Il-Papa f’Santa Marta: Nitolbu biex il-Mulej itina l-grazzja tal-għaqda bejnietna

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 14 ta’ April 2020: Nitolbu biex il-Mulej itina l-grazzja tal-għaqda bejnietna.  Jalla d-diffikultajiet ta’ bħalissa jgħinuna niskopru l-komunjoni bejnitena, l-għaqda li dejjem tisboq kull firda.

Omelija

Il-grazzja tal-fedeltà

Il-predikazzjoni ta’ Pietru nhar il-Pentekoste, tinfed qlub in-nies: “Dak li intom sallabtu, qam” (cf. Atti 2,36).  “Dan il-kliem li semgħu laqtilhom qalbhom, u qalu lil Pietru u lill-appostli l-oħra: “L-aħwa, x’għandna nagħmlu aħna?'” (Atti 2,37).  U Pietru huwa ċar: “Indmu, u jitgħammed kull wieħed minnkom fl-isem ta’ Ġesù Kristu għall-maħfra ta’ dnubietkom; u intom tirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu. Għax il-wegħda qiegħda għalikom u għal uliedkom u għal dawk kollha li huma fil-bogħod, dawk kollha li l-Mulej Alla tagħna sejħilhom (cf. Atti 2,38).  Dan kollox: indmu: erġgħu kunu fidili.  Il-fedeltà, dak l-atteġġjament uman li ma tantx issibu fil-ħajja tan-nies, fil-ħajja tagħna.  Dejjem se nsibu l-illużjonijiet li jiġbdulna l-attenzjoni u ħafna drabi aħna nagħżlu li mmorru wara dawn l-illużjonijiet.  Il-fedeltà: fiż-żminijiet tajba u fiż-żminijiet koroħ.  Hemm pass fit-Tieni Ktieb tal-Kronaki li jolqotni ħafna.  Jinsab fil-kapitlu XII, fil-bidu.  “Meta ssaħħet is-saltna – jgħid – is-Sultan Roboam ħassu ċert minnu nnifsu u tbiegħed mill-Liġi tal-Mulej u Iżrael kollu mar warajh” (cf, 2 Kron. 12,1).  Hekk tgħid il-Bibbja. Huwa fatt storiku, imma huwa fatt universali.  Bosta drabi, meta nħossuna f’sikitna, nibdew nitbiegħdu ftit ftit mill-Mulej: ma nibqgħux fidili.  U s-serħan ir-ras tiegħi mhuwiex dak li jtini l-Mulej. Huwa idolu.  Dan ġralhom Roboam u l-poplu ta’ Iżrael. Ħassewhom fiż-żgur – is-saltna qawwija – tbiegħdu mil-Liġi u bdew iqimu lill-idoli.  Iva, nistgħu ngħidu: “Padre, jien ma nqimx idoli”.  Le, forsi ma tqimhomx imma tfittixhom u ħafna drabi f’qalbek tadura lill-idoli, mhux veru?  Bosta drabi.  Meta aħna nħossuna rasna mistrieħa nkunu niftħu l-bieb lill-idoli.

Imma s-serħan ir-ras huwa ħażin?  Le, hija grazzja.  Inkun rasi mistrieħa imma nkun  s-serħan ir-ras tiegħi, nitbiegħed mill-Mulej, bħas-Sultan Roboam, insir infidil.  Diffiċli ħafna nibqgħu fidili.  L-istorja kollha ta’ Iżrael, u mbagħad tal-Knisja kollha, huma miżgħuda bl-infedeltà.  Sħiħa.  Mimlija egoiżmi, ċertezzi fina nfusna li lill-poplu t’Alla jbiegħduh mill-Mulej, jitlef il-fedeltà, il-grazzja tal-fedeltà.  U bejnietna wkoll, bejn il-bnedmin, il-fedeltà żgur mhix virtù rħisa.  Bniedem ma jkunx fidil lejn dak, lejn l-ieħor..  “Indmu, erġgħu kunu fidili lejn il-Mulej” (cf. Atti 2,38).

U fl-Evanġelju, l-ikona tal-fedeltà: dik il-mara fidila li qatt ma kienet insiet dak kollu li kien għamel magħha.  Kienet hemmhekk, fidila, quddiem l-impossibbli, quddiem it-traġedja, fedeltà li twassalha temmen li tista’ ġġorr il-ġisem…… (cf. Ġw 20,15).  Mara dgħajfa imma fidila.  L-ikona tal-fedeltà ta’ Marija ta’ Magdala, appostlu tal-appostli.

Nitolbu llum lill-Mulej il-grazzja tal-fedeltà: li nkunu grati meta Hu jtina s-serħan ir-ras, u qatt ma naħsbu li dak huwa mertu tagħna.  Dejjem inħarsu lil hinn mis-sgurezzi tagħna; il-grazzja li nkunu fidili anki quddiem l-oqbra, quddiem tant illużjonijiet imġarrfa.  Il-fedeltà li tibqa’ dejjem, mhux faċli żżommha.  Jalla jkun Hu, il-Mulej, li jħarishielna.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading