Diskors tal-Isqof Mario Grech fi tmiem il-Via Crucis Djocesana

Print Friendly, PDF & Email

IT-TRIQ TAS-SALIB ILLUM

Mill-Isqof Mario Grech

Il-Ħadd, 5 ta’ April 2009, filgħaxija, fi tmiem Via Crucis djoċesana li tmexxiet mill-Isqof Mario Grech fuq l-Għolja ta’ Għammar quddiem is-Santwarju Ta’ Pinu, l-Isqof għamel dan il-messaġġ:

“Għamilna flimkien it-“Triq tas-Salib”. Akkumpanjajna u kkontemplajna lil Kristu, vittma ta għazliet li saru mill-bniedem li għax kellu għammad, irresista għas-sewwa u l-imħabba.

Billi “it-triq tas-Salib” mhix biss ġrajja li seħħet il-bieraħ u f’post wieħed, imma hija t-triq ta l-umanità li għadha tbati peress li anke llum il-bniedem jibqa’ jsallab lil ħutu, għandna nħossu mhux biss għal Kristu, imma għal kull min għandu l-ħajja mhedda; għal min l-istabilità tal-familja tiegħu qed tiddajjef; għal min huwa vittma tas-sistema ta’ tmexxija; għal min qed jiġi njurat u msikket; għal min qed ikollu jittallab biex isib xogħol jew ikollu x’jiekol għax min għandu l-mezzi ma jridx jagħti kaz tiegħu!

Imma fit-Triq tas-Salib ta’ Kristu, wieħed jiltaqa wkoll ma stazzjonijiet li joffru konsolazzjoni. Hemm Marija li biex takkumpanja lil Kristu, ma tibżax tkun mal-minoranza. Hemm il-Veronika li tixxotta wiċċ Kristu u ma tirrifjutax li tkun solidali mal-bniedem li qed ibati. Hemm Xmun iċ-Ċirinew, Afrikan, li jgħin lil Kristu jġorr is-salib.

Dawn il-kwadri ta’ persuni li joffru l-faraġ, jgħidulna li jekk il-ġrajjiet ta’ tbatija umana qed jissoktaw, jekk hemm min jagħzel li jibqa’ fl-għammad ta l-iżball u ta’ l-egoizmu, hemm imbagħad min huwa ġeneruz, jaf iħenn u jintervjeni biex l-inġustizzja umana titrażżan. Għalhekk, anke il-ġrajjiet ta faraġ jistgħu jissoktaw.

It-triq tas-salib mhix biss it-triq imdemma minħabba l-vjolenza; lanqas ma hija l-għajta ta’ protesta li tibqa’ fgata; imma hija ukoll it-triq tat-tjubija, tal-verità, tal-kuraġġ ta l-imħabba vera. Hija t-triq tal-ħniena li tieqaf lil u tirbaħ fuq il-ħażen u fuq il-ħażin. Hija t-triq li tmur ‘l hinn mill-Kalvarju, għax l-aħħar kelma mhix ta’ l-egoizmu, tad-dnub u tal-mewt, imma ta l-imħabba t’Alla l-Missier li jqajjem lil Kristu mill-mewt.

Fit-triq tas-salib ta’ llum, ma hemmx lok li wieħed joqgħod sempliċi spettatur jew newtrali. Pilatu, l-intelletwali u l-politiku xettiku, ipprova jibqa’ newtrali u ħasel idejh minn Ġesù. Imma meta għamel hekk, ġralu li ħa posizzjoni kontra s-sewwa u l-ġustizzja u ċappas idejh bid-demm!

Fix-xenarju soċjali ta żmienijietna, fejn it-triq tas-salib għadha għaddejja. Ma nistgħux nagħzlu li nibqgħu passivi u newtrali. Jekk għall-interessi tagħna, nagħżlu li ma nżommu ma ħadd u li nħallu lil Kristu sofferenti waħdu – lil bniedem batut waħdu! – allura nkunu ningħaqdu ma min qed jgħajjat “salbu”.

Fuq is-salib iseħħ ir-rebha fuq il-misteru tal-ħażen. Hekk f’kull bniedem li llum jinsab iterraq it-triq tal-Kalvarju – il-bniedem maħqur, persegwitat, abbużat u sfiduċjat -, titnissel it-tama tar-rebħa definittiva.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading