Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Manifestazzjoni Marjana


Omelija fil-Manifestazzjoni Marjana
Wied ta’ Marsalforn, Għawdex
It-Tlieta 26 ta’ Awwissu 2014
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

KNISJA ŻAGĦŻUGĦA

Inħossni komdu napplika għall-Knisja lokali dak li San Pawl jgħid dwar l-Insara ta’ Tessalonika: aħna għandna niżżu ħajr dejjem ’l Alla minħabba fikom, ħuti maħbubin mill-Mulej, għaliex Alla għażilkom biex tkunu l-frott tal-fidwa bil-qdusija tal-Ispirtu s-Santu u l-fidi fil-verità (ara 2 Tess 2:13). Dan il-kliem mhux qed ngħidu biex nidlikkom, imma għax verament nemmen li fil-Knisja tagħna hemm ħafna elementi tajbin li jagħtuni konsolazzjoni kbira. Fil-fatt, ix-xandir tal-Bxara t-Tajba fis-soċjetà tagħna jiddependi minnkom il-lajċi wkoll. Għalkemm għandna sejħat u kariżmi differenti (saċerdoti, reliġjużi, lajċi), aħna lkoll nistgħu ngħinu lill-bniedem tal-lum jiltaqa’ ma’ Ġesù Kristu – dan nagħmluh mhux tant bil-kliem, daqskemm bix-xhieda li nagħtu. Bħal ħmira li tintagħġen mad-dqiq u ttella’ l-għaġna, hekk taf tkun effettiva l-preżenza tagħna l-Insara fid-dinja.

Imma ż-żmien jagħmel b’kollox u b’kulħadd. Mal-medda taż-żmien mhux biss jiqdiemu l-oġġetti u jixjieħu l-bnedmin, imma hemm ir-riskju li jiqdiem il-mod kif aħna nesprimu u nistqarru t-twemmin tagħna. Jekk wieħed ma joqgħodx attent, hemm il-periklu li l-Knisja tagħna tiqdiem u tixjieħ għax titlef il-freskezza tal-fidi. Ir-reliġjon mhix suġġetta għaż-żmien, imma min iħaddanha kapaċi jsir biċċa fdal minn tal-imgħoddi. Din mhix kwistjoni ta’ età – għaliex hemm minn għadu żgħir fl-età u huwa xiħ reliġjożament, u hemm min hu mgħobbi bl-għomor imma għadu żagħżugħ fl-ispirtu Nisrani.

Ġesù kemm-il darba jċanfar lill-Fariżej u l-kittieba propju għaliex bil-mod kif kienu jesprimu r-reliġjon tagħhom kienu xejħu t-twemmin tagħhom f’Alla ta’ Abraham, Iżakk u Ġakobb. Maż-żmien, il-Lhud draw wisq jistqarru t-twemmin tagħhom u għalhekk għamlu mir-reliġjon sensiela ta’ drawwiet, reliġjużi fil-forma esterna imma battala fil-kontenut tagħhom. Għall-Lhud, ir-reliġjon kienet saret ġabra ta’ tradizzjonijiet li matul is-snin kienu tilfu t-tifsira ġenwina tagħhom bil-konsegwenza li l-element uman ħa post l-element divin. Konsegwenza ta’ dan, il-Lhud warrbu l-Liġi ta’ Alla li kienet mezz ta’ ħelsien, biex minflok daħħlu ħafna liġijiet magħmula mill-bnedmin li saru bħal madmad għall-bnedmin. Maż-żmien, niżel bħal għamad fuq għajnejhom li fixkilhom milli jibqgħu jiltaqgħu ma’ Alla; għaldaqstant, huma rriduċew ir-reliġjon bħala purament sistema ta’ ħajja soċjali. Kien dan il-motiv għaliex Kristu jakkuża lil-Lhud li kienu għomja u ta’ wiċċ b’ieħor: għaliex huma bidlu r-reliġjon li kienet telqet minn Alla ma’ reliġjon maħluqa mill-bnedmin.

Anki llum aħna esposti għal dan il-periklu. Fil-fatt it-twemmin Nisrani mhux biss wirt li għaddewlna ta’ qabilna; mhux biss tradizzjonijiet reliġjużi, u lanqas ma huwa biss xi ħaġa kulturali. Għalkemm it-twemmin Nisrani huwa wirt, tradizzjoni u kultura, prinċipalment huwa esperjenza unika li kull persuna tagħmel ta’ Alla, u frott ta’ din l-esperjenza l-persuna tagħmel għażla favur Kristu. Mingħajr din l-esperjenza personalizzata hemm ir-riskju li nirrendu r-reliġjon tagħna għal sistema ta’ regoli morali, axxetiċi u liturġiċi li barra li jħalluna għatxana għall-infinit, jafu jifgawna. Meta tkun tonqosna din il-laqgħa personali ma’ Ġesù Kristu, id-dħul tagħna fir-reliġjon Nisranija u fil-Knisja jkun biss wieħed formali jew b’kumbinazzjoni għax nitwieldu f’pajjiż bi tradizzjoni Nisranija. Għaldaqstant dan id-dixxipulat impost wara Kristu jibqa’ ma jkollux effett fl-eżistenza tagħna. Bħalma ġara lil-Lhud jaf jiġri lilna wkoll. Fil-fatt, aktar ma għadda ż-żmien, il-Lhud bdew jingħaqdu mal-poplu ta’ Alla mhux tant għax kienu jagħżlu li jiddeċiedu liberament li jixxierku magħhom, imma sempliċement għax kienu jitwieldu f’familja Lhudija. Ħasra li wħud mill-Insara tagħna sabu ruħhom fil-Knisja mhux b’għażla tagħhom imma għaliex ħaddieħor għażel għalihom. B’din l-għamla ta’ appartenenza lejn Kristu u l-Knisja, mhux possibbli li ngħixu ħajja Nisranija awtentika. Ma nistagħġibx li segwaċi ta’ din ix-xorta jkunu jsegwu vanġelu differenti minn dak li tana Kristu.

Fil-fatt, Jonathan Swift, awtur tal-ktieb Gullivers’ Travel, jikkummenta li ħafna Nsara fil-Vanġelu aktar isibu motivi biex jikkundannaw u jiġġudikaw lil ħaddieħor, milli jsibu raġuni biex iħobbu lil ħaddieħor. Għalkemm għaddew madwar tliet mitt sena minn meta saret, din l-osservazzjoni għadha tgħodd għal-lum ukoll, għaliex ħafna Nsara aktar huma pronti biex jaqtgħu l-kundanna u jiskomunikaw, milli biex idewqu t-tjubija u l-ħniena ta’ Alla. Dan jikkonferma li ħafna huma sajmin mill-Kelma ta’ Alla u għaldaqstant huma spiritwalment xotti. Jidher li jgħodd għalina dak li Ġesù jgħid għall-Fariżej u l-kittieba: li aħna għandna għajnejna magħluqa għal dak li hu l-aqwa fil-Liġi, jiġifieri l-ġustizzja, il-ħniena u s-sinċerità – tliet virtujiet li jirriflettu qalb kbira. Imma huwa fatt li fejn hemm reliġjożità falza, il-qalb tal-bniedem hija vojta. Meta nħares lejja nnifsi u lejn il-ħajja ta’ madwari, inħoss li kemm bħala individwi u kemm bħala soċjetà għandna bżonn urġenti li nagħmlu eżami ta’ kuxjenza dwar kemm qegħdin ngħixu dawn it-tliet virtujiet.

Jekk irridu li l-espressjoni reliġjuża tagħna tkun waħda awtentika u friska, hemm bżonn infittxu aktar li nagħmluha ma’ Ġesù biex, imsaħħrin mill-ġmiel tiegħu, ta’ kull darba nġeddu l-għażla tagħna li nkunu miegħu. Ma nistax nippretendi li nkun saċerdot, reliġjuż/a u lajk Nisrani tajjeb jekk nittraskura l-laqgħa personali tiegħi ma’ Ġesù. Għalhekk, jekk irridu li l-Knisja tagħna tibqa’ żagħżugħa, nappella biex noħolqu aktar spazju f’ħajjitna għal Ġesù u nfittxu li ninxteħtu f’riġlejh kemm waqt il-Quddiesa u kemm waqt l-Adrazzjoni Ewkaristika. Huwa xieraq li fis-sajf il-bniedem jieħu l-mistrieħ tiegħu; imma ma għandux ikun hemm btajjel fir-rigward tar-relazzjoni tagħna ma’ Ġesù. Inħeġġeġ biex f’dawn il-ġimgħat tal-vaganzi, nimpenjaw ruħna li nistrieħu ma’ Ġesù fl-Ewkaristija li minnu tiġina kull ispirazzjoni qaddisa.