L-Isqof Anton Teuma fil-Pontifikal ta’ Lejlet is-Solennità tat-Twelid ta’ Marija


It-Tnejn, 7 ta’ Settembru 2020: Omelija tal-E.T. Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex, fil-Pontifikal ta’ Lejlet is-Solennità tat-Twelid tal-Verġni Mqaddsa Marija fil-Bażilika ta’ Marija Bambina, ix-Xagħra.

Inkunu nirfsu fuq il-bniedem meta nillivellaw id-differenzi.

Biex titfakkar il-Festa Nazzjonali tal-Vitorja, kif inhi konswetudni kull sena lejlet is-Solennità tat-Twelid tal-Verġni Mbierka, l-ogħla Awtoritajiet Ċivili ta’ pajjiżna attendew għal Pontifikal Solenni fil-Bażilika ta’ Marija Bambina fix-Xagħra, nhar it-Tnejn 7 ta’ Settembru filgħaxija, li tmexxa għall-ewwel darba mill-Isqof il-ġdid ta’ Għawdex Mons. Anton Teuma, hu wkoll iben ir-raħal tax-Xagħra.

Quddiem il-ġemgħa, magħmula fost l-oħrajn mill-E.T. Dr George Vella, President ta’ Malta, l-Onor. Dr Robert Abela, Prim Ministru, u l-Onor. Dr Adrian Delia, Kap tal-Oppożizzjoni, kif ukoll l-Onor. Anġlu Farrugia, Speaker tal-Kamra tal-Parlament, kif ukoll bosta membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra, l-Isqof Teuma tkellem dwar ir-rebħiet tal-1565, l-1800 u l-1943 li kull sena nikkommemoraw nhar il-Vitorja.

“Imma naħseb tkun fqira wisq din iċ-ċelebrazzjoni jekk aħna noqogħdu nerġgħu nqajmu fina s-sentimenti ta’ superjorità u ta’ rabja, moħbija taħt sens falz ta’ patrijottiżmu, u nifirħu għal dawn il-kisbiet li għamilna”, qal l-Isqof Teuma. “Jekk illum għandna għax niċċelebraw, mhix għajr il-fidi tagħna fil-persuna ta’ Ġesù… ferħ għax baqgħet fostna l-Kelma tal-Vanġelu. U dawn baqgħu fostna mhux tant għax ta’ qabilna rebħu l-gwerer, imma għax ħadmu u stinkaw biex dan il-patrimonju soċjali u kulturali jibqa’ parti mit-tessut tal-poplu Malti u Għawdxi”.

L-Isqof Anton fakkar kif Alla qiegħed mal-bniedem u jrid isalvah, u dan jixhdu l-vanġelu mħabbar f’din il-festa (Mt 1:1-16,18-23) li jagħti l-ġenealoġija ta’ Ġesù u jinkludi apposta l-ismijiet ta’ erba’ nisa midinba u barranin kif ukoll ta’ bosta slaten li abbużaw mill-poter, proprju biex juri li “Alla jsalva lill-bniedem mis-sistemi ta’ sfruttament, fl-istorja kumplessa tal-bniedem, u jipproponi umanità ġdida – bniedem realizzat”.

F’Marija, mimlija bl-Ispirtu Santu, “Alla jipproponi umanità ġdida”, qal l-Isqof. F’dan id-dawl, il-komunità Nisranija hi msejħa tgħin lill-bnedmin jagħmlu esperjenza ta’ Alla, u mhux biss isiru jafu min hu Alla. “Mhux biżżejjed għalija Isqof li nkun naf nitkellem fuq Alla, imma jeħtieġ li jien ngħix dak li naf… Mhux biżżejjed għal parroċċa, dar tal-anzjani jew skola tal-Knisja li tiggarantixxi t-tagħlim dwar il-fidi. Dawn iridu joħolqu ambjent fejn it-tfal u l-anzjani tagħna jagħmlu esperjenza tal-fidi”.

L-Isqof Teuma wissa li “nkunu nfaqqru l-edukazzjoni f’pajjiżna jekk nillimitaw il-proposta edukattiva Kristjana biss għall-informazzjoni dwar il-fidi li tingħata fil-lezzjoni tar-Reliġjon. Il-liġi hi ugwali għal kulħadd, imma ma tkunx ta’ servizz għall-bniedem jekk tqis lil kulħadd l-istess. Il-proposta edukattiva Kristjana hija magħmula minn relazzjonijiet, atteġġjamenti, xewqat, biżgħat, skopijiet, li jmorru ħafna lil hinn mil-lezzjoni tar-Reliġjon. L-ugwaljanza tkun vera meta tirrispetta u tiġbor fiha d-differenzi, mhux meta tillivellahom”.

Huwa kompla jgħid li “nkunu nirfsu fuq il-bniedem meta nillivellaw id-differenzi tal-identità, tal-karattru, tal-valuri, u tal-personalità tiegħu u nirriduċuh għal sors ta’ informazzjoni – jiġifieri għal dak li studja – fil-funzjoni tal-post tax-xogħol. U dan bl-iskuża tal-ugwaljanza”.

Fl-omelija tiegħu l-Isqof temm jgħid li “meta ma naċċettawx id-differenza, nitilqu minn sens ta’ inferjorità u l-ieħor nimmaġinawh theddida, u għalhekk jinħoloq sens ta’ rabja, fejn ninħbew taħt l-ugwaljanza, biex nillivellaw u nfaqqru lil kulħadd”.

Din kienet l-ewwel okkażjoni formali li fiha l-Isqof Anton Teuma indirizza lill-mexxejja tal-Istat Malti, minn meta ġie kkonsagrat Ragħaj tad-Djoċesi ta’ Għawdex fil-21 ta’ Awwissu li għadda.

Ritratt: MGOZ

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.