Il-Papa f’Santa Marta: Nitolbu għall-ħaddiema biex ħadd ma jkun imċaħħad mix-xogħol u biex il-ħaddiema kollha jitħallsu kif jixraq u jgawdu d-dinjità tax-xogħol u s-sbuħija tal-mistrieħ

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 1 ta’ Mejju 2020: Illum, il-festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem, huwa Jum il-Ħaddiem: nitolbu għall-ħaddiema kollha – kollha kemm huma – sabiex ħadd ma jkun imċaħħad mix-xogħol u sabiex il-ħaddiema kollha jitħallsu kif jixraq u jgawdu d-dinjità tax-xogħol u s-sbuħija tal-mistrieħ.

OmelijaIx-xogħol huwa l-vokazzjoni tal-bniedem

‘U Alla ħalaq’ (Ġen. 1, 27).  Alla Ħallieq.  Ħalaq id-dinja, ħalaq il-bniedem u tah missjoni: imexxi, jaħdem, iseddaq il-ħolqien.  Il-Bibbja tuża l-kelma ‘xogħol’ biex tiddeskrivi din l-attività ta’ Alla: ‘Fis-seba’ jum Alla temm ix-xogħol tiegħu kollu li kien għamel; u waqaf fis-seba’ jum mix-xogħol tiegħu li kien għamel’ (Ġen. 2, 2).  U din l-attività għaddieha lill-bniedem: ‘Int għandek tagħmel dan, tħares dan u dak.’ Qisu qed jgħid hekk: ‘Int għandek taħdem biex flimkien miegħi taħlaq din id-dinja, biex tibqa’ miexja ’l quddiem’ (cfr. Ġen. 2, 15, 19-20).  Sal-punt li x-xogħol mhux ħlief it-tkomplija tal-ħidma t’Alla: xogħol il-bniedem hu l-vokazzjoni tiegħu mogħtija lilu minn Alla x’ħin temm jaħlaq l-univers.

Ix-xogħol jagħmel lill-bniedem jixbah lil Alla, għax bix-xogħol il-bniedem hu ħallieq, jaħlaq il-familja biex (id-dinja) timxi ’l quddiem.  Il-bniedem hu ħallieq u joħloq bix-xogħol.  Din hi l-vokazzjoni.   U l-Bibbja tgħid li, ‘Alla ra li kollox kien sew ħafna’ (cfr. Ġen. 1, 31).  Jiġifieri x-xogħol minnu nnifsu fih tjubija u joħloq l-armonija bejn il-ħwejjeġ – sbuħija, tjubija – u lill-bniedem jinvolvih fis-sħuħija tiegħu: fil-ħsieb, fl-aġir, f’kollox.  Ix-xogħol jorbot lill-bniedem sħiħ.  Ix-xogħol huwa l-vokazzjoni ewlenija tal-bniedem.  Lill-bniedem dan jagħtih id-dinjità.  Dinjità li tagħmlu jixbah lil Alla.  Id-dinjità tax-xogħol.

Darba, f’sezzjoni tal-Caritas, lil wieħed raġel li kien imur biex ituh xi ħaġa għall-familja, impjegat qallu: ‘Għall-anqas qed tieħu biċċa ħobż id-dar.’ – ‘Imma mhux biżżejjed,’ wieġeb ir-raġel, ‘jien irrid naqla’ ħobżi biex nieħdu d-dar.’  Ħass fih nuqqas ta’ dinjità, id-dinjità li l-ħobż ‘jagħmlu’ hu, u jieħdu d-dar.  Id-dinjità tax-xogħol hi tant mirfusa taħt is-saqajn, sfortunatament.

Fl-istorja rajna dwar il-kefrija li biha kienu jittrattaw lill-ilsira: kienu jkaxkruhom mill-Afrika lejn l-Amerika – qed naħseb dwar l-istorja li misset lil pajjiżi stess.  Aħna ngħidu ‘xi brutalità!’…  Imma llum ukoll hawn għadd kbir ta’ lsira, tant irġiel u nisa li mhumiex ħielsa biex jaħdmu: imġagħlin jaħdmu biex jaqilgħu kemm kemm jgħixu, xejn aktar.  Huma lsira: ix-xogħol sfurzat, inġust, imħallas ħażin, li lill-bniedem iwaqqgħu jgħix bid-dinjità mirfusa taħt is-saqajn.  Hemm ħafna u ħafna fid-dinja.  Għadd kbir.  Ftit xhur ilu fil-ġurnali qrajna li f’pajjiż fl-Asja imprenditur qatel impjegat tiegħu, li kien jaqla’ anqas minn nofs dollaru kuljum, bid-daqqiet tal-bastun, għax kien għamel xi ħaġa ħażin.  Il-jasar tal-lum hu ‘l-indinjità’ tagħna, għax ineħħi d-dinjità mill-bniedem, minna lkoll.  ‘Le, jiena naħdem, jiena għandi d-dinjità tiegħi’: iva, imma ħutek, le.  ‘Iva, padre, imma dan qiegħed tant bogħod, insibha diffiċli nifhem.’  Imma hawn qribna, hawn fostna jiġri wkoll.  Niftakru ftit f’dawk li jingħataw xogħol għal ġurnata, li jitħaddmu u jingħataw ħlas miżeru minkejja li jaħdmu, mhux tmien sigħat, imma tnax jew erbatax-il siegħa kuljum: dan qed jiġri llum, hawn.  Fid-dinja kollha, imma hawn ukoll.  Aħseb ftit f’dik li tiġi tgħinek fix-xogħol tad-dar, li mhux imħallsa kif jixraq, li m’għandhiex assistenza soċjali taħt rasha, li m’għandhiex pensjoni.  Dan mhux qed jiġri fl-Asja biss:  qed jiġri hawn ukoll.

Kull inġustizzja li ssir ma’ persuna li taħdem tkun qed titfa’ taħt ir-riġlejn id-dinjità umana, id-dinjità wkoll ta’ dak li jkun iwettaq l-inġustizzja: ikun qed jitbaxxa u jispiċċa f’dik it-tensjoni ta’ dittatur-ilsir.  Iżda l-vokazzjoni li jtina Alla hi tant sabiħa: taħlaq, taħlaq mill-ġdid, taħdem.  Imma dan iseħħ meta jkun hemm il-kundizzjonijiet ġusti u tkun rispettata d-dinjità tal-persuna.

Illum ningħaqdu ma’ bosta rġiel u nisa, jemmnu jew ma jemmnux, li qed ifakkru Jum il-Ħaddiem, Jum ix-Xogħol.  Niftakru f’dawk li jitqabdu biex ikollhom il-ġustizzja fuq ix-xogħol, għal dawk l-imprendituri tal-affari tagħhom li jmexxu xogħolhom bil-ġustizzja anke jekk imorru minn taħt.  Xahrejn ilu dħalt f’kuntatt telefoniku ma’ imprenditur, hawn fl-Italja, li talabni nitlob għalih għax ma ried ikeċċi lil ħadd, u qalli: ‘Għax meta nkeċċi wieħed minnhom, inkun qed inkeċċi lili nnifsi.’  Dil-kuxjenza ta’ tant imprendituri tal-affari tagħhom, li jittrattaw lill-ħaddiema tagħhom qishom uliedhom.

Nitolbu għalihom ukoll.  U nitolbu lil San Ġużepp – quddiem din l-istatwa sabiħa (li kienet wara l-Papa), bl-istrumenti tax-xogħol f’idejh – sabiex jgħinna nitqabdu għad-dinjità tax-xogħol, sabiex ikun hemm xogħol għal kulħadd u jkun xogħol dinjituż, mhux xogħol ta’ jasar.  Din għandha tkun it-talba tagħna llum.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading