Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-miġja tal-Kwadru tal-Madonna ta’ Pompej


L-Isqof Mario Grech
Omelija fl-okkażjoni tal-miġja
tal-Kwadru tal-Madonna ta’ Pompej f’Għawdex

Amministraturi responsabbli

Santwarju Madonna Ta’ Pinu, Il-Ħadd 22 ta’ Settembru 2013)

“Fir-rakkont tal-Vanġelu dwar l-amministratur diżonest (Luqa 16,1-13), nilmaħ l-istorja tagħna lkoll, jien inkluż, għaliex kull wieħed minna għandu xi responsabbiltà amministrattiva – min ftit u min ħafna. Billi aħna bnedmin, għandna r-riskju li l-egoiżmu jwassalna biex namministraw il-ħwejjeġ afdati lilna skont l-interessi personali tagħna. Aħna m’aħniex meħlusin mit-tentazzjoni li nużaw lill-oħrajn jew il-ħwejjeġ tal-oħrajn biex inħaxxnu l-bwiet tagħna. Hekk għamel l-amministratur li jsemmi Ġesù fil-Vanġelu: biex seta’ jkabbar ġidu, huwa abbuża kemm mill-ġid tas-sid kif ukoll minn dak tas-sudditi tiegħu! Mingħajr skruplu ta’ xejn, bis-serq li wettaq, l-amministratur faqqar lil ħaddieħor biex stagħna hu.

Din hija l-istorja tagħna. Is-serq għandu diversi forom. Nagħti ftit eżempji. F’soċjetà li tiftaħar bis-suq ħieles, faċli li wieħed jaħseb li huwa ħieles li jitlob ħlas kemm irid għall-oġġetti jew is-servizzi li joffri lill-oħrajn. Huwa normali li jkun hemm il-profitti, imma dawn iridu jkunu ġusti u raġjonevoli, altrimenti din tkun amministrazzjoni diżonesta. Aspett ieħor importanti fl-amministrazzjoni huwa li wieħed joffri oġġetti u servizzi ta’ kwalità tajba li tkun tirrifletti l-prezz li jitlob għalihom. Altrimenti dan ikun qerq. Kull tebgħa ta’ korruzzjoni u kull xorta ta’ tixħim jirrendu l-amministratur diżonest.

Imma għal kulħadd hemm il-possibbiltà li jikkoreġi. Fir-rakkont tal-Vanġelu naqraw li meta l-amministratur ġie dahru mal-ħajt u s-sid tah is-sensja, huwa ġie f’tiegħu u laqa’ l-mument tal-grazzja li wassallu Alla. Il-fatt li lil min kellu jagħti mitt barmil żejt, huwa ħafirlu ħamsin, u lil min kellu jagħti mitt xkora qamħ, ħafirlu għoxrin xkora, għalija dan ifisser li l-amministratur diżonest bħal għaraf x’inhu t-tajjeb u l-ġust u għaraf ukoll il-valur tal-karità. Fi kliem ieħor, l-amministratur iltaqa’ ma’ Alla li huwa l-istess tjubija, ġustizzja, imħabba u ġenerożità. Huwa Alla li jassigurana li jkollna l-kejl ġust li neħtieġu biex namministraw tajjeb.

Iż-żjara fostna tar-replika tal-kwadru tal-Madonna ta’ Pompej hija grazzja minn Alla għalina lkoll! Is-Santwarju ta’ Pompej huwa marbut ma’ Bartolo Longo. Fil-bidu dan l-avukat kien responsabbli mill-amministrazzjoni tal-artijiet ta’ waħda kontessa. Kien tbiegħed minn Alla u ħaddan ir-reliġjon spiritwalista. Ma kienx kuntent bit-tip ta’ amministrazzjoni li kien jagħmel sakemm darba ħass vuċi interjuri tgħidlu li jekk huwa jxerred it-talba tar-Rużarju, huwa jsalva. Kienet din l-intwizzjoni li biddlitlu ħajtu. Permezz tat-talba tar-Rużarju huwa reġa’ skopra ċ-ċentralità ta’ Ġesu Kristu f’ħajtu u fis-soċjetà.

Għalhekk, f’din iċ-ċirkustanza taż-żjara tal-kwadru tal- Madonna ta’ Pompej, nappella biex il-poplu tagħna jerġa’ jiskopri l-ġmiel u l-qawwa tar-Rużarju, li huwa talba sempliċi imma profonda, li tgħinna nidħlu f’relazzjoni aktar personali u matura ma’ Ġesù Kristu. Inħeġġeġ lill-familji Nsara biex jistinkaw ħalli kuljum jgħidu r-Rużarju flimkien. Ir-Rużarju huwa skola ta’ fidi, u aktar ma jkollna fidi f’Alla, aktar nitgħallmu namministraw tajjeb il-ġid kollu afdat fir-responsabbiltà tagħna u aktar ikollna soċjetà ġusta u nadifa”.