Pjan Pastorali għall-Arċidjoċesi ta’ Malta   

Print Friendly, PDF & Email

Diskors li kien għamel l-Isqof Awżiljaru Joseph Galea Curmi fl-aħħar Assembra Djoċesana u li fih tkellem dwar it-tip ta’ Pjan Pastorali li għandna bżonn il-Knisja f’Malta.

Jekk wieħed jara ftit il-kummenti li għamel Papa Franġisku kemm ilu Papa rigward l-ippjanar pastorali, jew rigward pjan pastorali ta’ djoċesi, jibqa’ skantat xi ftit bit-ton ta’ kritika tal-Papa.

Minn kliemu, lill-Papa taħsbu allerġiku għall-ippjanar pastorali. Hu żgur kliem provokattiv. Ħa nsemmi, per eżempju, x’qal fis-16 ta’ Novembru 2017:

“Is-Saltna t’Alla hi tħabbira ta’ ferħ imma sempliċi. Is-Saltna t’Alla tikber fis-satra, tikber fina bil-moħbi bħaż-żerriegħa li tintefa’ ġol-art biex tmut u tagħti l-ħajja. Iżda min ikabbar fina diż-żerriegħa, min iwarradha? Huwa Alla, l-Ispirtu s-Santu li hemm ġo fina. L-Ispirtu li hu manswet, umli, ubbidjenti u sempliċi. Huwa l-Ispirtu li jkabbar fina s-Saltna t’Alla, mhux l-affarijiet kbar jew il-pjani pastorali.”

Araw x’qal fit-22 ta’ Jannar 2016:

jgc
L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi  jindirizza l-Assemblea Djoċesana 2019

“L-ewwel dmir tal-isqof hu li jkun ma’ Ġesù bit-talb. Infatti l-ewwel dmir tal-isqof mhux dak li jfassal il-pjani pastorali.. le u le! Huwa t-talb: dan hu l-ewwel dmir. Filwaqt li t-tieni dmir hu li jkun xhud, jiġifieri jipprietka: jipprietka s-salvazzjoni li ġabilna l-Mulej.”

U aktar reċenti, fid-9 ta’ Mejju 2019, meta għamel id-diskors fl-Assemblea djoċesana ta’ Ruma u tkellem fuq il-bżonn li l-Knisja tisma’ lin-nies, hu qal prattikament li rridu nersqu lejhom b’qalb miftuħa mhux bi pjani pastorali f’idejna.

Issa jien li ili snin ngħallem fuq l-ippjanar pastorali u l-valur tiegħu, kif inħossni quddiem dan il-kliem tal-Papa?

Ħa ngħid il-verità: inħossni tajjeb ħafna. Għax nifhem x’irid jgħid il-Papa u naqbel ma’ dak li qed jgħid. Naħseb li meta tinżel fil-fond, tinduna kemm il-Papa qed jgħid xi ħaġa importanti ħafna. Il-Papa mhux kontra l-ippjanar pastorali, jew li tagħmel pjan pastorali. Mhuwiex kontra dak li ħeġġeġ Papa Ġwanni Pawlu II fl-Ittra Appostolika Novo millennio ineunte, 29: “Inħeġġeġ lir-rgħajja tal-knejjes lokali biex bil-għajnuna tal-oqsma kollha tal-Poplu ta’ Alla, jippjanaw b’fiduċja l-iżvilupp tat-triq pastorali.” Papa Franġisku mhux kontra dan, imma hu kontra li wieħed ma jifhimx x’inhu pjan pastorali f’kuntest ta’ Knisja.

X’tip ta’ pjan pastorali jikkritika l-Papa?

  • Hu kontra pjan pastorali li jagħtik l-illużjoni li se jsolvi l-problemi kollha tad-djoċesi, u joħloq is-sensazzjoni li s-salvazzjoni qiegħda fi pjan – flok fi Kristu.
  • Hu kontra pjan pastorali li jifhmuh biss l-esperti u l-ispeċjalisti.
  • Hu kontra pjan pastorali li jirrendi lill-operaturi pastorali funzjonarji li jimplimentaw biss dak li hemm miktub.
  • Hu kontra pjan pastorali li tant fih dettalji li fil-fatt iktar ifixkel milli jgħin.
  • Hu kontra pjan pastorali li jagħlaq il-viżjoni u li jinvoka lill-Ispirtu s-Santu iktar biex ikun dak li jittimbra l-pjan bl-approvazzjoni tiegħu milli dak li kontinwament qed jispira l-mixja tal-Knisja.

Kull min għandu għal qalbu l-ippjanar pastorali mhux biss ma jiskoraġġix ruħu bi kliem il-Papa, imma jarah bħala barka għax jgħin biex il-Knisja jkollha ideja ħafna aktar ċara.

assemblea 2019

X’tip ta’ pjan pastorali nixtiequ skont l-indikazzjonijiet ta’ Papa Franġisku?

Nixtiequ:

  • Pjan pastorali li l-ewwel nett jiddisponi lill-Knisja f’Malta biex tkun qalbha miftuħa għas-sinjali tal-Ispirtu s-Santu, u l-enfasi jkun kontinwament fuq dan.
  • Pjan pastorali li jagħti viżjoni u direzzjoni lill-Knisja f’Malta, u jfisser kif se nimxu f’din id-direzzjoni u b’liema prijoritajiet.
  • Pjan pastorali li jiftaħ mhux li jagħlaq, u għalhekk li jkun iħeġġeġ il-krejattività u d-diversità.
  • Pjan pastorali li joħloq proċessi, biex il-Knisja f’Malta tkun Knisja li tisma’, li tilqa’, li takkumpanja u li toħroġ ’il barra bla biża’ – kif jispjega tant tajjeb Papa Franġisku f’Evangelii gaudium.
  • Pjan pastorali li matul dawn is-snin ikompli jiżviluppa d-dixxerniment ekkleżjali u s-sinodalità f’kontinwità mal-esperjenza tal-Knisja f’Malta fis-Sinodu Djoċesan – fejn dejjem għandna dik in-nixxiegħa ta’ ħajja ġdida.

Il-Pjan Pastorali li qed jiġi ppreżentat hu maħsub li jkun dan it-tip ta’ pjan. Hu frott ta’ proċess ta’ dixxerniment u ta’ parteċipazzjoni wiesgħa tul diversi xhur, fosthom fl-aħħar Assemblea Djoċesana f’Novembru tal-2019.

Papa Franġisku, meta tkellem fl-Assemblea djoċesana ta’ Ruma f’Mejju 2019, ħeġġeġ lil dawk preżenti: “Chiediamo al Signore la grazia di non cadere in una diocesi funzionalista.” Nitolbu lill-Mulej għal dan. Nitolbuh biex jagħtina hu d-dawl u l-għajnuna tiegħu ħalli nkunu qed inwieġbu tassew għas-sinjali tiegħu fl-istorja f’din il-mixja ta’ dixxerniment ekkleżjali bħala Knisja Waħda fi Vjaġġ Wieħed.

+ Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading