Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Festa ta’ Ġesù Kurċifiss

Print Friendly, PDF & Email

Omelija fil-Festa ta’ Ġesù Kurċifiss fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Minuri, il-Belt Valletta

Il-Ġimgħa 4 ta’ April 2014 – L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

DIRGĦAJNA MIFTUĦA BĦALL-KURĊIFISS

L-agħar tbatija li jista’ jġarrab il-bniedem mhix meta jkun taħt id-dafar tal-mard jew meta tagħfas fuqu t-tnalja tal-faqar, imma meta ma jkollu ebda ħajt tal-kenn, meta ma jsib ebda widna lesta biex tisma’ l-karba tiegħu, meta ma jsib ebda qalb tal-laħam li tħobbu. Fi kliem ieħor, id-deżolazzjoni u s-solitudni huma esperjenzi tassew wegħrin. Mhemmx faraġ għal min huwa fiżikament, emozzjonalment jew spiritwalment magħkus, u li minflok ma jsib dirgħajn li jħaddnuh, isib lil min jiskartah jew ibarrih; minflok ma jsib li min jixxuttalu d-demgħat minn fuq ħaddejh, isib lil min ikompli jaqsamlu qalbu.

Kulħadd għandu s-salib tiegħu. Billi xi drabi naħbtu ser nogħtru għax inħossu s-salib jitqal jew għax il-forzi tagħna jonqsuna, ikollna bżonn taċ-Ċirinew li bid-dirgħajn ġolfi tiegħu jieħu t-toqol minn fuq spallejna u jserraħna. Imma l-gwaj tal-lum huwa li ċ-Ċirinew sar rari ħafna! Il-ħajja mgħaġġla tagħna ġabitna indifferenti u insensibbli għall-bżonnijiet ta’ xulxin u spiss jiġri li lanqas biss nintebħu li maġenbna stess hemm bniedem minxur mal-art taħt il-piż tas-salib u bil-ħarsa miksura tiegħu qed jitlobna niftħu dirgħajna biex, filwaqt li nserrħuh mit-toqol tal-piż tal-ħajja, inħaddnuh magħna. Din it-tgħanniqa u t-tmellisa ta’ mħabba taf tistimula lil min hu mifni biex jerġa’ jiġbor l-enerġija tiegħu u jkompli l-mixja tal-ħajja.

Meta nitfa’ ħarsti fuq il-Kurċifiss, nikkontempla lil Kristu li b’dawk dirgħajh miftuħa qed joffri t-tgħanniqa ta’ Alla lil kull bniedem. Kristu jiftaħ dirgħajh beraħ biex iħaddan lill-bniedem, partikularment lill-bniedem mgħaffeġ taħt it-tagħbija ta’ kull tip, u jagħtih tmellisa biex hekk idewqu l-karezzi ta’ Alla. Jekk it-tgħanniqa u l-karezzi umani huma ta’ faraġ u serħan għalina, kemm jiżbquhom f’dan kollu t-tgħanniqa u l-karezzi li Alla joffrilna fi Kristu!

Il-Kurċifiss huwa sejħa permanenti li l-Feddej qed jagħmlilna: “Ejjew għandi intom ilkoll imħabbtin u mtaqqlin u jiena nserraħkom! Ħadd ma għandu jħossu mhux denn ta’ din it-tgħanniqa jew eskluż minn din l-esperjenza. F’Ġesù Kurċifiss nara jitwettqu dawk il-kelmiet li Hu kien qal: “Meta nintrefa’ mill-art, niġbed lil kulħadd lejja”. Huwa żbaljat min jaħseb li biex tinxteħet f’dirgħajn Ġesù, trid tkun perfett, mingħajr ebda tebgħa jew tbenġil spiritwali. Għall-kuntrarju, aktar ma l-libsa tkun imċarrta u mdennsa, aktar ma l-ġisem ikollu ġerħat, aktar nikkwalifikaw għal din it-tgħanniqa ta’ Alla. Bħal fil-każ tal-parabbola tal-iben il-ħali, aktar ma nkunu tbegħidna mid-dar, aktar il-Missier ikun qed jistenniena biex iħaddanna miegħu u jagħtina l-wens li neħtieġu. Hija l-bewsa li jagħtina Alla li għandha qawwa tqajjem il-ħafna tajjeb li hemm fina; hija din l-imħabba bla ebda kundizzjoni li Alla jirriserva għalina li tistimulana biex aħna nħobbu tassew.

Min iħobb tassew, ma jistax ma jħossux imqanqal mill-Kurċifiss, biex hu wkoll jifrex idejh beraħ ħalli jħaddan, jgħannaq u jżiegħel bil-proxxmu tiegħu. Id-devozzjoni lejn il-Kurċifiss għandha twassalna biex quddiem il-ħafna tbatija fiżika, emozzjonali u spiritwali, aħna ma nibqgħux passivi b’dirgħajna marbuta. Is-soċjetà qed tfittex “kurċifissi” ħajjin li b’dirgħajhom miftuħa lesti li jħaddnu lil ħuthom mingħajr ma joqogħdu jibżgħu li meta jgħannqu lil min hu mdennes, ser jittappnu bil-ħmieġ tiegħu jew ser jieħdu fuqhom ir-riħa tal-għaraq tagħhom. Ma hemm ebda marda fiżika jew spiritwali, ma teżisti ebda kundizzjoni fil-ħajja tal-bniedem, li t-toqol tagħha ma jistax jittaffa b’karezza awtentika.

Imma dak li nixtieq nara fuq livell personali u individwali, nixtieq narah ukoll fil-Knisja lokali. Għandna bżonn ta’ Knisja li mhux biss tkun imżejna b’kurċifissi artistiċi u devoti, imma li hija stess tkun bħal Kurċifiss b’dirgħajha miftuħa biex tħaddan lil kulħadd mingħajr distinzjoni. Ma nistgħux inkunu Knisja selettiva u lanqas esklussiva. Lanqas nistgħu nippretendu li l-Knisja hija komunità ta’ dawk li huma spiritwalment b’saħħithom u għalhekk bla dnub! Jekk huwa hekk, jien l-ewwel wieħed li posti mhux fil-Knisja.

Mhix fin-natura tagħna bħala Knisja li nagħlqu l-bieb lil xi ħadd. Għandi f’moħħi lil dawk li huma għajjenin fil-mixja tal-fidi; lil dawk li għax għadhom jistaqsu, għadhom ma humiex ċerti mill-veritajiet tal-fidi; kif ukoll lil dawk li għad għandhom diffikultà biex ħajjithom tkun taqbel mat-tagħlim tal-Vanġelu. Niftakar f’dawk li minħabba xi raġuni li kapaċi tiżboq il-ħiliet tagħhom, qed jgħixu stil ta’ ħajja li jikkuntrasta mal-ħajja evanġelika. Huma preżenti f’moħħi u qalbi dawk l-individwi li jirrikonoxxu li żbaljaw u jiddispjaċihom tal-iżball li għamlu, imma llum huwa moralment impossibbli għalihom li jreġġgħu lura ħajjithom.

Ħadd minn dawn ħutna ma għandu jkun imċaħħad mit-tgħanniqa tal-Knisja Omm. Kif għidna fl-aħħar Ittra Pastorali tagħna l-Isqfijiet, il-poplu ta’ Alla ma jistax ikun indifferenti quddiem din it-tbatija u jrid jagħmel tiegħu dawn il-weġgħat. Bħal Ġesù Kurċifiss, il-Knisja ma tista’ tegħja qatt testendi dirgħajha biex toffri din it-tgħanniqa ta’ Alla lill-bniedem batut. Ħa jkun dan it-tħaddin matern li toffri l-Knisja f’isem Alla li jagħti l-possibbiltà li l-għaraq u d-dmija ta’ Kristu Feddej jitħallat mal-għaraq u d-dmija tal-bniedem li jsib il-faraġ f’dirgħajn u fi ħdan il-Knisja!

Hija din l-attituduni pastorali li teħtieġ is-soċjetà tal-lum; huwa dan l-atteġġjament ispirat mill-Kurċifiss li għandha bżonn il-Knisja biex tkun iktar kredibbli u relevanti għal żminijietna.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading