124. Ir-Rażan Jipproteġi d-Dinjità tal-Att Konjugali

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  24/10/1984.

1. Bi qbil ma’ dak imħabbar qabel, illum nidħlu għall-analiżi tal-virtù tar-rażan.

Ir-“rażan”, li jifforma parti mill-virtù iktar ġenerali tat-temperanza, jikkonsisti fil-ħila li tiddomina, tikkontrolla u torjenta l-istinti ta’ karattru sesswali (konkupixxenza tal-ġisem) u l-konsegwenzi tagħhom fis-soġġettività psiko-somatika tal-bniedem. Tali ħila inkwantu dispożizzjoni kostanti tal-volontà, timmerita li tkun tissejjaħ virtù.

Nafu mill-analiżi preċedenti li l-konkupixxenza tal-ġisem, u x-“xewqa” relattiva ta’ karattru sesswali imqanqla minnha, tesprimi ruħha b’istint speċifiku fl-isfera tar-reattività somatika u barra minn hekk b’eċċitament psiko-emottiv tal-impuls sesswali.

Is-soġġett personali biex jasal li jikkontrolla tali stinti ta’ eċcitament għandu jimpenja ruħu f’edukazzjoni progressiva tal-awtokontroll tar-rieda, tas-sentimenti, tal-emozzjonijiet, li għandu jiżviluppa jibda mill-ġesti l-iktar sempliċi, f’liema huwa relattivament faċli tittraduċi f’azzjoni d-deċiżjoni nterna. Dan jissopponi, bħalma hu ovvju, il-perċezzjoni ċara tal-valuri espressi fir-regola u fil-maturazzjoni konsegwenti ta’ konvinzjonijiet sodi li, jekk ikunu akkumpanjati mid-dispożizzjoni rispettiva tar-rieda, jagħtu bidu għall-virtù korrispondenti. Tali hija appuntu l-virtù tar-rażan (padronanza tiegħek innifsek), li tirrivela kondizzjoni fondamentali kemm għaliex il-lingwaġġ reċiproku tal-ġisem jibqà fil-verità, u kif ukoll għaliex il-miżżewġin “ikunu sottomessi għal xulxin fil-biżà ta’ Kristu”, skont il-kliem bibbliku (Ef 5, 21). Din is-“sottomissjoni reċiproka” tfisser il-ħeffa għall-verità tal-“lingwaġġ tal-ġisem”,  is-sottomissjoni, iżda “fil-biżà ta’ Kristu tindika d-don tal-biżà ta’ Alla (don tal-Ispirtu Santu) li jakkumpanja l-virtù tar-rażan.

2. Dan huwa mportanti ħafna għall-fehim adegwat tal-virtù tar-rażan u, b’mod partikolari, tal-hekk imsejjaħ “rażan perjodiku”, li dwaru titkellem l-enċiklika Humanae Vitae. Il-konvinzjoni li l-virtù tar-rażan topponi l-konkupixxenza tal-ġisem hija ġusta, imma mhix kompluta għal kollox. Mhix kompluta b’mod speċjali meta nqisu li din il-virtù ma tidhirx u ma taġixxix b’mod astratt u allura b’mod iżolat, imma dejjem in konnessjoni mal-oħrajn (“nexus virtutum”), mela b’konnessjoni mal-prudenza, mal-ġustizzja, mal-qawwa u b’mod speċjali mal-karità.

Fid-dawl ta’ din il-konsiderazzjoni, huwa faċli tifhem li r-rażan ma jillimitax ruħu biex joffri reżistenza lill-konkupixxenza tal-ġisem, imma permezz ta’ din ir-reżistenza jinfetaħ ugwalment għal dawk il-valuri, iktar profondi u iktar maturi, li jidħlu fis-sinifikat sponsali tal-ġisem fil-maskulinità u l-femminilità tiegħu, kif ukoll fil-libertà awtentika tar-rapport reċiproku tal-persuni. Il-konkupixxenza tal-ġisem infisha, inkwantu li tfittex qabel xejn il-pjaċir karnali u sesswali, tirrendi l-bniedem, f’ċertu sens, għama u insensibbli għall-valuri l-iktar profondi li jiġu mill-imħabba u li fl-istess ħin jikkostitwixxu l-imħabba tal-verità nterna li hija propja għaliha.

3. B’tali mod jimmanifesta ruħu wkoll il-karattru essenzjali tal-kastità konjugali fir-rabta organika tagħha mal-“qawwa” tal-imħabba, li hija abbundanti fil-qlub tal-miżżewġin flimkien mal-“konsagrazzjoni” tas-sagrament taż-żwieġ. Isir barra minn dan evidenti li l-istedina diretta tal-miżżewġin, sabiex ikunu “sottomessi għal xulxin fil-biżà ta’ Kristu” (Ef 5, 21), donnha tiftaħ spazju ntern li fih it-tnejn li huma jsiru dejjem iktar sensibbli għall-valuri l-iktar profondi u iktar maturi, li huma marbuta mas-sinifikat sponsali tal-ġisem u mal-libertà vera tad-don.

Jekk il-kastità konjugali (u l-kastità ġenerali) timmanifesta ruħha l-ewwel bħala ħila ta’ reżistenza għall-konkupixxenza tal-ġisem, wara gradwalment tirrivela ruħha bħala ħila singulari  ta’ perċezzjoni, imħabba u attwazzjoni ta’ dawk is-sinifikati tal-“lingwaġġ tal-ġisem”, li jibqgħu għal kollox mhux magħrufa għall-konkupixxenza nfisha u li b’mod progressiv jarrikkixxu d-djalogu sponsali tal-miżżewġin, waqt li jippurifikawh, japprofonduh u jissimplifikawh.

Għalhekk dak l-axxetiżmu tar-rażan, li dwaru titkellem l-enċiklika (Pawlu VI, Humanae Vitae, 21) ma jinvolvix it-tifqir tal-“manifestazzjonijiet affettivi”, anzi jirrendihom iktar spiritwalment intensi, u allura jirrendi l-arrikkiment.

4. Waqt li b’tali mod nanalizzaw ir-rażan, fid-dinamika propja ta’ din il-virtù (antropoloġika, etika u tejoloġika), nintebħu li tisparixxi dik il-“kontradizzjoni” apparenti li spiss tiġi oġġezzjonatha fl-enċiklika Humanae Vitae u għad-duttrina tal-Knisja dwar il-morali konjugali. Teżisti jiġifieri “kontradizzjoni” (skont dawk li jressqu din l-oġġezzjoni) bejn iż-żewġ sinifikati tal-att konjugali, is-sinifikat unittiv u dak prokrejattiv  (cf. Humanae Vitae, 12), hekk li jekk ma jkunx leċitu jinfirdu minnhom il-miżżewġin jiġu pprivati mid-dritt tal-għaqda konjugali, meta ma jkunux jistgħu jippermettu lilhom infushom li jipprokrejaw b’mod responsabbli.

Għal din il-“kontradizzjoni” apparenti twieġe ll-enċiklika Humanae Vitae jekk studjata b’mod profond. Il-Papa Pawlu VI infatti, jikkonferma li ma teżistix tali “kontradizzjoni”, imma biss “diffikultà” marbuta mas-sitwazzjoni nterna kollha tal-“bniedem tal-konkupixxenza”. Iżda, b’mod preċiż minħabba din id-“diffikultà”, jiġi assenjat l-impenn intern u axxetiku tal-miżżewġin il-vera ordni tal-konvivenza konjugali, in vista ta’ liema dawn jiġu “kkorraburati u kważi kkonsagrati” (Humanae Vitae, 25) mis-sagrament taż-żwieġ.

5. Dik l-ordni tal-konvivenza konjugali tfisser barra minn dan l-armonija soġġettiva bejn il-paternità (responsabbli) u l-komunjoni personali, armonija maħluqa mill-kastità konjugali. Fiha, infatti, jimmatura l-frott intern tar-rażan. Permezz ta’ din il-maturazzjoni interna l-istess att konjugali jakkwista l-importanza u dinjità li hija propja fis-sinifikat tagħha potenzjalment prokrejattiv; kontemporanjament jakkwistaw sinifikat adegwat il-“manifestazzjonijiet affettivi” kollha (Humanae Vitae, 21), li jservu biex jesprimu l-komunjoni personali tal-miżżewġin b’mod proporzjonali għall-għana soġġettiva tal-femminilità u l-maskulinità.

6. B’mod konformi għall-esperjenza u għat-tradizzjoni, l-enċiklika tirrivela li l-att konjugali huwa wkoll “manifestazzjoni ta’ affett” (Humanae Vitae, 16), imma “manifestazzjoni ta’ affett” partikolari, għaliex, fl-istess ħin għandu sinifikat potenzjalment prokrejattiv. Konsegwentement, dan huwa orjentat biex jesprimi l-għaqda personali, imma mhux biss dik. Kontemporanjament l-enċiklika, kemm b’mod indirett, tindika “manifestazzjonijiet ta’ affett” multipli, effikaċi b’mod esklussiv biex jesprimu l-għaqda personali tal-miżżewġin.

Il-kompitu tal-kastità konjugali, u iktar preċiżament dak tar-rażan, ma  hux biss fil-protezzjoni u d-dinjità tal-att konjugali f’relazzjoni mas-sinifikat tiegħu potenzjalment prokrejattiv, imma wkoll fil-protezzjoni tal-importanza u d-dinjità propji tal-att konjugali ġaladarba espressiv tal-għaqda interpersonali, waqt li jiżvela lill-koxjenza u lill-esperjenza tal-miżżewġin il-“manifestazzjonijiet ta’ affett” l-oħra kollha possibbli , li jesprimu tali komunjoni profonda tagħhom.

Infatti dan huwa li ma jagħmilx ħsara lill-komunjoni tal-miżżewġin fil-każ li fih minħabba raġunijiet ġusti huma jkollhom jastjenu mill-att konjugali. U, ferm iktar, li tal-komunjoni, mibnija kontinwament, jum wara jum, permezz ta’ “manifestazzjonijiet affettivi” simili, tikkostitwixxi, biex ngħidu hekk, art vasta fuq liema, fil-kondizzjonijiet opportuni, timmatura d-deċiżjoni ta’ att konjugali moralment rett.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading