Diskors tal-Isqof Mario Grech fis-Sinodu tal-Isqfijiet dwar il-Familja

Print Friendly, PDF & Email

IL-KNISJA STRUMENT TA’ MEDJAZZJONI PASTORALI
L-Isqof Monsinjur Mario Grech
Diskors fis-Sinodu tal-Isqfijiet dwar il-Familja
Awla Konċiljari, Vatikan
Il-Ġimgħa, 10 ta’ Ottubru 2015

L-intervent li l-Isqof Mario għamel illum, kmieni wara nofsinhar, fil-prezenza tal-Papa Franġisku u tal-Isqfijiet, waqt l-14-il Assemblea Generali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, li qed tiltaqa’ fl-Awla Sinodali, fil-Vatikan. It-tema ta’ dan is-Sinodu hi “Il-vokazzjoni u l-missjoni tal-familja fil-Knisja u fid-dinja tal-lum”:

“Għalkemm ħadd ma jista jitfi fil-bniedem il-bżonn li jidħol f’relazzjoni stabli ta’ imħabba mal-persuna li jkun iħobb, huwa fatt li ma humiex ftit dawk li qed jgħejjew iġorru l-piż ħelu taż-żwieġ u l-familja.

Fost dawn hemm dawk li jħossuhom ittraduti mix-xjenzi umani, mill-politika u l-ekonomija. Imma hemm ukoll dawk li huma sfiduċjati fil-Knisja għaliex jidhrilhom li fostna hemm min jagħti importanza aktar lil principji milli lill-persuna fil-konkretezza tal-ħajja. Huma jinnutaw li fil-linji gwida li toffri l-komunita ekklezjali fil-kuntest taż-żwieġ u l-familja hemm insistenza aktar fuq “il-morali normattiva” (biex ikunu obduti l-liġijiet, il-kmandamenti u r-regoli dixxiplinari) milli fuq “il-morali tal-virtu”, fejn il-bniedem li hu maħtuf mill-ġmiel u t-tjubija tat-tajjeb (bene), jassumi “atteġġjamenti virtużi” u bil-mod il-mod jersaq lejn l-perfezzjoni. Kif tistqarr il-Kummissjoni Biblika Pontifiċja, “il-vlauri u l-virtu li jgħinu lil bniedem jgħix ir-rieda t’Alla, għandhom ikunu prattikati sakemm huwa possibli anke fiċ-ċirkustanżi fejn hemm id-dnub u n-nuqqas ta’ perfezzjoni fil-ħajja attwali, kif nsibu fil-parabboli tax-xibka u ta’ dak li ħareġ jiżra” (Bibbia e morale, radici bibliche dell’agire morale, 2008, 43).

Għalhekk bħala Knisja ma għandna nehdew qatt inxandru l-verita evanġelika dwar il-ħajja taż-żwieġ u l-familja u noffru kull opportunita biex kemm il-bniedem kif ukoll is-soċjeta jiskopru u jgħozzu l-ġmiel taż-żwieġ naturali kif ukoll taż-żwieġ sagrament li meta huwa ċċelebrat sewwa għandu rabta eterna; imma ikkunsidrata l-krizi antroplolġika li għandna llum, il-Knisja hija msejħa ukoll biex fuq l-ezempju ta’ Mose u tal-Appostlu Pawlu (1Kor 7) tkun strument ta’ medjazzjoni pastorali bejn l-ideali taż-żwieġ kif espressi fin-normi attwali u l-bniedem dgħajjef.

It-tradizzjoni tal-Knisja fl-Orjent filwaqt li bil-prinċipju tal-akribeia tosserva li ż-żwieġ sagrament huwa indissolubli, bit-tħaddim tal-principju tal-oikonomia twettaq dik il-medjazzjoni pastorali fi spirtu ta’ kondixxendenza, partikularment meta il-bniedem ikun f’qagħda rreversibli. Il-loġika tal-oikonomia hija l-loġika tal-approssimazzjoni tas-sitwazzjoni imperfetta ma’ l-ideal fil-kaz partikulari. Kull azzjoni umana hija f’tensjoni lejn l-ideali u għalhekk approssimazzjoni lejh. Ħajja moralment tajba ma tfissirx li l-bniedem huwa perfett, imma timplika l-impenn u t-taqbida ta’ min jemmen biex jilħaq il-perfezzjoni.

Permezz tal-oikonomia fil-kaz konkret issir eċċezzjoni għar-regola għax kieku l-istess regola kellha tkun applikata b’mod rigidu (akribeia), aktar tagħmel deni milli ġid. Kif josserva it-teologu Basilio Petra’, Origene “jammetti li din il-medjazzjoni pastorali tista ssir anke jekk twassal biex jidher li hemm kontradizzjoni mal-liġijiet. Għal Origine, is-setgħa pastorali tar-ragħajja mhix hemm sempliċament għas-servizz għall-liġi, imma għal ġid tan-nisrani u ma tistax tinsa l-qagħda konkreta li fiha jkun jinsab n-nisrani” (Divorzio e seconde nozze nella tradizione greca, 85).

Ir-rabta bejn l-akribeia u l-oikonomia tixbaħ ir- rabta bejn il- ġustizzja mifhuma bħala l-osservanza tal-liġi u l-ħniena pastorali Dawn ma humiex żewġ aspetti kontra xulxin, imma huma żewġ dimensjonijiet ta’ realtà waħda li tiżviluppa bil-mod il-mod sakemm tilħaq il-qofol tagħha fil-milja tal-imħabba. Kif jinnota l-Papa Franġisku l-vizjoni li l-Israelita tajjeb huwa biss dak li joqghod ghall-kmandamenti ta’ Alla, “mhux darba jew tnejn wasslet lill-bniedem biex jaqa’ fil-legaliżmu, għax tilef is-sens oriġinarju u dallam il-valur profond li għandha l-ġustizzja. Biex nissuperaw din il-perspettiva legalista, jeħtieġ niftakru li fl-Iskrittura Mqaddsa l-ġustizzja hi essenzjalment mifhuma bħala abbandun fiduċjuż f’idejn ir-rieda ta’ Alla ….Is-sejħa għall-osservanza tal-liġi ma tistax tnaqqar mill-attenzjoni lejn il-ħtiġijiet li jmissu d-dinjità tal-persuna” (Misericordia vultus, 20).

Biex naraw din il-bidla fil-paradigma tat-teologija morali, hija meħtieġa aktar attenzjoni biex ma noftmux id-duttrina mir-realta konkreta. Fi kliem Papa Franġisku dinir-rabta bejn id-duttrina u l-pastorali mhix għażla libera, imma neċessarja jekk irridu li t-teoloġija tkun waħda ekklezjai” . Jekk nirreduċu t-teologija għal “sistema magħluq”, it-teologija ssir ideologija. Meta t-teologija ssir ideologija, in-nisrani jitlef il-fidi u ma jibqax dixxiplu ta’ Gesu. “Irridu noqgħodu attenti li l-għarfien tagħna ta’ Ġesu ma nirrenduhx għarfien id
eoloġiku jew normattiv u hekk nagħqu l-bieb b’ħafna liġijiet”

Ruma, 10 ta’ Ottbru 2015

+ Mario Grech

Isqof ta’ Għawdex
President tal-Konferenza Episkopali Maltija

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading