Ir-Rużarju Muftieħ Nieżel mis-Sema, Ittra Ċirkulari tal-Isqof Mario Grech

Print Friendly, PDF & Email

ITTRA ĊIRKULARI
tal-E.T. Mons. Mario Grech Isqof ta’ Għawdex

Lir-Reverendi Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Superjuri Reliġjużi, Persuni Kkonsagrati u Lajċi Nsara.

IR-RUŻARJU MUFTIEĦ NIEŻEL MIS-SEMA

Għeżież,

Nemmen li l-kwadru tal-Madonna ta’ Pompej li kellna fostna fil-jiem li għaddew kien mument ta’ grazzja biex niftakru f’dik li, sa ftit tas-snin ilu, kienet it-talba li tiġbor il-familji kollha tagħna. Qed nirreferi għat-talba tar-Rużarju. F’dawn il-jiem smajna tidwi f’qalbna dik il-vuċi li dwiet fil-qalb ta’ Bartolo Longo, dak li bena s-Santawju ta’ Pompej fl-Italja: “Min jgħid ir-Rużarju, isalva”. Kif it-talba tar- Rużarju kienet il-kawża biex dan ir-raġel jibdel ħajtu, illum ukoll dawk li jżebbġu f’idejhom il-kuruna tar- Rużarju għandhom għodda tajba li tgħinhom jibdlu ħajjithom u b’konsegwenza jibdlu s-soċjetà ta’ madwarhom. Għaliex min isib ir-Rużarju ikun sab muftieħ tad-deheb nieżel mis-sema li bih nistgħu niftħu l-ktieb il-kbir dwar Alla u dwar il-bniedem.

Meta fir-Rużarju nirriflettu dwar il-ħajja ta’ Ġesù, aħna nkun nixtarru kemm hija bla tarf l-imħabba ta’ Alla għalina. Min jgħid ir-Rużarju jiftaħ tieqa beraħ fuq il-misteru ta’ Alla, li tant ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih isalva. Fir-Rużarju għadna ġabra qasira tal-ħajja ta’ Ġesù, li huwa l-“bieb” tal-ħajja. Inħoss li fi żminijietna, meta minħabba l-buffuri tar-riħ bħal donnu ssabbat il- bieb u għalaqna lil Alla barra minn djarna u mis-soċjetà tagħna, neħtieġu dan il-muftieħ biex jerġa’ jinfetaħ il-bieb, ħalli permezz ta’ Ġesu l-bniedem ikun jista’ jidħol fejn jgħammar Alla.

Ir-riflessjoni li nagħmlu fir-Rużarju dwar kemm Alla huwa ġeneruż magħna għandha twassalna biex inkunu ġenerużi ma’ ħutna. Il-fidi mingħajr karità hija fidi mejta. Għaldaqstant, ir-Rużarju huwa muftieħ li jiftħilna l-qlub iebsin tagħna. Ma jagħmilx sens li ngħidu r-Rużarju, imbagħad nibqgħu miġġieldin bejnietna jew niżirgħu l-firda; tkun ħrafa jekk ngħidu r-Rużarju u qalbna tibqa’ magħluqa quddiem il-ħtiġijiet tal-foqra ta’ żminijietna.

Għalhekk, issa li ser nibdew ix-xahar tar-Rużarju, inħeġġikom biex taqbdu f’idejkom dan il-muftieħ li rċevejna minn idejn il-Madonna. Nagħmel sejħa speċjali lill-ġenituri biex jiġbru l-familja u jgħidu r- Rużarju flimkien. Barra minn hekk, irrid nuri l-apprezzament tiegħi lejn dawk li jinġabru jgħidu r-Rużarju fil-beraħ u fil-knejjes.

Billi fit-13 ta’ Ottubru l-Papa Franġisku sejjer jikkonsagra d-dinja lill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, nistedinkom nieħdu din l-opportunità biex dakinhar inkunu f’għaqda mal-Papa billi flimkien nagħmlu dan l-att ta’ affidament lill-Madonna.

Nitlob fuqkom il-barkiet tas-Sema, bl-interċessjoni ta’ Marija Ommna.

Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, ir-Rabat, Għawdex, il-Ġimgħa 26 ta’ Settembru 2013, tifkira ta’ San Vinċenz de Paul, appostlu tal-karità.

Mons. Salv Debrincat Kanċillier

 Mario Grech Isqof ta’ Għawdex

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading