Nisimgħu s-skiet tas-Sibt – Is-Siegħa tal-Omm

Print Friendly, PDF & Email

Sibt il-Għid filgħodu, 11 ta’ April 2020: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex, fiċ-Ċelebrazzjoni tas-Siegħa tal-Omm, fis-Santwarju Ta’ Pinu, l-Għarb.

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/796015429″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”true” /]

NISIMGĦU S-SKIET TAS-SIBT

Il-jum tas-Sibt, l-għada tal-Ġimgħa l-Kbira, huwa jum ta’ skiet u ħemda. Kif nistgħu ninterpretaw dan is-silenzju?

Hemm min jgħid li llum Alla waqa’ fil-muta, Alla tilef ilsienu. Fil-fatt, matul il-proċess, it-tislib u l-qtil ta’ Ibnu, is-skiet ta’ Alla kont taqtgħu b’sikkina. Hemm min saħansitra jgħid li dakinhar tal-kruċifissjoni ta’ Ġesù, l-Iben ta’ Alla, Alla miet, Alla għeb.

Nifhem lil min jagħmel dawn l-oġġezzjonijiet. Għax kif jista’ jkun li Alla jibqa’ daqshekk indifferenti quddiem tant vjolenza, quddiem il-qerda tal-bniedem, quddiem l-omiċidju ta’ Ibnu stess? Kif jista’ jkun li Alla jibqa’ ma jagħmel xejn quddiem id-dulur tal-innoċenti?

Bir-raġun il-Papa Benedittu XVI meta fl-2006 għamel żjara fil-Kamp ta’ Auschwitz stqarr li quddiem dik il-krudeltà kollha Alla nħeba. Hija waħda mill-isfidi l-kbar kemm tal-bniedem li jemmen u kemm ta’ min ma jemminx: li quddiem il-misteru tat-tbatija Alla jassenti ruħu, jirtira. Dakinhar il-Papa Benedittu ssellef il-kliem ta’ Kristu fuq is-salib u lill-Missier qallu: Mulej, għaliex abbandunajtna?

Ma naħsibx li fiċ-ċirkustanzi tal-lum, meta d-dinja hija mifluġa bil-pandemija, huwa diffiċli nifhmu l-qalb feruta tal-Papa Benedittu! Meta għandna eluf kbar ta’ nies li qed imutu, għandna daqshekk u aktar nies li għaddejjin minn wied ta’ dmugħ, sew għaliex huma stess imniġġsa, sew għaliex il-familjari tagħhom huma vittmi, sew għax huma ssagrifikati bis-servizz ġeneruż li qed jagħtu lill-pazjenti milquta minn dan il-mikrobu! F’qalbi nġorr lil dawn kollha, speċjalment lil dawk li qegħdin fuq il-fruntiera, bħalma huma dawk il-health workers li qed jaqdu fl-isptarijiet, kif ukoll lil ħuti, is-saċerdoti u r-reliġjużi, li ma abbandunawx lill-bniedem imsallab, imma bħal Marija waqfu ħdejh. Ma nistagħġibx li f’dawn iċ-ċirkustanzi aħna stess qegħdin nesperjenzaw il-muta ta’ Alla. Min jaf kemm tlabna u qegħdin nitolbu, min jaf kemm saru wegħdi u sagrifiċċji biex il-Mulej ikollu ħniena minna u jeħlisna minn dan il-flaġell, imma bħal donnu Alla ttarrax għalina. Xi ħadd li huwa devot tal-qaddis Papa Ġwanni XXIII qalli li talab bis-sħiħ lil dan il-qaddis biex jieqaf man-nies ta’ Bergamo, il-belt tal-oriġni tiegħu, imma mid-dehra ma semax talbu! Bħal dan hemm ħafna oħrajn.

Illum is-Sibt li fih intom u jien qed nagħmlu l-esperjenza tas-skiet ta’ Alla.

Imma fix-xenarju ta’ Ġerusalemm dakinhar li sallbu u difnu lil Ġesù kien hemm persuna waħda li kienet taf li Alla huwa sieket, kienet tħoss is-sikta ta’ Alla, imma kienet kapaċi tinterpreta b’mod differenti dan is-skiet. Din hija Marija, Omm Ġesù, li llum inġbarna madwarha f’dan is-Santwarju Ta’ Pinu, santwarju tant għażiż għalina lkoll għax huwa d-dar prinċipali ta’ Marija fostna. Is-skiet ta’ Alla ma huwiex xi ħaġa ġdida għal Marija, għax għexitu drabi oħra. Hija għandha l-ħila li tinterpreta b’mod pożittiv dan is-skiet. Għaliex Marija, il-mara li tisma’, tisma’ wkoll is-skiet għax Alla jitkellem ukoll bis-skiet tiegħu. Ta’ Lhudija li kienet, Marija kienet taf dak li jgħid wieħed rabbi: “Hemm sebgħin mod kif tinterpreta t-Torah. Is-silenzju huwa wieħed minnhom”. Żgur li Marija kienet taqbel ma’ dak li tgħid Simone Weil: “Il-bnedmin jitkellmu bil-ħsejjes, Alla jitkellem bis-skiet. F’Alla l-kelma sigrieta tal-imħabba mhix għajr is-skiet”.

Dakinhar Alla tkellem bil-Kurċifiss. Alla tkellem minn fuq is-salib. Minn fuq is-salib Alla pproklama b’vuċi għolja l-imħabba tiegħu. Marija għandha widna u qalb imħarrġa biex tisma’ dak li Alla jgħid mingħajr kliem. Hi li kienet taf “toqgħod taħseb bejnha u bejn ruħha”, kienet taf ukoll taqbad il-messaġġi li Alla jibgħat bis-skiet tiegħu. Billi s-silenzju ta’ Alla jipprolunga fiż-żmien il-kliem li jkun lissen, f’dan il-jum tas-Sibt nistħajjel lil Marija, li kienet taf li – kif jgħid San Pawl – Kristu miet għal kulħadd, tagħmel memorja ta’ dak li ħareġ minn fomm Kristu: “Ħottu dan it-tempju u fi tlett ijiem nerġa’ nibnih… Jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, ma tistax tagħti l-frott… Min jemmen fija ma jmut qatt”. Fil-jum tas-Sibt Marija ma kellha ebda delużjoni, imma kienet toqgħod tomgħod dan il-kliem – dawn huma sentenzi li kienu jimlewha bit-tama biex tibqa’ tinterpreta b’mod pożittiv il-ġrajjiet li kienet qed tgħix, tinterpreta wkoll il-baħħ ta’ Alla.

Għax dakinhar tas-Sibt Marija semgħet lil Alla jitkellem mill-qabar kiesaħ fejn difnu lil Ġesù, nistgħu nqiegħdu fuq fommha dak li jikteb it-teologu Hans Urs Von Balthasar: “Il-fidi tiegħi sserraħ fuq il-verità li f’dak il-lejl tas-salib ta’ Kristu Alla miet għax ħabb id-dinja. L-għejun kollha tal-grazzja joħorġu minn dak il-lejl: fidi, imħabba u tama. Jien inwarrad fuq il-qabar ta’ Alla li miet għalija, inniżżel għeruqi fit-trab ta’ ġismu u demmu. Għalhekk l-imħabba tiegħu ma tridx tkun differenti minn ta’ dak li fdieni” (Ġesù u n-Nisrani, 13, 185).

Illum, il-jum tas-Sibt, il-ħarsa tagħna tieqaf fuq il-qabar mitbuq ta’ Alla, imma aħna nafu li l-mewt magħluqa fih hija l-prezz li Alla ħallas għalina. Ftit sigħat oħra s-skiet ta’ dak il-qabar jinkiser bil-qawmien ta’ Ġesù għall-ħajja. Għax iħobbna, Alla ser jerġa’ jagħmel att ieħor ta’ mħabba, iqajjem lil Ġesù mill-mewt u lilna jagħtina sehem minn din ir-rebħa. Marija dan ġarrbitu.

F’dan iż-żmien ta’ qtigħ il-qalb, ejjew nieħdu f’darna lil Marija. Nirrakkomandalkom biex illum aktar mis-soltu żżommu magħkom lil din l-ewwel xhud tal-Qawmien. F’ċertu sens Marija hija xhud tal-Qawmien qabel ma Kristu qam mill-mewt għax hija emmnet li l-Missier kien ser iqajjem lil Ibnu. Din hija l-fidi tagħna li twarrad fuq il-qabar ta’ Alla u f’dawn il-jiem tqal li għaddejja minnhom id-dinja. Bl-interċessjoni ta’ Marija, ħa tkun din il-fidi li tgħinna nibqgħu b’rasna ’l fuq biex naraw ’l hinn mix-xefaq.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading