Il-Papa f’Santa Marta: Il-proċess tat-tentazzjoni

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 4 ta’ April 2020: F’dan il-waqt imqalleb, ta’ diffikultà u niket, kultant in-nies tiġihom il-ħajra jagħmlu xi ħaġa tajba. Imma ma jistax jonqos li oħrajn jitħajru jagħmlu xi ħaġa li mhijiex tajba, japprofittaw ruħhom mis-sitwazzjoni għall-gwadann tagħhom personali. Illum nitolbu sabiex il-Mulej jagħti lil kulħadd kuxjenza retta, trasparenti, li tista’ tidher quddiem Alla mingħajr mistħija.

Omelija

Kien ilu żmien li d-dutturi tal-Liġi u s-saċerdoti kienu inkwetati għax fil-pajjiz kienu qed jiġru affarijiet strambi.  L-ewwel Ġwanni – li fl-aħħar ma baqgħux jagħtu kasu għax kien profeta – kien jgħammed, in-nies kienet tmur għandu, imma ma kien hemm ebda konsegwenza oħra.  Imbagħad wasal dan Ġesù li kien imħabbar minn Ġwanni.  Jibda jagħmel sinjali, mirakli, imma fuq kollox, jitkellem man-nies li kienu jifhmuh, kienu jmorru warajh u mhux dejjem kien josserva l-Liġi.  Dan kien inissel fihom inkwiet kbir.  ‘Dan hu rivoluzzjonarju, rivoluzzjonarju paċifiku… Dan jiġbed in-nies lejh, in-nies tiġri warajh…’ (cf. Ġw. 11, 47-48).  U dawn l-ideat daħħluhom f’diskussjoni bejniethom: ‘Ara, dan ma jogħġobniex… dak lanqas…’, b’hekk dan kien is-suġġett tad-diskussjoni bejniethom, it-tħassib tagħhom ukoll.  Imbagħad xi wħud minnhom marru jfittxuh biex iġarrbuh u kull darba l-Mulej kellu tweġiba ċara li lilhom, dutturi tal-Liġi, ma tkunx waqgħetilhom f’moħħhom.  Niftakru f’dik il-mara li kienet miżżewġa seba’ darbiet, u romlot seba’ darbiet: ‘Imma fis-saltna l-mara ta’ liema minnhom se tkun?’ (cf. Lq. 20,  33).  Hu tahom tweġiba ċara u huma telqu ’l hemm ftit jew wisq mistħija minħabba d-dehen ta’ Ġesù.  U drabi oħra spiċċaw umiljati, bħal meta riedu jħaġġru lil dik il-mara adultera u fl-aħħar Ġesù qalilhom:  ‘Min minnkom hu bla dnub, jitfgħalha hu l-ewwel ġebla’ (cf. Ġw. 8, 7).  U l-Evanġelju jgħidilna li wieħed wieħed telqu minn hemm, ibda mill-anzjani li dak il-ħin sfaw umiljati.

Dan kollu kien ikompli jsaħħan il-qiegħa tad-diskussjoni ta’ bejniethom: ‘Jeħtieġ nagħmlu xi ħaġa, ma nistgħux nibqgħu sejrin hekk…’  Imbagħad bagħtu s-suldati biex jarrestawh u dawn reġgħu lura jgħidulhom: ‘Ma stajniex naqbduh għax qatt ma smajna ebda bniedem ieħor jitkellem bħalu…’  ‘Intom ukoll ħallejtuh iqarraq bikom’ (cf. Ġw. 7, 45-49): irrabjati  għax lanqas is-suldati ma rnexxielhom jarrestawh.

U mbagħad, wara l-qawmien ta’ Lazzru – dak li smajna llum – bosta Lhud kienu marru jżuru lil ħut Lazzru, iżda xi wħud marru wkoll biex jaraw kif kienu l-affarijiet biex iwasslu r-rapporti.  Xi wħud minnhom marru għand il-fariżej u rrakkuntawlhom x’kien għamel Ġesù (cf. Ġw. 11, 45).  Oħrajn emmnu fih.  U dawk li kienu marru jirrakkuntaw, il-pettegoli ta’ dejjem, li jgħixu bis-seksik… marru għandhom ukoll.  F’dal-ħin, dak il-grupp tad-dutturi tal-Liġi għamlu laqgħa formali: ‘X’sejrin nagħmlu? Għax dan il-bniedem qiegħed jagħmel ħafna sinjali. Jekk inħalluh sejjer hekk, kulħadd jemmen fih, u jiġu r-Rumani, u jeqirdulna kemm it-tempju u kemm il-ġens tagħna’ (cf. Ġw. 11, 48).  Hawn kien hawn parti mill-verità, għalkemm mhix sħiħa: kienet ġustifikazzjoni għax huma kienu sabu mod kif jgħixu flimkien mal-ħakkiema, imma lill-ħakkiem Ruman kien jobogħduh.  Però politikament kien irnexxielhom isibu kompromess.  Hekk bdew jgħidu bejniethom.

Wieħed minnhom, Kajfa, il-qassis il-kbir – kien l-aktar wieħed radikali – qal: ‘Intom ma tafu xejn. Anqas ma intom tqisu li jaqblilkom jekk imut bniedem wieħed għall-poplu u mhux jinqered il-ġens kollu!’ (Ġw. 11, 50)  Kien il-qassis il-kbir u għamel il-proposta: ‘Neqirduh.’  U Ġwanni jgħid: ‘Issa dan ma qalux minn moħħu, imma billi dik is-sena inzerta kien il-qassis il-kbir, huwa kien imnebbaħ u ħabbar li Ġesù kellu jmut għall-ġens tiegħu…  Minn dakinhar ’il quddiem bdew jiftiehmu bejniethom biex joqtluh’ (cf. Ġw. 11, 51-53).   Kien proċess, proċess li beda bi ftit tħassib fi żmien Ġwanni l-Battista u ntemm b’dis-seduta tad-dutturi tal-Liġi u s-saċerdoti.  Proċess li baqa’ jikber, proċess li kien isħaħ mid-deċiżjoni li kellhom jieħdu, imma ħadd ma kien tkellem daqstant ċar: ‘Jeħtieġ neliminawh.’

Dal-proċess tad-dutturi tal-Liġi huwa proprju xbieha ta’ kif taħdem it-tentazzjoni fina, għax wara r-raġunamenti tagħhom żgur kien hemm ix-xitan li ried jeqred lil Ġesù, u fina t-tentazzjoni ġeneralment hekk taħdem: tibda b’xi ħaġa żgħira, b’xewqa, idea, tikber, tniġġes lil ħaddieħor, u fl-aħħar tiġġustifika ruħha.  Dawn huma t-tliet passi tat-tentazzjoni li x-xitan jiżra’ fina u hawn insibu t-tliet passi li għamlet it-tentazzjoni fid-dutturi tal-Liġi.  Bdiet bil-ftit, imma kibret, baqgħet tikber, imbagħad niġġset lill-oħrajn u baqgħet tissaħħaħ, u fl-aħħar tiġġustifika ruħha: ‘Jeħtieġ imut wieħed għall-poplu kollu’ (cf. Ġw. 11, 50).  Il-ġustifikazzjoni hija totali.  U kollha kemm huma reġgħu lura lejn id-dar kalmi.  Kienu rraġunaw: ‘Din hi d-deċiżjoni li kellna nieħdu.’ U aħna lkoll, kull meta tirkibna t-tentazzjoni, nikkalmaw, għax inkunu sibna ġustifikazzjoni għal dan id-dnub, għal din l-imġiba ta’ dnub, għal dil-ħajja li mhix skont il-Liġi t’Alla.

Jeħtieġ neħduha drawwa li neżaminaw dal-proċess li tħaddem fina t-tentazzjoni.  Il-proċess li jibdlilna qalbna minn tajba għal waħda ħażina, li jeħodna għan-niżla.  Ħaġa li tikber, tikber, tikber ftit ftit, imbagħad tniġġes lil ħaddieħor u fl-aħħar tiġġustifika ruħha.  Diffiċli li t-tentazzjonijiet jiġu fuqna f’daqqa – ix-xitan moħħu jilħaqlu.  U jaf jaqbad dit-triq, l-istess waħda li ħa biex jasal għall-kundanna ta’ Ġesù.  Meta aħna nsibu ruħna fid-dnub, f’waqgħa, għandna mmorru nitolbu maħfra lill-Mulej.  Dan hu l-ewwel pass li għandna nagħmlu, iżda mbagħad irridu ngħidu: ‘Kif wasalt biex waqajt?  Kif beda dal-proċess f’qalbi?  Kif kiber?  Lil min niġġist?  Kif fl-aħħar wasalt niġġustifika l-waqgħa tiegħi?’  Il-ħajja ta’ Ġesù dejjem hi eżempju għalina u dak li ġara lil Ġesù jiġri lilna wkoll: it-tentazzjonijiet, il-gustifikazzjonijiet, in-nies twajba li jgħixu madwarna u aħna forsi ma nindunawx bihom, u l-ħżiena li fil-ħin tat-tentazzjoni nippruvaw nersqu lejhom biex inkabbru t-tentazzjoni.  Imma qatt m’għandna ninsew: wara d-dnub, wara waqgħa, dejjem hemm tentazzjoni li bdiet bil-ftit, kibret, niġġset u fl-aħħar sabet il-mod kif tiġġustifika l-waqgħa.  Jalla l-Ispirtu s-Santu jdawwalna f’dan l-għarfien interjuri.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading