Diskors tal-Isqof Mario Grech fil-konferenza dwar il-Futur tal-Familja


FAMILJA KUN DAK LI INT

 Diskors tal-Isqof Mario Grech fil-konferenza  “Il-Futur tal-Familja”

15 ta Mejju, 2009

Waħda mill-ikbar sfidi li għandha s-soċjetà ta’ llum hija l-familja. Dan għaliex mill-għażliet li llum qegħdin nagħmlu dwar il-familja ser nikkontribwixxu jew fil-proċess ta ċiviliżżazjoni jew fil-proċess ta’ dekadenza ta l-istess ċivilita. “Lo zvilluppo armonioso e il progresso di un popolo dipendono in larga misura dalla capacita di investire sulla famiglia, quella vera, fondata sul matrimonio, che in nessun modo si puo equiparare ad altre forme di aggregazione affettiva” (Giov. Paolo II, 19 ott. 2001)

Il-viżjoni ta familja li l-poplu tagħna hemm bżonn jiddeċidi li jħaddan, ser issawwar il-qafas għal dawk l-għażliet politiċi u inizjattivi leġiżlattivi li joffru lill-familja kontenuti preċiżi ta rwol soċjali, dmirijiet u valuri. Mingħajr din il-viżjoni, il-futur, mhux biss tal-familja imma ukoll tal-komunità, huwa mċajpar u dgħajjef ħafna għaliex ma jistax jkun hemm żvillup sħiħ tal-persuna u tas-soċjetà. Fin-nuqqas ta’ definizjoni ċara ta x’inhi l-familja, ikun diffiċli ħafna li nġibu ‘l quddiem il-kapital uman, soċjali u ċiviku tal-komunità.

Ħarsa ħafifa lejn is-sitwazzjoni soċjo-demografika ta l-Ewropa turi li ż-żwieġijiet qegħdin jonqsu; żdiedu s-separazzjonijiet u d-divorzji; kotru dawk li qed jgħixu waħidhom; nibtu diversi forom ta konvivenza; filwaqt li l-familji qed jkunu xħaħ mal-ħajja, ogħla l-perċentwali ta’ dawk li jitwieldu barra miż-żwieġ. Għalkemm mhux kulħadd jaqbel li dawn il-fatti huma ndikaturi li jikkonfermaw tendenza fis-soċjetà lejn il-frammentazzjoni jekk mhux ukoll “ħarba” mill-familja, ħaġa waħda hija ċerta: li qed nassistu għal ċertu tibdil tant radikali li għal lanqas għandu jnissel fina mistoqsija dwar il-mudel ta’ ċivilita li qed jintgħaġen fl-Ewropa! 

Huwa żgur li l-Ewropa – bħala istituzzjoni politika u kulturali, – qed turi li qed issib diffikulta biex tibqa’ tara l-familja bħala istituzzjoni soċjali b’funzjoni preċiża għas-soċjetà! Bejn l-1989 u l-1994, l-Unjoni Ewropeja kienet turi ħafna interess fil-familja. Imma l-affarijiet inbidlu tant li l-istituzzjoni ddikjarat li a bażi tal-prinċipju tas-sussidjarjeta li hemm fit-trattat ta Maastricht (art 3.b), mhix tant interessata fil-familja bħala suġġett-oġġett ta interess komuni. B’danakollu xorta waħda għadhom jaslu rakkomandazzjonijiet dwar temi relatati mal-ħajja tal-familja.

F’dan kollu hemm sinjali li jindikaw li l-Ewropa, diversament minn sistemi soċjali oħra, għażlet it-triq tan-newtralità jew l-indifferenza etika, anke meta tiġi biex titratta l-għarfien tal-forom familjari. Il-mod kif it-Trattat ta Lisbona jitkellem (jew na jitkellimx) dwar iż-żwieġ u l-familja huwa ndikattiv. Biex il-familja terġa tikseb iċ- “ċittadinanza” fl-Ewropa, fis-sens li jittradulha lura  dawk id-drittijiet u d-dmirijiet li jikkwalifikaw il-presenza tagħha fin-nisġa politika tas-soċjetà, hemm bżonn li dak kollu li huwa magħruf bħala “pluraliżmu familjari” jiġi kwalifikat etikament.

Jekk minn naħa l-waħda s-soċjetà postmoderna bl-għażliet u l-istil ta’ ħajja tagħha qed iddoqq l-agunija tal-familja, huwa minnu ukoll li din l-isfida tista’ tinbidel f’opportunita biex “illum” niftħu għajnejna u meta inqabblu l-esperjenzi varji analoġi mal-ħajja tal-familja (imma familja ma humiex), mal-ħajja tal-familja, niskopru x’inhu l-“ġdid” li tista’ toffri l-familja.

Huwa fatt li minkejja dak kollu li nisemgħu kontra l-familja, d-diversi stħarriġ juri li l-familja hija valur primarju għall-Ewropej. Forsi wieħed allura jistaqsi kif jeżisti dan it-taħwid u t-tifrik kollu fil-familji?  Għax għalkemm l-għożża tal-familja hija għal qalb kulħadd u ħadd ma jixtieq li jitlifha, huwa fatt li ħajja tal-familja hija avventura diffiċli biex tgħixha – mhux biss minħabba raġunijiet persunali ta’ kull membru fil-familja, imma ukoll għax il-familja hija “komunità” (koppja+ulied) fejn kull wieħed u waħda għandu bżonn l-ispazju biex jafferma l-personalità tiegħu/tagħha u għalhekk l-isfida l-kbira ta kull familja li l-membri jwaqqfu r-relazzjonijiet ġusti bejniethom. Wieħed waħdu ma jagħmilx familja; anqas grupp ta’ persuni li jgħixu flimkien ma huma familja. Il-familja hija dik ir-relazzjoni speċifika msawra mill-imġieba ta’ diversi persuni  li huma marbuta flimkien minn dik l-istess relazzjoni.

Ninnota li fid-dibattitu li għaddej f’pajjiżna, ħafna jitkellmu minn “familji” fil-plural; spiss tisma l-frażi “familji ġodda” bħalikieku “il-familja” ma teżistix aktar! U veru nkunu neqirdu l-familja, meta kull xorta ta’ koabitazzjoni (household jew living together) tissejjaħ familja! Għal xi uħud, l-imħabba u l-għajnuna reċiproka, huma biżżejjed biex dik ir-realta tissejjaħ familja! Taylor jiddeskrivi dan bħala wieħed mill-“immaginari soċiali moderni”. Teżisti tendenza anke fostna li nħawdu l-familja ma’ kull xorta ta’ grupp soċjali primarju fejn hemm biss “familjarità”, kemm jekk dan il-grupp huma ta’ natura eterosesswali jew monosesswali.

Jekk hemm xi ħaġa posittiva f’dan il-fenomenu huwa, li l-fatt li l-familja kull ma jmur qed issir “ħaġa likwida”, ma jfissirx li għadda ż-żmien tal-familja, imma li qed nassistu għal proċess soċjo-kulturali fejn filwaqt li hemm tentattiv biex l-familja-istituzzjoni tiġi eleminata, qed jinħolqu forom oħra ta’ ħajja familjari.

Dan allura jfisser li s-soċjetà qed tesprimi l-bżonn li jkun hemm definizjoni ġdida ta’ x’inhi l-familja. B’daqshekk ma jfissirx li allura għandha tiġi skartata l-familja tradizzjonali; imma jista’ jkun li billi maż-żmien il-familja tellifniha dak li huwa speċifiku tagħha, hemm bżonn nerġgħu niskopruħ; jista’ jkun li fiż-żmien aktar ħarisna lejn l-aspett funzjonali tal-familja, fis-sens li l-familja kienet importanti aktar għax kienet twettaq xi funzjoni soċjali milli bħala “fenomenu soċjali totali” (Marcel Mauss) fis-sens li l-familja tikkonvolġi l-membri tagħha fid-dimensjonijiet kollha tal-ħajja umana: bijoloġiċi, psikoloġiċi, ekonomiċi, soċjali, ġuridiċi u reliġjużi. Il-familja dan tagħmlu permezz tan-nisġa ta’ relazzjonijiet li jkun hemm bejn il-membri. Infatti dak li huwa speċifiku tal-familja mhix il-funzjonalità imma r-relazzjonalità. 

Meta niġu biex niddefenixxu l-familja, għadha valida d-definizzjoni li jagħti Levi Strauss: “dik l-għaqda, li ftit jew wisq hija durevoli, approvata soċjalment, ta’ raġel wieħed, mara waħda u l-ulied, li hija fenomenu universali preżenti f’kull tip ta’ soċjetà”.  Huwa r-rikonoxximent pubbliku (approvata soċjalment) ta’ l-esistenza tar-reċiproċità fir-relazzjoni bejn is-sessi u tal-konsegwenzi tagħha fuq il-ġenerazzjonijiet, li tibdel dak il-grupp minn “familja – konvivenza” f’ familja -istituzzjoni soċjali. 

Dan il-mudel ta’ familja huwa proponibbli mhux biss għax huwa konsolidat bl-esperjenza, imma ukoll għaliex din “il-familja” għandha valur miżjud meta mqabla ma’ forom oħra ta’ ħajja. Dan il-valur miżjud  huwa xi ħaġa unika, oriġinali u insostitwibbli li r-relazzjoni familjari toffri lill-persuna fi ħdanha u lis-soċjetà. 

Dan il-valur miżjud jiftiehem biss meta niżnu l-effett li taf tipproduċi l-familja bħala tali. Dan l-effett ma jiddependix minn dak li kull membru fil-familja jaf joffri lill-familja bħala individwu; lanqas ma huma ċerti prestazzjonijiet funzjonali  (bħalma hija l-assistenza reċiproka) li toffri l-familja; imma jikkonsisti f’dik il-propjetà li hija proprja tal-familja: ir-relazzjoni tal-koppja u dik ta’ bejn il-ġenituri u l-ulied. Dawn iż-żewġ relazzjonijiet flimkien joħolqu relazzjoni oħra: struttura relazzjonali li tgħaqqadhom flimkien. Din hija l-familja mmarkata b’ħajja fejn il-membri jaqsmu kollox ma’ xulxin u huma preżenti għal xulxin. 

Il-persuna għandha bżonnijiet naturali li jistgħu jiġu sodisfatti biss f’kuntest ta relazzjonijiet; fejn permezz ta’ interazzjoni ma’ l-oħrajn (interazzjoni soċjali) il-bniedem jissoċjaliżża ruħu u hekk jikber fl-identità tiegħu personali. “The first and fundamental struture of human ecology is the family, in which man recieves his first formative ideas about truth and goodness, and learns what it means to love and to be loved, and thus what it actually means to be a person. Here we mean the family founded on marriage in which the mutual gift of self by the husband and wife creates an environment in which the children can be born and develop their personalities, become aware of their dignity and prepare to face their unique and individual destiny” (CA, 39)

Ebda forma ta aġġeġazzjoni affettiva differenti mill-familja ma tista’ toffri dan il-valur miżjud. Hija proprju din id-differenza bejn il-famila u sempliċi koabitazzjoni anagrafika: il-familja biss tiġġenera dawk il-beni immaterjali (intangibles) ta’ l-identita personali u soċjali  li mingħajrha la l-individwu u lanqas is-soċjetà ma jistgħu jkollhom eżistenza proprjament umana. Dawn huma l-bona relazzjonali li jirriżultaw mir-relazzjoni sponsali u ġenerattiva li huma speċifiċi taż-żwieġ.

Biex il-familja tkun tista’ toffri dan is-servizz ta’ soċjaliżazzjoni, huwa importanti li tkun familja stabli. L-istabilità tal-familja, fis-sens li l-familja tibqa’ flimkien minkejja d-diffikultajiet li jistgħu jilqalgħu, mhix xi rabta esterna u mposta, imma hija l-istess kundizzjoni biex iseħħ is-soċjaliżazzjoni, ta’ l-individwu u tal-familja bħala tali. Għalhekk li l-familja tibqa’ flimkien huwa għan li l-familja trid taħdem għalih jekk trid tirnexxi fil-missjoni tagħha. Għalhekk l-indissolubilita taż-żwieġ mhix biss propjetà taż-żwieġ li toffri “garanzija” ta’ l-impenn li jkunu assumew il-miżżewġin; imma wieħed jista’ jħares lejha bħala kwalita li l-istess miżżewġin/familja jfittxu biex ikunu jistgħu jgħixu l-vokazzjoni tagħhom bħala familja.

Billi ż-żwieġ u l-familja huma ambjent primarju fejn il-persuna ssib lilha nnifisha u tissoċjaliżża, dawn (iż-żwieġ u l-familja) ma jistgħux jitħallew jiżvillupaw skond id-diskrezzjoni tal-miżżewġin jew tal-membri fi ħdan il-familja. Fiż-żwieġ u fil–familja hemm ċerta ġuridiċita intrinsika, li min hu responsabli (leġislatur) huwa fid-dmir li jartikula. Ikkunsidrat li r-realta taż-żwieġ u l-familja għandhom l-esiġenzi propri tagħhom imnaqxa fin-natura (fl-istruttura ontoloġika tal-persuna), ifisser li ż-żwieġ u l-familja għandhom “sfera di ordinamento autonimo nei confronti dello Stato” (A Moro). Għalhekk, meta jintervieni, il-leġislatur jsib ruħu quddiem realtà li ma jistax jibdel. Il-liġi għandha biss tagħmel espliċitu dak li hemm miktub fin-natura taż-żwieġ u tal-familja biex fl-aħħar mill-aħħar tiġi mħarsa u mgħejjuna l-persuna. għalhekk kull ma tagħmel il-liġi huwa li tieħu nota ta’ dik ir-realtà li teżisti qabel l-Istat u permezz ta’ forma ġuridika tittraduċi struttura naturali f’relazzjoni istituzzjonali oġġettiva.

Durkheim E. kien ħabbar dik li sejħilha “is-sakralità ta’ l-individwu” fil-leġislażżjonijiet moderni. Ġejna fi kliemu. Wara li d-dritt ha aktar xeħta posittivista u privatista, rajna li l-posizzjoni ta’ l-individwu ssaħħet vis-a-vis ir-rispett lejn il-kollettività li huwa jagħmel parti minnha.

Għalhekk mhux ta’ l-għaġeb li fil-pajjiżi Ewropej, il-politika u l-leġislazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam maż-żwieġ u l-familja, aktar jaġevolaw lill-individwu ndipendentament mir-rabtiet li jkollu mal-familja!  Fi qbil perfett mal-kurrent ġus-posittivista u individwalista, flok ma nikkunsidraw id-dritt naturali li jista’ joffri orjentament lill-ordni soċjali u politiku, is-sistema matrimonjali aktar qed ixaqleb lejn is-sistema konvenzjonali, jiġifieri sistema li tiffavorixxi il-ftehim “privat”. Hekk per eżempju, fis-sistema ġuridika ewropeja dwar id-divorzju, ir-rieda “ambulattiva” tal-partijiet ħadet sopravent fuq ir-rieda espressa  fil-kunsens taż-żwieġ li taċċetta ċerti valuri taż-żwieġ u l-ħajja miżżewġa. Infatti f’ċerti pajjiżi, ż-żwieġ jinħall b’deċiżjoni tal-partijiet; imbagħad wara perijodu ta xi snin, din id-deċiżjoni tiġi aċċetta mill-Qrati.

Meta ngħidu li r-realtà taż-żwieġ u l-familja għandhom il-fundament ontoloġiku tagħhom fil-persuna umana, qed nitkellmu mill-etika taż-żwieġ u l-familja. Għalkemm il-liġi u l-etika mhux bilfors jikkonċidu, huwa fatt li l-liġi ukoll għandha tirrispetta l-etika.

Għax jekk l-ordni morali huwa l-ordni tal-persuna, il-liġi hija l-ordni tal-komunità u ma tistax titħawwad ma’ l-ordni morali. Pero il-komunità, li minħabba fiha jsiru l-liġijiet, hija espressjoni ta’ dimensjoni ontoloġika tal-persuna: ir-relazzjonalità, il-ftuħ neċessarju ta’ bniedem lejn bniedem ieħor. Għalhekk il-liġi ukoll għadha sserraħ fuq prinċipji morali għax il-komunità hija espressjoni (storika u kontinġenti) tal-persuna. Għalhekk il-liġijiet umani għandhom din id-dimensjoni etika peress li l-għan tas-soċjetà huwa l-ġid tal-persuna – allura ġid morali. Huwa biss jekk ikun hemm liġijiet li jirrispettaw l-ordni morali essenzjali, dawn jistgħu jiggarantixxu l-iżvillup ta’ soċjetà ġusta u demokratika.

Dan kollu japplika ukoll meta l-leġislatur jiġi biex jagħmel liġijiet li jirrigwardaw il-ħajja tal-familja! Francesco Casavola, President tal-Qorti Kostituzzjonali Taljana, jikteb li …

E’ doveroso riflettere sulla dislocazione di tutta la problematica della famiglia sulla linea di frontiera tra diritto ed etica.

Non si puo chiedere al diritto quel che deve previamente essere prodotto da una matura ed alta coscienza etica della societa.

Il diritto ha bisogno di essere fondato per non funzionare come arrendevole ratifica di tendenze congiunturali della societa.

La storia sociale insegna che alla ricerca di assetti stabili, le comunita umane non si dispongono sempre su itinerari di progresso.

La desocializazione, che sembra minare la cultura occidentale, trova causa anche nella non accettazione delle generosa ed onerosa solidarieta, richiesta dal corrispondersi, di diritti e doversi nella famiglia fondata sul matrimonio”  (2007)

It-tentattivi li saru jew jistgħu jsiru fostna biex forom ta’ konvivenza jiġu ekwiparati mal-familia mwaqqfa fuq iż-żwieġ, ċertament ma humiex sinjal ta progress fiċ-ċiviltà ta’ pajjiżna. Ħwejjeġ bħal dawn pjuttost jistgħu jnisslu aktar konfużjoni dwar min jista’ jkun titolari ta’ ċerti drittijiet. Nikkwota x’qalet il-Qorti Kostituzzjonali Taljana f’sentenza ta’ Mejju 1998: “tra il rapporto coniugale e quello di mera convivenza, non solo non c’e’ similarità di situazioni, ma proprio questa non e’ voluta dalle stesse parti, che nel preferire un rapporto di fatto hanno dimostrato di non voler assumere i diritti e i doveri nascenti dal matrimonio, onde la imposizione di norme, applicate in via analogica, a coloro che non hanno voluto assumere i diritti e i doveri inerenti al rapporto coniugale si potrebbe tradurre in una inammissibile violazione della liberta di scelta tra matrimonio e forme di convivenza”.

Nifhem li tista’ tiġi esplorata kif il-liġi ssib soluzzjoni ħalli jitħarsu ċerti drittijiet individwali u ċerti obbligi indivdiwali li jistgħu jivverifikaw ruħhom f’każijiet ta’ persuni li qed jgħixu flimkien. Pero din ix-xorta ta’ misura legali għandha ssir b’mod distint mill-qafas tal-liġijiet matrimonjali u b’mod li l-ispeċifiċità ta’ dan ta’ l-aħħar tkun assolutament imħarsa. Għax uħud mill-inizjattivi maħsuba biex ċerti forom ta konvivenza jiġu ekwiparati ma’ l-istituzzjoni taż-żwieġ, fir-realtà jistgħu jkunu mmirati biex l-istess istituzzjoni taż-żwieġ tiġi relativiżżata. U dan huwa żbaljat.

Li wieħed jiddentika diversi realtajiet profondament diversi bl-istess misuri legali, dan ikun kontra l-ġustizzja. Ikun inġust u diskriminatorju  ma’ dawk li jingħaqdu fiż-żwieġ biex jiffurmaw għaqda stabli u prokreattiva, għaliex dan ifisser li l-liġi ma tkunx qed issostni l-istatus partikulari tagħhom u ma tkunx tieqaf magħhom b’mod speċifiku. 

Jekk jingħata għarfien ġuridiku lil dawk li jikkoabitaw imma ma humiex familja, xi skop hemm li ż-żwieġ u l-familja jiġu regulati bil-liġi?  Il-liġi tħares iż-żwieġ u l-familja mhux għaliex dawn joffru esperjenza ta’ imħabba – l-imħabba hija aġuridika!, – imma għaliex iż-żwieġ u l-familja għandhom funzjoni soċjali relevanti ħafna. Il-koppja li trid tiżżewweġ qed tagħżel li titrasferixxi r-relazzjoni tagħha minn livell sentimentali għal livell soċjali; mentri dawk li jagħżlu li jikkoabitaw ma jħossux il-ħtieġa li jesprimu pubblikament r-rieda tagħhom għax iridu li r-relazzjoni tagħhom tibqa’ ħaġa privata.  Din l-għażla għandha tiġi rispettata sa l-aħħar!

Il-kriżi attwali tal-familja hija dovuta għal konfużjoni li għandna dwar x’inhi l-familja. Minħabba dan in-nuqqas ta’ kjarezza, huma dgħajfa kemm il-kontribut li tista’ tagħti l-familja lis-soċjetà, kif ukoll il-mod kif is-soċjetà qed twieġeb quddiem din l-isfida. Nemmen li huwa l-waqt li nfittxu qbil dwar x’qed nifhmu b’familja. Huwa l-waqt li l-familja tikseb “iċ-ċittadinanza” tagħha, fis-sens li tiġi rikonoxxuta bħala suġġett soċjali biċ-ċittadinanza tagħha proprja. Meta ngħidu “ċittadinanza” tal-familja, nifhmu dik id-damma ta’ drittijiet u dmirijiet tal-familja bħala familja, distinti minn dawk li l-indivdwi fi ħdan il-familja jista’ jkollhom. Hekk mhux biss il-familja  tassumi r-responsabiltà ta’ “suġġett soċjali” u tkun preżenti u taġixxi fid-diversi strata tas-soċjetà bħala “familja”, imma anke l-Istat u r-realtajiet ċivili l-oħra jibdew jirrelataw mal-familja bħala “unità” – il-membri fi ħdan il-familja jiġu ndirizzati mhux tant bħala individwi imma bħala “unità”.

F’dawn ir-riflessjonijiet ippruvajt ma nkunx “konfessjonali”. Mhux għaliex l-Knisja ma għandhix kontribut x’tagħti f’din id-diskussjoni; imma l-Bxara t-Tajba dwar iż-żwieġ u l-familja jikkonfermaw dak li naslu għalih bir-raġuni. Billi r-raġuni tista’ tkun mċajpra għax il-passjoni u s-sentienti ma jħallux lill-bniedem jara b’mod oġġettiv, il-fidi nisranija msejsa fuq il-Kelma t’Alla tgħinna nippenetraw dak l-ordni primordjali li sa mill-bidu Alla waqqaf dwar iż-żwieġ u l-familja. Iż-żwieġ u l-familja huwa pre-eżistenti għall-kattoliċiżmu. Bħalma għandu jagħmel l-Istat meta jitratta dawn ir-realtajiet profondament umani, anke l-Knisja, meta tesprimi l-fehema tagħha dwar iż-żwieġ u l-familja, hija tkun qed taqra dak li diġà hemm miktub fin-natura, konsolidat minn Kristu li għolla ż-żwieġ għad-dinjità ta’ sagrament.