Ittra tal-Isqof Mario Grech lill-aħwa fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

Print Friendly, PDF & Email

ITTRA
LIL ĦUTI FIL-FAĊILITÀ KORRETTIVA TA’ KORDIN

Ittra miktuba mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, wara li nhar l-Erbgħa 9 ta’ Diċembru 2015 fetaħ il-Bieb tal-Ħniena fil-Kappella tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, fil-preżenza tal-komunità tal- Patrijiet Franġiskani Kapuċċini flimkien mal-Provinċjal Patri Martin Micallef OFMCAP.

Għeżież,

Ma nsibx kliem biex irrodd ħajr lil Alla, lill-Patrijiet Kapuċċini u lilkom li llum tajtuni din l-opportunità sabiħa li ngħix din l-esperjenza tal-ħniena ta’ Alla hawn fil-ħabs. Ngħidilkom li bħalissa kull taħbita ta’ qalbi hija att ta’ mħabba biex nipprova nirreċiproka għal dik l-imħabba kbira li l-Mulej wera miegħi meta kont fostkom, partikularment xħin ftaħt il-“Bieb tal-Ħniena” u flimkien magħkom għamilt l-ewwel passaġġ tiegħi minn dan “il-bieb”.

Għal diversi motivi nħoss li llejla għexna mument uniku fl-istorja ta’ ġensna. Diġà mhux tas-soltu li fis-Sena tal-Ġublew il-“Bieb Qaddis” jinfetaħ fid-Djoċesi, għax is-soltu dan isir biss f’Ruma; imma l-Papa Franġisku ried li għall-ewwel darba fl-istorja tal-Knisja, f’kull djoċesi jkun hemm il-Bieb tal-Ġublew. Fil-fatt, l-ewwel “Bieb Qaddis” li aħna l- Isqfijiet ser niftħu l-Ħadd li ġej huwa dak taż-żewġ Katidrali tagħna. Imma f’dak li għamilna flimkien illejla nistgħu ngħidu li l-ewwel Bieb Qaddis li ftaħna f’pajjiżna f’dan l-ewwel Ġublew tal-Ħniena li qed niċċelebraw kien propju fil-ħabs. F’dan il-kuntest, il- ħabs huwa l-ewwel “Katidral ta’ pajjiżna” mhux biss għax għamilna dan ir-ritwal li għandu tifsira spiritwali profonda, imma wkoll għaliex huwa katedra pprivileġġjata li tista’ tkompli tgħinna nifhmu t-tifsira vera tal-Ġublew. Għax skont it-tradizzjoni antika, il-Ġublew huwa żmien fejn il-bniedem li għandu l-libertà tiegħu mxekkla jerġa’ jikseb il- ħelsien. Hija x-xewqa tal-Papa Franġisku li matul dan il-Ġublew aħna nġarrbu l-ħelsien sħiħ li joffrilna Ġesù Kristu, li huwa l-ħniena ta’ Alla li saret laħam. X’istituzzjoni oħra f’pajjiżna daqs il-ħabs tista’ tgħinna nixtarru dan il-messaġġ tal-Ġublew?

Agħmlu l-qalb għax mhux intom biss tinsabu f’ħabs; aħna lkoll għandna esperjenza ta’ “ħabs”: il-ħabs tal-egoiżmu, tal-għira, tal-mibegħda, tal-passat, tal-kilba għall-flus etċ. Id-differenza bejnkom li qegħdin ġewwa u bejna li qegħdin barra hija waħda: li intom għandkom iċ-ċella, il-bibien tal-ħadid u dak l-ambjent tqil li kontinwament ifakkarkom li intom qegħdin il-ħabs, mentri aħna li aħna fit-triq ma għandniex xi jfakkarna li minkejja li għandna l-libertà tal-moviment, aħna nistgħu nkunu priġunieri ta’ ħafna affarijiet. Intom li qegħdin wara l-grada u tixxennqu biex toħorġu, kapaċi taħdmu fuqkom infuskom biex tirriabilitaw ruħkom, mentri aħna, ladarba ma aħniex konxji tal-għamliet ta’ skjavitù interjuri li għandna, ma nixxennqux biex nirriformaw ruħna. Hawn ġew mhux lakemm wieħed “jidra” in-nuqqas ta’ libertà, imma aħna ta’ barra “drajna” ngħixu

b’ħafna rbit, xi drabi anki fi ħbula ħoxnin. F’ċertu sens intom, għeżież ħuti, tistgħu tgħinuna ngħixu aħjar il-Ġublew tal-Ħniena.

Jien konxju li intom għandkom ħafna bibien imbarrati. Inħoss għalikom meta naf li ħafna drabi anki meta toħorġu mill-ħabs, intom tibqgħu ssibu bibien magħluqa għalikom. Darba, wieħed li skonta s-sentenza ta’ ħabs qalli kemm wara li ħareġ mill-ħabs ħabbat diversi bibien (familja, xogħol, ħbieb, etċ) u ħadd ma fetaħlu. Stqarrli li bieb wieħed sab miftuħ: il-bieb ta’ Alla! Irrakkontali kif meta ħadd ma tah wiċċ, hu kien imur f’riġlejn Ġesù u hemm kien isib il-faraġ u s-serħan. Dan kien konvint li meta qabad il-ħabbata tal- bieb ta’ Ġesù, Ġesù fetaħlu. Kemm feraħ dan ir-raġel meta fissirtlu li mhux hu ħabbat fuq il-bieb ta’ Ġesù, imma kien Ġesù li ħabbatlu fuq il-bieb ta’ qalbu u hu daħħlu joqgħod għandu. Dan l-eks-ħabsi ma setax jifhem kif Ġesù jidħol ipoġġi għandu meta hu kellu storja kollha żbalji koroh tant li sħabu l-bnedmin stess qalftuh ’il barra! Imma dan hu Ġesù – li madwar il-mejda tiegħu ma jridx biss lil dawk libsin sabiħ, imma lil dawk li l-libsa tagħhom hija mċarrta, imtebbgħa, tinten bil-ħmieġ! Iva, Alla tagħna għandu “difett” – għajnejh jaqgħu fuq il-miskin, il-miżeru, il-midneb. Il-Ħniena tiegħu hija bla tarf u ma jafx iżommha għalih, imma jixtieq jaqsamha ma’ min jeħtieġha. Għalhekk iħabbat fuq bibien strambi – bibien mibruxa, żdingati, sfrondati u abbandunati. Anzi, hu lest li jibdlilna dawn it-tipi ta’ bibien… u Hu jsir il-“bieb” tagħna. Dan huwa l-Ġublew tal-Ħniena! Niftħulu għax hu jista’ joħroġna mill-“ħabs”.

Alla Ħanin għandu l-qawwa li joħroġkom mill-“ħabs” ġewwieni tagħkom. Nistħajjel li hawn min qiegħed fil-“ħabs” tar-rimors li għandu minħabba l-imgħoddi tiegħu. Nifhem li mhux faċli li wieħed jaħfer lilu nnifsu u d-dispjaċir għad-deni li jkun għamel jibqagħlu ġerħa miftuħa. Nifhem li hemm min fostkom iħossu magħluq fil-ħabs tar-rabja għal min kien il-kawża li wasslitu biex għamel żball u hekk sab ruħu l-ħabs. Ma neskludix li hawn min għandu għas-soċjetà li ma ħaditx ħsiebu biżżejjed biex seta’ jevita li jikser il-liġi. Nifhem li jista’ jkun hawn min huwa mweġġa’ għax mhux konvint li saret ġustizzja miegħu. Wieħed jaf ikun ukoll maħkum mis-suppervja li ma tħallihx jammetti d-dgħufija tiegħu u dan itellef il-proċess tar-riabilitazzjoni. F’din is-Sena Mqaddsa Ġesù jixtieq idewqek il-ħelsien – hu stess jgħid li l-Missier bagħtu biex jagħti l-ħelsien lill-imjassrin (Lq 4,18). Dan l-aħħar il-Papa Franġisku kiteb hekk dwarkom li qegħdin fil-ħabs: “Jekk kull darba li huma [il-ħabsin] jgħaddu mill-bieb taċ-ċella tagħhom, u huma jerfgħu l- ħsieb lejn il-Missier u jgħidu talba, il-bieb taċ-ċella jsir ‘Bieb Qaddis’ għax il-Ħniena ta’ Alla għandha l-qawwa li tibdel il-qlub, hija kapaċi wkoll tibdel l-iżbarra f’esperjenza ta’ ħelsien”.

Imma għandi xewqa kbira li din il-ġrajja li qed ngħix magħkom illum tibgħat messaġġ lis-soċjetà biex hija wkoll tapprofitta minn din is-sena tal-Ġublew tal-Ħniena billi tirrevedi l-attitudni tagħha magħkom, ħutna fil-ħabs. Kemm għandna bżonn induqu l- ħniena ta’ Alla biex inneħħu l-preġudizzji li għandna kontra dawk li jkunu f’din il-faċilità korrettiva. Meta nqis l-istigma li ngħabbu biha lil min joħroġ mill-ħabs, nirrealizza li s- sentenza li tagħti s-soċjetà hija wisq aktar ħarxa mis-sentenzi mogħtija mill-Qrati. Il- Ġublew huwa żmien biex niċċelebraw il-maħfra. Ladarba Alla jaħfer u jinsa l-għeltijiet tagħna, għaliex aħna daqshekk tqal biex naħfru u nagħdru? Imbagħad kemm nixtieq li kif qal il-Papa Franġisku meta l-Ħadd li għadda fetaħ il-Ġublew, il-ġustizzja tkun

imsieħba mill-ħniena! “Inħennu bħall-Missier”. Li wieħed juri ħniena mhix dgħufija, ta’ min hu timidu, jew xi għamla ta’ boniżmu, imma hija eżerċizzju għoli ta’ kif wieħed ikun responsabbli. Fis-soċjetà ma jistax ikun hemm ordni mingħajr ġustizzja, imma mhemmx ġustizzja mingħajr ħniena.

Imbagħad nixtieq ukoll li din il-festa li għamilna flimkien illum tibgħat messaġġ qawwi lilna bħala Knisja f’pajjiżna. Il-fatt li l-Providenza riedet li kontra kull indikazzjoni l- ewwel Bieb Qaddis niftħuh flimkien magħkom il-ħabsin, għalija huwa sinjal ieħor biex il-Knisja tagħna jkollha l-kuraġġ li tagħmel għażliet favur dawk li huma fil-ġenb u mhux ma dawk li huma fiċ-ċentru tas-soċjetà; li tagħżel li l-ħbieb tagħha huma d-dgħajfin u mhux in-nies tal-poter; li tirrikonoxxi lilha nfisha bħala “komunità tal-imperfetti” u fi ħdanha hemm post għal kulħadd, anki għal dawk li sabu ruħhom jew tqiegħdu fit-truf. F’ċertu sens, il-Knisja tagħna wkoll għandha bżonn ta’ dan il-Ġublew tal-Ħniena biex xi wħud jitgħallmu li Alla ħniena jrid u mhux sagrifiċċju. Inħoss ħafna meta nara li ma’ djulna għad għandna min jitfixkel għax jara lil min mhux perfett (imma jrid jimxi lejn il- perfezzjoni) jidħol u jsib postu fil-komunità. L-iskandlu veru hu meta flok ma nkunu bħal Kristu, il-Bieb miftuħ beraħ biex il-bniedem jirċievi t-tmellisa ta’ Alla, aħna nagħlqu l-bieb b’ġebel mejjet ta’ Vanġelu induttrinat jew bi spiritwalità illużorja.

Nagħlaq billi filwaqt li nħeġġiġkom tiftħu l-bieb ta’ qlubkom biex Ġesù jkun is-sieħeb tagħkom u jdewwaqkom il-benna tat-tjubija tiegħu li tagħmilkom ħielsa anki jekk fiżikament qegħdin magħluqa, nirrakkomandalkom titolbu għall-Knisja u għas-soċjetà biex nagħrfu napprofittaw minn dan il-Ġublew tal-Ħniena li matulu Alla ser jgħaddi minn maġenbna u minn fostna.

Nitlob fuqkom il-barka ta’Alla,

Mario Grech Isqof ta’ Għawdex

9 ta’ Diċembru 2015

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading