Omelija tal-Isqof Mario Grech fin-Nawfraġju ta’ San Pawl


Omelija fis-Solennità tan-Nawfraġju tal-Appostlu Missierna San Pawl
It-Tnejn 10 ta’ Frar 2014
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

INĦALLU R-RIĦ TA’ ALLA JMEXXINA F’ROTOT ĠODDA

Normalment ingergru meta jonfoħ ir-riħ, għax ir-riħ jaf ikisser, iħammeġ kif ukoll jaħraq. Imma jkolli ngħid li aħna nħossuna grati lejn Alla għar-riħ li tefa’ fuq xtutna l-ġifen li fuqu kien hemm San Pawl. Fl-Atti tal-Appostli jingħad b’mod ċar li kienet il-qawwa ta’ bosta rjieħ (grigal, lbiċ, majjistral, nofsinhar) il-kawża li, fi triqtu mill-port ta’ Adramitti fix-xatt tal-Asja Minuri lejn Ruma, Pawlu rifes fuq artna.

Huwa minnu li xi drabi, meta r-riħ jonfoħ bil-kontra, jista’ jkun kawża li l-ġifen ma jasalx fid-destinazzjoni; imma huwa minnu wkoll li meta r-riħ iqajjem il-baħar, jogħla l-mewġ u l-ġifen isib ruħu f’baħar imqalleb, ekwipaġġ tajjeb għandu l-ħila li jibdel ir-rotta imma xorta waħda jasal fid-destinazzjoni tiegħu. Biex jevitaw li jinbelgħu mill-baħar irrabjat jew jitkissru mal-blat, il-baħħara huma għaqlin biżżejjed li, jekk hemm bżonn, jirrevedu l-programm tal-vjaġġ li jkunu għamlu biex isibu soluzzjoni alternattiva li tgħinhom jaslu fid-destinazzjoni tagħhom. Kif jgħid il-Malti, baħri tajjeb huwa l-baħri tal-maltemp, għax fl-irjieħ li jvenvnu kontra tiegħu ma jarax theddida imma sfida biex b’ħila jsib triq ġdida fil-baħar u jagħraf jidderiġi l-bastiment b’mod li jofroq il-mewġ għoli. Hekk ir-riħ kuntrarju jagħtih il-possibbiltà li jħaddem teknika li tagħtih garanzija li jkun jista’ jsalpa f’kull staġun. Kieku l-ġifen ta’ Pawlu ma kienx mgħammar b’ekwipaġġ mogħni b’dawn il-ħiliet, mhux biss ma kienx jasal fid-destinazzjoni tiegħu, imma lanqas jieqaf Malta.

Illum ukoll għandna rjieħ jonfħu minn kull direzzjoni u b’waqtiet fejn il-buffuri jkunu tant qawwija li jafu jagħmlu ħerba fil-bniedem, fil-familja u fis-soċjetà! Huma diversi l-esperjenzi fejn nistgħu nqabblu l-umanità mal-ġifen ta’ Pawlu u li f’xi waqtiet narawha tinħakem f’ċiklun li għandu l-qawwa li jagħmlilha ħafna ħsara.

Dan jgħodd ukoll għalina bħala Knisja lokali. Ma nistgħux inkunu tant aljenati li ma nintebħux li l-irjieħ qed jaħbtu wkoll fuq “id-dgħajsa ta’ Pietru”. Il-mewġ għoli qed ikaxkar minn fuq il-gverta tal-ġifen tagħbija ta’ valur kbir. Il-forza tar-riħ kontra kważi waqqfitna f’nofs ta’ baħar. Jekk ser nibqgħu bit-tmun imwaħħal, qed nirriskjaw li jiġi kolp qawwi u jniżżilna.

Imma quddiem din ir-realtà, ma rridux inħallu l-biża’ jipparalizzana u jisirqilna t-tama. Filwaqt li tajjeb li ngħassu fuqna nfusna biex għalkemm ir-riħ huwa kuntrarju ma nbiddlux id-destinazzjoni, fl-istess waqt irid ikollna l-kuraġġ biex jekk hemm bżonn, inbiddlu r-rotta u nfittxu triq ġdida. Ħafna drabi l-komunitajiet tagħna jagħtu l-impressjoni li huma marbutin ma’ rotot li saru snin ilu u ma rridux nirriskjaw noħorġu minnhom. Għalkemm għandna magħna rjieħ li qed jaħarqulna wiċċna, ma rridux nitħarrku minn dawn il-programmi, u dan minkejja li l-ġifen beda jitlef mhux biss it-tagħbija imma wkoll uħud mill-ekwipaġġ.

Nemmen li huwa urġenti li bħala Knisja naraw liema huma r-rotot il-ġodda li aħna fid-dmir li naqbdu, biex minkejja dawn l-irjieħ, inkomplu nbaħħru fil-baħar tal-ħajja; anzi, jistgħu jkunu dawn l-istess irjieħ kuntrarji li jgħinuna niftgħu ras il-ġifen f’rotta li kapaċi twassalna f’zoni ġodda li qed jistennew il-Bxara t-tajba tal-Vanġelu, kif seħħ fl-esperjenza ta’ Pawlu li l-irjieħ kuntrarji wassluh biex jitkellem dwar Kristu ma’ ġensna. Fi kliem ieħor, nara l-ħtieġa li naddottaw atteġġjamenti pastorali ġodda f’kull qasam tas-soċjetà. Jidher li l-Knisja tagħna, kemm bħala istituzzjoni (djoċesi, parroċċi, movimenti, etċ…) u kemm bħala individwi, teħtieġ modi aktar umani, evanġeliċi u karitattivi fir-relazzjoni tagħha mad-dinja ta’ madwarna, li kif għedna aktar ’il fuq, ukoll qisha ġifen jissielet kontra rjieħ negattivi. Forsi hemm bżonn li dan ir-riħ jitqawwa biex iħarrikna u jaqlgħalna l-ankra li ilha s-snin imwaħħla. Hija ħasra li ċerti espressjonijiet u prattiċi tagħna saru biss spettaklu għad-dinja (1 Kor 4:9)!

Dan l-impenn mhux tqil daqskemm jidher, għaliex jekk hemm irjieħ qliel jonfħu kontra, hemm ukoll l-Ispirtu s-Santu, ir-riħ ta’ Alla, li jimla l-qlugħ tal-ġifen! Dan huwa riħ li jisboq bil-bosta l-irjieħ tad-dinja. Kif naqraw fl-Atti tal-Appostli, kien dan ir-riħ ta’ Alla li ta l-ewwel imbuttatura lil Pawlu biex “jibda” l-vjaġġ lejn Ġerusalemm u mbagħad jaqbad il-ġifen lejn Ruma. Waqt li f’Ċesarija Pawlu kien qed jistkenn fid-dar tad-djaknu Filippu, wasal il-profeta Agabu minn Ġerusalemm, “qabad il-ħżiem ta’ Pawlu, rabat bih riġlejh u idejh u qal: ‘Dan jgħid l-Ispirtu s-Santu. Hekk għad jorbtuh il-Lhud f’Ġerusalemm lir-raġel li tiegħu hu dan il-ħżiem u jagħtuh f’idejn il-pagani’” (Atti 21:10-11). B’din l-azzjoni, Agabu ħabbar lil Pawlu x’kien qed jistennih f’Ġerusalemm, fejn imbagħad kien arrestat, rabtuh bil-ktajjen u għaddewh proċess li wassal biex Pawlu jaqbad it-triq tal-baħar għal Ruma. Għalhekk nistgħu ngħidu li dakinhar f’Ċesarija kien l-Ispirtu ta’ Alla li nefaħ fuq l-Appostlu biex hekk Pawlu sab il-qawwa jegħleb l-irwiefen li qamu kontra tiegħu u l-ġifen li kien fuqu. Kien dan ir-riħ ta’ Alla li mexxa lil Pawlu f’areopagi ġodda biex jiddjaloga ma’ min kien qiegħed ifittex tweġibiet bis-sens. Immexxi minn dan ir-riħ ta’ Alla, Pawlu rikeb fuq il-mewġ imqalleb biex jixref f’mergħat ġodda u jxandrilhom lil Kristu li fih stagħnejna f’kollox (1 Kor 1:2).

Mimli bl-Ispirtu ta’ Alla, Pawlu nnifsu sar riefnu li mela l-qlugħ ta’ ħafna li b’kuraġġ u determinazzjoni kellhom il-ħila jipprietkaw lil Kristu u jgħinu lill-Knisja tadatta ruħha għall-kulturi ta’ żminijietha u hekk issib postha f’salib it-toroq, fejn it-triq tagħha ltaqgħet mat-triq tal-bniedem, fejn il-bniedem ta’ Alla għex spalla ma’ spalla mal-bniedem tad-dinja, fejn il-ħabbar tal-Evanġelju sar il-bniedem tat-triq. Dan ir-riħ ta’ Pawlu neħtieġuh illum f’pajjiżna.

L-Ispirtu s-Santu għadu jonfoħ fil-Knisja llum. Forsi għandna bżonn nemmnu aktar li ma nistgħux immexxu l-ġifen tal-Knisja bil-qdief tagħha, għax dan ifisser li rridu li l-Knisja timxi bl-isforzi umani tagħna; għall-kuntrarju, inħaffu niftħu l-qlugħ tal-ġifen biex dan jimtela bir-riħ ta’ Alla u hekk l-irjieħ kuntrarji u l-maltemp tal-baħar jinbidlu f’opportunità biex il-ġifen tal-Knisja jsib triq ġdida fil-baħar u jsalva lil ħafna mill-għarqa. Konvinta li, kif jikteb l-Appostlu Missierna San Pawl, “fejn hemm l-Ispirtu tal-Mulej, hemm il-ħelsien” (2 Kor 3:17), il-Knisja ma tehdiex tfittex li hija stess tagħmel din l-esperjenza tal-Ispirtu s-Santu biex bħala komunità ħielsa tgħin lill-ħafna jiksbu l-ħelsien tassew. Għax kif jgħid San Bażilju l-Kbir, huwa l-Ispirtu s-Santu li jonfoħ fuq l-univers, fuq il-Knisja u fuq kull persuna biex dawn jgħaddu mid-diżordni għall-ordni, mill-konfużjoni għall-armonija, mid-deformità għall-ġmiel, mill-antik għall-ġdid. Fi kliem ieħor, huwa l-Ispirtu s-Santu li “joħloq u jġedded il-wiċċ tal-art” (Salm 104:30).

Biex dan napplikawh għall-Knisja, inżommu quddiem għajnejna dak li qal il-Beatu Papa Ġwanni Pawlu II f’Ittra Appostolika li kiteb fl-1981 biex ifakkar is-XVI-il Ċentinarju tal-Konċilju Ekumeniku ta’ Kostantinopli: “It-tiġdid tal-Knisja li l-Konċilju Vatikan II b’mod tassew providenzjali ppropona u beda, ma jistax iseħħ jekk mhux fl-Ispirtu s-Santu, jiġifieri bl-għajnuna tad-dawl u l-qawwa tiegħU”.