Sintesi tal-Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Festa ta’ Marija Bambina

Print Friendly, PDF & Email

Sintesi tal-Omelija fil-Festa ta’ Marija Bambina
Bażilika tat-Twelid tal-Verġni Mbierka, ix-Xagħra
It-Tnejn 8 ta’ Settembru 2014
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

IL-KNISJA OMM TAGĦNA

Il-festa tal-Bambina tfakkarna fit-Twelid ta’ Marija, Omm Ġesù. Kien ma’ dan it-twelid tal-Bambina li beda l-proċess biex Alla jerġa’ jinżel fil-ġnien tal-umanità biex jimxi pass pass mal-bniedem. Alla għażel li jerġa’ jkun ħabib tal-bniedem kif inhu u mhux kif suppost ikun. Ħafna drabi aħna niżbaljaw meta nistennew li l-bniedem ikun perfett. Fejn jeżisti l-bniedem perfett? Il-bniedem li Alla jrid jirrelata miegħu huwa l-bniedem li jġorr fuqu l-marki tad-dinjità kif ukoll tad-dgħufija, tal-kobor u tal-miżerja, tal-ġmiel u fl-istess waqt tal-kruha.

Il-laħam ta’ Kristu huwa l-laħam tal-bniedem. Ma nkunux realistiċi jekk nistennew li l-bniedem ikollu laħam safi u sabiħ; pjuttost, laħamna huwa mdennes tant li jarmi riħa, fih it-tbenġil u t-tiċrit, u għandu ġerħat miftuħa u mniġġsa! Għalhekk Ġesù, li tgħabba bil-miżerji tagħna, jifhimna u jagħdirna.

Għax hija Omm Kristu, Marija Bambina hija Omm il-bnedmin kollha. Huwa għalhekk li qatt ma nstema’ li xi ħadd resaq għandha u t-talb tiegħu ma kienx mismugħ.

Il-maternità ta’ Marija ssib il-kontinwazzjoni tagħha fil-maternità tal-Knisja. Jekk hemm xi ħaġa li nixtieq nara fi-Knisja lokali hija li tkabbar il-qalb materna tagħha. Kif bl-imħabba materna tagħha Marija tagħmel aċċessibbli l-miżerikordja ta’ Alla, hekk il-Knisja Omm għandha l-missjoni li ddewwaq din il-ħniena ta’ Alla lill-umanità feruta tagħna. Għalhekk il-Knisja ma tistax tittraskura lill-bniedem kif inhu llum; veru li l-bniedem jista’ jkun aħjar, imma “hekk hu l-bniedem”!

Għalhekk il-Knisja Omm għandha tagħmel l-għażla preferenzjali ta’ dawk li jinsabu fil-periferija eżistenzjali: uħud minn dawn huma dawk li qatgħu qalbhom mill-ħajja, mill-Knisja, mis-soċjetà u forsi wkoll minn Alla. Hemm dawk li tant bkew li ma għadx fadlilhom dmugħ f’għajnejhom. Hemm dawk li huma foqra materjalment u intellettwalment. Hemm dawk li jħossuhom esklużi minħabba preġudizzju sesswali, razzjali jew kulturali. Hemm dawk li huma bla Alla.

Ftit ġimgħat oħra ser nieħu sehem fis-Sinodu tal-Isqfijiet li ser jittratta realtà feruta oħra – iż-żwieġ u l-familja. Il-Knisja Omm ma tistax tibqa’ indifferenti quddiem il-karba ta’ ħafna li għandhom diffikultajiet serji dwar temi li għandhom x’jaqsmu mal-ħajja relazzjonali u sesswali tagħhom. Filwaqt li nittama li dan is-Sinodu jipproponi b’mod frisk u ġdid il-Vanġelu tal-familja, nemmen ukoll li l-istess Sinodu jista’ jkun bxara tajba għal dawk li minkejja li kellhom falliment fiż-żwieġ, huma mxennqin biex isibu modi kif ma jħossuhomx esklużi minn Alla, li għalihom ukoll “niżel fil-ġnien tal-umanità biex jimxi pass pass mal-bniedem”. Nemmen li bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, bil-Vanġelu ta’ Ġesù f’idejha, il-Knisja Omm kapaċi tagħti prova li hija “versatili u kreattiva” anki f’dan il-qasam diffiċli.

Imma l-Knisja Omm tiftaħ dirgħajha biex tħaddan ukoll lil dawk li jinsabu fil-periferija ġeografika – għandi f’qalbi lil dawk kollha li huma vittmi tal-ġlied attroċi fl-Iraq u fis-Sirja, imma partikularment lil ħutna l-Insara. Fi kliem il-Papa Franġisku, dawn l-Insara ppersegwitati huma “fil-qalb tal-Knisja Omm”. Kif nistgħu nibqgħu passivi meta numru bla għadd ta’ aħwa Nsara li jirrifjutaw li jiċħdu l-fidi tagħhom, qed jiġu vvjolentati u maqtula? Oħrajn, biex jaħarbu l-vjolenza, qed ikollhom iħallu djarhom u jaħarbu. Id-daqq tat-trombi fil-festi tagħna jfakkarni li fl-Iraq u s-Sirja qed iddoqq it-tromba tal-mewt; il-ħsejjes tal-murtali jfakkruni fil-ħsejjes tal-kanuni tal-gwerra. Quddiem din il-qerda massiva u din id-deportazzjoni tal-Insara, il-kuxjenza ma tħallinix kwiet.

Quddiem dan kollu hija xewqa tiegħi bħala Ragħaj Spiritwali li l-Knisja lokali tibgħat sinjal ta’ solidarjetà ma’ dawn in-nies. Nipproponi li kull komunità parrokkjali fid-Djoċesi ta’ Għawdex taċċetta li tilqa’ fi ħdanha familja minn fost dawn l-Insara ppersegwitati. Kull parroċċa taddotta din il-familja u timpenja ruħha li tipprovdilha fejn toqgħod u l-mezzi biex tgħix. Jien naf li l-poplu tagħna għandu qalb kbira u jaf ikun ġeneruż ma’ min hu fil-bżonn. Konvint li kif insibu mezzi għal proġetti oħrajn li ma għandhomx paragun ma’ din il-proposta, nafu nsibu mezzi biex nagħmlu din il-karità; imbagħad, jekk ma nsibux mezzi, ma għandniex nibżgħu noħorġu minn ġewwa. Jekk nilqgħu lil dawn il-persuni, inkunu qegħdin ngħinuhom jeħilsu mill-mewt. Jien ser nikteb lill-Awtoritajiet Ċivili u lin-Nunzjatura Appostolika biex ngħarrafhom b’din id-disponibbiltà tal-Knisja lokali u nitlobhom jgħinuna f’dan il-proġett.

Nieħu din l-okkażjoni biex nirringrazzja lil dawk li wieġbu għall-appell li għamilna aħna l-Isqfijiet ftit ġimgħat ilu biex jinġabru għotjiet ta’ karità għal dawn ħutna fl-Iraq. Għadni ma nafx kemm hija s-somma li nġabret, imma naf li kien hemm min kien ġeneruż bil-kbir – qaluli li kien hemm koppja li tat il-paga ta’ xahar għal dan l-għan. Grazzi.

(Fi tmiem il-Quddiesa, l-Arċipriet Refalo ħabbar li l-ġabra fil-parroċċa tax-Xagħra għar-refuġjati fl-Iraq kienet ta’ €6,000).

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading