Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Festa tal-Familja Mqaddsa

Print Friendly, PDF & Email

MESSAĠĠ LILL-FAMILJI
Mill-Isqof ta’ Ghawdex,
Monsinjur Mario Grech
Fil-Festa tal-Familja Mqaddsa
29 ta’ Diċembru 2013.

Aktar ma jgħaddi ż-żmien nintebaħ kemm il-familji tagħna jixbhu lill-Familja ta’ Nazareth li għaddiet minn waqtiet ta’ insigurtà u qtigħ il-qalb.

Il-familja nixtequha tkun miexja fuq ir-rubini, imma l-verità hija xorta oħra: pjuttost fil-familja ngħixu għadd ta’ tensjonijiet, kemm minħabba d-diffikultajiet minn ġewwa bħal fil-każ ta’ relazzjonijiet bejn l-istess membri fi ħdan il-familja, u kemm minħabba l-isfidi li ġejjin minn barra bħalma huma l-pressjonijiet li jsiru mill-qasam ekonomiku. Jekk noħolmu familja mingħajr din it-tbatija, ma nkunux b’saqajna mal-art!

Minkejja dawn il-mumenti iebsin, ħafna familji jibqgħu wieqfa fuq riġlejhom, u ta’ dan jien inħossni ħafna rikonoxxenti. Għandna familji li jafu jbatu għal xulxin. Fl-istess waqt ma nistax ninsa lil dawk il-familji li ċedew taħt xi pressjoni jew oħra – għandi f’moħħi lil dawk il-familji fejn hemm in-nuqqas ta’ ftehim, fejn hemm diffikultajiet ekonomiċi, fejn hemm il-mard, u tant oħrajn. Hemm ukoll dawk il-koppji miżżewġa li nfirdu u forsi wkoll daħlu fit-tieni relazzjoni. Niftakar ukoll f’dawk li għażlu li jagħmlu esperjenza ta’ għamla ta’ familja differenti mill-mudell tal-Familja ta’ Nazareth.

F’dawn is-sitwazzjonijiet hemm persuni li huma maħbubin minn Alla. Insib interessanti li l-Familja ta’ Nazareth ukoll kellha l-esperjenza tal-“lejl” mudlam… Alla ma ndaħalx biex Marija, Ġużeppi u t-tarbija ma jġarrbux it-toqol tal-lejl, imma Alla kien magħhom matul il-lejl! Hekk ukoll jagħmel Alla mal-familji tagħna li jinsabu fid-dlam tal-ħajja – Alla qiegħed hemm u bil-Vanġelu tal-familja jibqa’ jibgħatilna d-dawl.

Illum, 29 ta’ Diċembru 2013, festa tal-Familja Mqaddsa.

Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading