Il-firxa tal-Kristjaneżmu fil-bidu (4)


Il-Knisja ta’ Kristu rebbieħa fuq il-persekuzzjonijiet kienet mezz biex il-Kristjaneżmu jinfirex

Nistgħu ngħidu li sas-sena 249 wara Kristu, l-lmperu Ruman ħadha mal-Kristjaneżmu iżda mhux b’xi persekuzzjoni li setgħet teqridha għal dejjem. Malli sar Imperatur Deċju, l-imperu biddel is-sistema tiegħu kif jittratta l-insara, għalkemm hu ma riedx iżjed li l-insara jiġu mixlija.

L-Imperatur Deċju

Huwa kellu jfittex l-insara biex iċarċru demmhom. Dan it-tixrid ta’ demm flok ġab fix-xejn l-isem ta’ Kristu mexxa l-quddiem il-Knisja sakemm ħarġet rebbieħa fuq l-istess imperaturi. Din ma kinitx rebħa ta’ vendetta, imma rebħa li rat l-istess imperu jgħolli isimha u permezz tiegħu tibda tinfirex b’iżjed ħeffa mad-dinja kollha magħrufa kollha kemm hi. Deċju ried jerġa jdaħħal il-qima tal-allat kif kienet qabel, u għalhekk din kienet waħda mir-raġunijiet tal- persekuzzjoni tiegħu. lżda barra dan kollu Deċju kien qiegħed jara fl-imperu firda kbira għalhekk ħaseb biex jikseb f’idejh is-setgħa kollha u b’hekk l-imperu seta’ jitqawwa iżjed. Huwa kellu f’rasu wkoll li l-insara kienu sejrin ukoll jagħtu s-sehem tagħhom fl-imperu. Permezz ta’ editt wieħed, Deċju ġiegħel ‘l dawk kollha li kienu jgħammru fl-imperu biex juru, permezz ta’ att ta’ qima uffiċjali, li huma kienu jemmnu fl-allat.

Dan l-editt ma ħariġx biss għall-insara, iżda għal kull bniedem u għal kull reliġjon mingħajr eċċezzjoni. Deċju għamel din il-ħaġa biex l-insara ma jaħsbux li l-imperatur kellu xi ħaga kontrihom iżda f’moħħu kellu li jkun jaf sewwa liema kienu l-insara u liema ma’ kienux. L-Imperatur ma’ xtaqx ixxerred demm għalhekk ordna l-Prokonsli u d- delegati tal-imperu biex huma jagħmlu minn kollox biex ineħħu kull sura ta’ tbatija minn dan is-sagrifiċċju li kellu jkun wirja ta’ qima tagħhom lejn l-allat. Meta huma ma kienux jistgħu jagħmlu mod ieħor, jiġifieri fejn ma setgħux ma’ jaslux għall-persekuzzjoni, ma’ kellhomx jinqatlu ħafna f’daqqa. Dan l-editt l-iskop prinċipali tiegħu  kien is-sagrifiċċju, għalhekk meta kulħadd temm l-obbligu tiegħu kellu jispiċċa. Din l-ideja ta’ Deċju mwassla għar- realizzazzjoni tagħha b’tant reqqa u severita ma kinitx ħlief żball li ma’ ħalla ebda effett.

Karta tal-libellus, prova ta’ sagrifiċċju lill-allat

Ħafna kienu dawk li xerrdu demmhom għall-fidi, għalhekk toħroġ waħidha l- konkluzzjoni li mhux veru Deċju ma’ riedx ħafna ċarċir ta’ demm. Kien hemm oħrajn li quddiem id-delegati tal-imperatur dehru li ċaħdu l-fidi iżda meta marru għand l-isqfijiet u l-presbiteri tagħhom biex jitolbuhom idaħħluhom għal darb’oħra fil-Knisja dawn juru li għamlu hekk minħabba l-biża.

Mhux kull min resaq għas-sagrifiċċju ried jiċhad il- Kristjaneżmu, għaliex nafu li xi wħud bezgħu mill-martirju, iżda dak m’għandiex neħduh li huma ma’ riedux jibqgħu nsara. Insibu li jeżistu każi fejn l-istess insara ftehmu mal-istess uffiċjali pagani biex jakkwistawlhom dak id- dokument tas-sagrifiċċju mingħajr ma’ juru li huma ma’ kienux offrew is-sagrifiċċju, dan kollu kienu jaslu għalih permezz ta’ ħlas ta’ flus. Meta għaddiet il-persekuzzjoni, dawk kollha li b’xi mod naqsu mill-fidi tagħhom kellhom jieħdu xi penitenza biex b’hekk ipattu quddiem Alla għall-ħtija li kienu wettqu. Ħafna jaħsbu li f’din il-persekuzzjoni l-Knisja kważi nqerdet iżda oħrajn huma tal-fehma li l- knisja għaddiet minn prova tassew kbira.

Din il-persekuzzjoni ma kinitx ta’ gieħ għall-Knisja għaliex ħafna nsara wrew ruħhom dgħajfa u ċedew għal dak li talabhom l-Imperatur għalkemm kienu jafu li dan kien kontra l-kuxjenza tagħhom. Dawk l-istess li ġiebu ruħhom tajjeb fil-persekuzzjoni tkabbru bil-qawwa tagħhom u saru għall-oħrajn eżempju li fuqu kellhom ifasslu ħajjithom. Għal knisja għalkemm kien mument difficli pero’ xorta waħda l-persekuzzjoni kienet mezz biex il-Vanġelu jkompli jinxtered ma’ kullimkien.

Minn Patri Hermann Duncan O. Carm