhux biss fil-kura tal-morda, imma anki biex jagħtu lill-katavri dfin xieraq.

Imma l-pagani ma kinux entużjasti dwar l-imġiba tal-Insara f’din il-katastrofi, għaliex l-attenzjoni tal-Insara lejn il-morda, ir-romol, it-tfal abbandunati, in-nisa, l-iskjavi u dawk li kienu jsofru, kienet tinfluwenza l-immaġni li kellu l-poplu tal-paganiżmu.

Għal ħafna studjużi r-risposta li l-paganiżmu ta fit-tieni epidemija kissret it-tessut soċjali tal-paganiżmu. Ġuljanu, li kien il-mexxej tal-aħħar tentattiv ta’ restawrazzjoni tal-paganiżmu fl-Imperu, kien ukoll dak li ra b’mod ċar il-qawwa tad-differenza bejn iż-żewġ risposti. F’ittra li kiteb fis-sena 362 wk lis-saċerdot pagan ta’ Galazja, hu eżorta lill-pagani biex jimitaw l-opri tal-Insara, għax skont hu, l-espansjoni tal-Kristjani kienet minħabba l-karattru morali u t-tjieba li kellhom. F’ittra oħra lil saċerdot ieħor, qal: “Nemmen li meta s-saċerdoti bdew jinsew il-foqra, il-Galatin intebħu mill-ewwel u bdew bl-opri tal-karità, mhux biss mal-foqra tagħhom imma anki ma’ tagħna. Kulħadd jista’ jara li n-nies tagħna ma jirċevux għajnuna mingħandna”.

Ġuljanu kien jattribwixxi l-karità Nisranija lil motivazzjonijiet l-iktar perversi, imma ma kienx jiċħad jew jinjora l-impatt li kellha fuq il-paganiżmu li la kellu ħniena, la kompassjoni, la solidarjetà u lanqas tama.

Xi wħud jagħrfu l-Insara bħala dawk li ħolqu l-ewwel “stat ta’ benessri” fl-Imperu Ruman li ma kellu l-ebda tip ta’ servizz soċjali mill-Istat, imma l-motivazzjoni tal-karità Nisranija ma kinitx għajr l-imħabba li kellhom lejn il-proxxmu. Għaldaqstant din ma kinitx obbligu, imma kienet xi ħaġa li ġiet mir-rieda u mix-xewqa li jimitaw ’il  Ġesù u jsegwu t-tagħlim tiegħu.

Min-naħa l-oħra, il-paganiżmu għamel eżaltazzjoni tal-vjolenza, il-qawwa u l-poter, u għalhekk kien jiddisprezza d-dgħajjef u l-fqir. Minħabba dan, is-soċjetà Rumana ma kellha l-ebda problema li tiċħad lil min hu fraġli u marid.

Il-konsegwenza ta’ dan kienet ovvja: dawk li kienu ttrattati ħażin mill-Imperu, jiġifieri n-nisa, l-immigranti, l-iskjavi, il-foqra u l-morda, kienu dawk li laqgħu l-Kristjaneżmu bl-ikbar entużjażmu.

Kif jgħidu l-esperti, dawn l-epidemiji, speċjalment it-tieni waħda, kienu l-imsiemer tat-tebut tal-Imperu Ruman, u kienu wkoll pass importanti fit-tkabbir tal-Kristjaneżmu primittiv.

Il-Kristjaneżmu spiċċa jneħħi l-paganiżmu, minkejja l-vjolenza u l-persekuzzjoni. L-Insara qatt ma użaw il-vjolenza, anzi kienu ħanina, ġusti u wrew tama u solidarjetà f’soċjetà li ma kellhiex dawn il-valuri.

U int? X’taħseb? Temmen li l-Insara tal-lum huma ħanina, ġusti u solidali kif jitlob Ġesù u l-Vanġelu?

Miġjub mill-Ispanjol għall-Malti minn Carlos Fernando Vargas Tobar

Sotto-titoli bil-Malti minn Frank Darmanin

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: