Idolatrija tal-Flus


Ħsibijiet dwar l-Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku ‘Evangelii Gaudium’ (Il-Ferħ tal-Vanġelu), dwar it-tħabbir tal-Vanġelu fid-dinja tal-lum. Ir-4 parti. (Mill-‘Kelma tal-Kappillan’ tal-Knisja ta’ Santa Marija, B’Kara, Fr Reuben Deguara, fl-insert tal-FLIMKIEN’ ta’ April 2020.)

L-IDOLATRIJA TAL-FLUS

Fl-Eżortazzjoni Appostolika ‘Evangelii Gaudium’ (Il-Ferħ tal-Vanġelu), il-Papa jgħid li l-gvernijiet tal-pajjiżi jaħdmu għal tkabbir ekonomiku, għal suq ħieles u għal tnaqqis ta’ taxxi biex jinċentiva l-intrapriżi. Imma ma jaħdmux daqshekk għall-ugwaljanza u l-inklużjoni soċjali. Bħala eżempju jsemmi anzjan li nstab mejjet għas-sirda tat-triq u li ma deherx fl-aħbarijiet; imbagħad tidher aħbar li l-ishma fis-suq naqsu b’żewġ punti. Huwa fatt li hemm min jarmi l-ikel waqt li kotra kbira ta’ nies qed ibatu l-ġuħ.  Madwar id-dinja, partijiet kbar tal-popolazzjoni huma esklużi u emarġinati, bla xogħol u bla futur. Il-Papa din isejħilha l-logħba tal-kompetittività u l-liġi ta’ min hu l-iżjed b’saħħtu, fejn il-qawwi jibla’ lill-iżjed dgħajjef.

Papa cvIl-Papa jgħid li waħda mill-kawżi ta’ din is-sitwazzjoni nsibuha fir-relazzjoni li ħloqna mal-flus, fejn qed naċċettaw bla inkwiet ta’ xejn il-ħakma tagħhom fuqna u fuq is-soċjetà tagħna.  Il-flus qed ikunu importanti iktar mill-bniedem. Ħloqna idoli ġodda hekk li fi żmienna l-qima tal-għoġol antik tad-deheb sabet verżjoni ġdida u bla ħniena fl-idolatrija tal-flus u fid-dittatura tal-ekonomija. Id-dinja tal-kummerċ ġagħlet lill-bniedem tal-lum jaħseb li l-aqwa bżonn tiegħu hu l-konsum.

Qed nassistu għal sitwazzjoni fejn il-ftit jistagħnew b’mod esaġerat filwaqt li l-ħafna jsibu ruħhom dejjem aktar imbiegħda mill-ġid ta’ dawn il-ftit li għaddejjin tajjeb. Dan jiġri għax il-kumpaniji jiddefendu l-awtonomija assoluta tas-suq u jispekulaw bla ħniena. Ma jaċċettawx id-dritt tal-kontroll mill-entitajiet li xogħolhom hu li jħarsu l-ġid komuni. Hemm ukoll id-djun u l-interessi, li jbiegħdu lill-pajjiżi milli jissudaw l-ekonomija tagħhom u ma jħallux liċ-ċittadini milli jgħxu ħajja diċenti. Ma’ dan kollu mbagħad inżidu l-korruzzjoni u l-evażjoni egoista tat-taxxa minn min jiflaħ l-aktar, li llum issibhom imxerrdin mad-dinja kollha. Il-kilba għall-poter u għall-ġid ma tafx b’limiti.  F’din is-sistema, li kapaċi tqaċċat kulma ssib fi triqitha biex tista’ takkwista iżjed, kull ħaġa li hi dgħajfa, bħalma hu l-ambjent, tispiċċa li m’għandhiex min jiddefendiha kontra l-interessi ta’ min hu b’saħħtu.

Wara dan l-atteġġjament hemm moħbija ċ-ċaħda tal-etika u ċ-ċaħda ta’ Alla. Fuq it-tagħlim tal-Vanġelu, il-Papa jfakkar li l-għonja għandhom jgħinu lill-foqra, jirrispettawhom u jagħtuhom opportunità ta’ ħajja li tixirqilhom. Iħeġġiġhom biex juru solidarjetà diżinteressata biex id-dinja terġa’ lura għal sistemi ta’ ekonomija u finanzi li huma mdawla minn etika favur il-bniedem. Jikkwota wieħed mill-għorrief tal-qedem: “Li ma taqsamx il-ġid tiegħek mal-foqra jfisser li tkun qed tisraqhom u ċċaħħadhom mill-ħajja. Il-ġid li għandna f’idejna mhuwiex tagħna, imma tagħhom”.

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.