Il-Papa f’Santa Marta: Ifittxu lil Ġesù fil-fqir

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 6 ta’ April 2020: Għaddejja minn moħħi problema gravi li hawn f’diversi nħawi tad-dinja.  Illum nixtieq li nitolbu minħabba l-problemi tal-iffullar esaġerat fil-ħabsijiet.  Fejn hemm ir-rassa – hemm wisq nies hemmhekk – hemm il-periklu, waqt din il-pandemija, li tisplodi s-sitwazzjoni u tispiċċa fi traġedja kbira.  Nitolbu għal min hu responsabbli, għal kull min irid jieħu d-deċiżjonijiet biex isib it-triq it-tajba u kreattiva ħalli jsolvi dil-problema.

Omelija

Din is-silta tintemm b’osservazzjoni: ‘Għalhekk il-qassisin il-kbar ftiehmu li joqtlu lil Lazzru wkoll, għax minħabba fih ħafna mil-Lhud bdew jitilquhom u jemmnu f’Ġesù’ (Ġw. 12, 10-11).  Jumejn ilu rajna l-passi tat-tentazzjoni: is-seħer tal-bidu – l-illużjoni; imbagħad tibda tikber – it-tieni pass; u t-tielet, tikber u tniġġes u tiġġustifika ruħha.  Imma hemm pass ieħor: tibqa’ għaddejja bla ma tieqaf.  Għal dawn ma kienx biżżejjed joqtlu lil Ġesù, issa riedu joqtlu lil Lazzru wkoll, għax kien xhud tal-ħajja.

Imma llum nixtieq nieqaf fuq kelma ta’ Ġesù.  Sitt ijiem qabel l-Għid – ninsabu proprju fuq l-għatba tal-Passjoni –  Marija tagħmel dan il-ġest ta’ kontemplazzjoni: Marta kienet qed isservi – bħalma naraw fil-pass l-ieħor – u Marija tiftaħ il-bieb tal-kontemplazzjoni.  U Ġuda jaħseb fil-flus għall-foqra imma ‘mhux għax kien jimpurtah mill-foqra, imma għax kien ħalliel, u, billi hu kien il-kaxxier, kien jisraq kulma kienu jaqilgħu’ (Ġw. 12, 6).

Din l-istorja tal-amministratur diżonest hija dejjem attwali; minn dejjem kien hawn, anke f’livelli għolja.  Naħsbu ftit f’xi organizzazzjonijiet ta’ benefiċenza jew umanitarji li jimpjegaw bosta nies, ħafna nies, u għandhom struttura għanja ta’ nies, u fl-aħħar għand il-foqra jaslu erbgħin fil-mija għax is-sittin fil-mija jmorru għall-pagi għand ħafna nies.  Hu mod kif tieħu l-flus tal-foqra.

Iżda t-tweġiba hija Ġesù.  U hawn irrid nieqaf: ‘Infatti l-foqra ssibuhom dejjem magħkom’ (Ġw. 12, 8).  Din hi verità:  ‘Infatti l-foqra ssibuhom dejjem magħkom’ (Ġw. 12, 8).  Il-foqra jinsabu hawn;  hawn ħafna minnhom.  Hemm il-fqir li aħna ma narawhx – imma din hi biss parti żgħira.  Il-biċċa l-kbira tal-foqra huma dawk li ma nafux bihom: il-foqra moħbijin.  U aħna ma narawhomx għax nidħlu f’dil-kultura ta’ indifferenza negazzjonista, u niċħdu: ‘Le, le, m’hawnx wisq.’  Ma jidhrux, iva.  Dak il-każ…  U nċekknu dejjem ir-realtà tal-foqra.  Madankollu hemm ħafna u ħafna minnhom.

Inkella, anke jekk ma ninħakmux minn dil-kultura tal-indifferenza, hemm id-drawwa li lill-foqra nqisuhom tiżjin tal-belt.  Iva, jeżistu, bħall-istatwi; iva, jeżistu, jidhru; iva, dik ix-xwejħa li titlob il-karità; dak l-ieħor… Imma nqisu kollox ħaġa normali.  Parti mit-tiżjin tal-belt hi li jkollha l-foqra.  Imma l-biċċa l-kbira minnhom huma foqra vittmi tal-politika ekonomika, tal-politika finanzjarja.  Xi statistiċi reċenti jiġbru kollox hekk: hawn ħafna flus f’idejn il-ftit u tant faqar f’ħafna u ħafna oħrajn.  U dan hu l-faqar ta’ tant nies vittmi tal-inġustizzja strutturali tal-ekonomija tad-dinja.  U hawn ħafna foqra li jistħu juru li ma jwasslux sal-aħħar tax-xahar; tant foqra fil-klassi tan-nofs, li bil-moħbi jmorru l-Caritas jittallbu u jħossuhom jistħu.  L-għadd tal-foqra hu ferm akbar minn dak tan-nies sinjuri: ferm u ferm akbar.  U dak li jgħid Ġesù hu minnu: ‘Infatti l-foqra ssibuhom dejjem magħkom.’  Imma jien narahom?  Jien konxju minn dir-realtà?  Fuq kollox jien konxju mir-realtà moħbija, dawk li jistħu jgħidu li ma jwasslux sal-aħħar tax-xahar?

Niftakar fi Buenos Aires kienu qaluli li fil-bini ta’ fabbrika abbandunata, li kienet ilha vojta snin, kienu jgħixu 15-il familja li kienu waslu hemmhekk fl-aħħar xhur.  Jien mort hemm.  Kienu familji bit-tfal u kienu okkupaw kull rokna tal-fabbrika abbandunata biex jgħixu fiha.  U osservajt li kull familja kellha mobbli tajbin, għamara li jkollha l-klassi tan-nofs.  Kellhom it-televixin, imma marru hemmhekk għax ma setgħux iħallsu l-kera.  Il-foqra l-ġodda li jkollhom iħallu djarhom għax ma jistgħux iħallsu, u marru hemmhekk.  Hija l-inġustizzja tal-organizzazzjoni ekonomika u finanzjarja li ġġibhom f’dil-qagħda.  U hawn ħafna u ħafna, tant li għad niltaqgħu magħhom fil-ġudizzju.  L-ewwel mistoqsija li għad jagħmlilna Ġesù se tkun: ‘Kif tmur mal-foqra?  Tajthom jieklu? Meta kien il-ħabs mort iżżuru?  L-isptar mort tarah?  Għint lill-armla, lill-orfni?  Għax hemmhekk kien hemm jien.’  U fuq dan se nkunu ġġudikati.  M’aħniex se nkunu ġġudikati fuq il-lussu jew il-vjaġġi li nagħmlu jew fuq l-importanza soċjali li kellna.  Se nkunu ġġudikati fuq kif irrelatajna mal-foqra.

Imma jekk jien illum ninjora lill-foqra, inwarrabhom fil-ġenb, nemmen li ma jeżistux, il-Mulej jinjora lili fil-jum tal-ġudizzju.  Meta Ġesù jgħid: ‘Il-foqra ssibuhom dejjem magħkom,’ ifisser: ‘Jien dejjem magħkom fil-foqra.  Inkun preżenti hemmhekk.’  U dan ma jfissirx li tkun komunista; dan hu l-qofol tal-Evanġelju. Il-ġudizzju tagħna fuq dan se jsirilna.

Miġjib għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading