Il-Papa f’Santa Marta: Nitolbu għall-persuni li jaħdmu fl-istituzzjonijiet tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 8 ta’ Mejju 2020: Illum niċċelebraw il-Jum Dinji tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar. Nitolbu għall-persuni li jaħdmu f’dawn l-istituzzjonijiet ta’ fejda: jalla l-Mulej ibierek ħidmiethom li biha jsir tant ġid.

OmelijaIl-faraġ hu qrib, huwa verità u jiftaħ il-bieb tat-tama

Dad-djalogu ta’ Ġesù mad-dixxipli jsir madwar il-mejda, anzi waqt iċ-ċena (cfr. Ġw. 14, 1-6).  Ġesù qalbu sewda u kulħadd qalbu sewda: Ġesù qal li kien se jiġi ttradut minn wieħed minnhom (Ġw. 13, 21) u lkoll għandhom sensazzjoni li hemm xi ħaġa veru kerha fl-arja.  Ġesù jibda jfarraġ lil tiegħu: għax wieħed mill-aspetti tal-ħidma tal-Mulej hu li jfarraġ.  Il-Mulej ifarraġ lid-dixxipli tiegħu u hawn naraw il-mod li bih ifarraġ Ġesù.  Aħna għandna ħafna modi kif infarrġu, mill-aktar awtentiċi sal-aktar formali, bħalma huma t-telegrammi ta’ kondoljanzi: ‘Imnikket għall-aħħar…,’ li ma jfarraġ lil ħadd, hu finta, hu faraġ tal-formalità. Imma l-Mulej kif  ifarraġ?  Importanti li nkunu nafu, biex meta aħna wkoll ikollna ngħaddu minn waqtiet ta’ niket, nitgħallmu nagħrfu liema hi l-formalità vera u liema hu l-veru faraġ tal-Mulej.

U f’dal-pass tal-Evanġelju naraw li l-Mulej ifarraġ dejjem bil-qrubija, bil-verità u bit-tama.  Huma t-tliet aspetti tal-faraġ tal-Mulej.  Bil-qrubija, qatt imbiegħed: ‘Jien hawn.’  Dik il-kelma sabiħa: ‘Jien hawn; jien hawn ħdejk.’  Ħafna drabi fis-skiet.  Imma nafu li Hu jinsab ħdejna.  Hu dejjem magħna.  Dik il-qrubija li hi l-istil ta’ Alla, fl-Inkarnazzjoni wkoll… li jkun qrib tagħna.  Il-Mulej ifarraġ bil-qrubija.  U ma jużax kliem vojt, anzi, jippreferi s-silenzju.  Il-qawwa tal-qrubija, tal-preżenza.  Ftit jitkellem, imma jinsab qrib.

Sinjal ieħor tal-qrubija ta’ Ġesù, tal-mod kif ifarraġ Ġesù, hu l-verità: Ġesù hu l-verità. Ma jlissinx formalitajiet li jkunu gideb: ‘Le, oqgħod kwiet, kollox jgħaddi, m’hu se jiġri xejn. Jgħaddi, l-affarijiet jgħaddu…’  Le.  Jgħid il-verità.  Għax Hu stess f’dal-pass jgħid: ‘Jien il-verità’ (Ġw. 14, 6).  U l-verità hi, ‘Jien se nitlaq,’ jiġifieri: ‘Jien se mmut’ (vv. 2-3).  Għandna l-mewt quddiem wiċċna.  Din hi l-verità.  U jgħidha bis-sempliċità u wkoll bil-maswetudni, bla ma jweġġa’: ninsabu quddiem il-mewt.  Ma jaħbix il-verità.

U dan hu t-tielet sinjal: Ġesù jfarraġ bit-tama.  Iva, hu mument ikrah, imma: ‘Tħallux qalbkom titħawwad. (…)  Emmnu fija’ (v. 1).  ‘Ħaġa ngħidilkom’ – hekk jgħid Ġesù – ‘fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna għamajjar… sejjer inħejjilkom post fejn toqogħdu’ (v. 2).  Hu l-ewwel wieħed li jmur jiftaħ il-bibien, il-bibien ta’ dak il-post li minnu għad ngħaddu lkoll: hekk nittama. ‘Nerġa’ niġi u neħodkom miegħi sabiex fejn inkun jien tkunu intom ukoll’ (v. 3).  Il-Mulej jerġa’ jiġi kull darba li xi ħadd minna jkun miexi biex iħalli din id-dinja.  ‘Niġi għalikom’: it-tama.  Hu jiġi u jaqbadna minn idejna u jeħodna.  Ma jgħidilniex: ‘Le, m’intomx se tbatu… dan mhu xejn.’  Le, jgħid il-verità: ‘Jien qribkom’- din hi l-verità: hu mument ikrah, ta’ periklu, tal-mewt.  ‘Imma tħallux qalbkom titħawwad, ibqgħu fis-sliem, f’dak is-sliem li hu l-pedament ta’ kull faraġ, għax jien niġi naqbadkom minn idejkom u neħodkom fejn inkun jien.’

Mhux faċli nħallu lill-Mulej ifarraġna.  Bosta drabi, fil-mumenti koroh, aħna nagħdbu għall-Mulej u ma nħalluhx jiġi jkellimna hekk, b’dil-ħlewwa, b’dil-manswetudni, b’dil-verità u b’dit-tama.

Nitolbu l-grazzja li nitgħallmu nħallu lill-Mulej ifarraġna.  Il-faraġ tal-Mulej hu verità, ma jingannax.  Mhux loppju.  Imma jinsab qribna, huwa l-verità, u jiftħilna l-bibien tat-tama.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan Joe Huber.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading