Messaġġ tal-Isqof Mario Grech lil dawk li ser jirċievu l-Ewwel Tqarbina u l-Griżma tal-Isqof

Print Friendly, PDF & Email

L-IRĦIS, GĦOLI!
Messaġġ lil dawk li ser jirċievu l-Ewwel Tqarbina u l-Griżma tal-Isqof

L-esperjenza tgħallimna kemm huwa minnu li “l-irħis, għoli”. Dan spiss jiġri meta biex taparsi niffrankaw xi ħaġa, nixtru oġġett li ma jkunx jiswa ħafna, imbagħad insibu li huwa ta’ kwalità inferjuri; imma dan jiġri wkoll meta wieħed ikun moħħ ir-riħ u jgħaddi ħajtu jaħli ż-żmien u jiskarta kull għamla ta’ impenn. Min fil-ħajja jieħu dan l-atteġġjament, faċli jaħseb li f’konfront ma’ dawk li huma attenti biex jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom, hu jkun qed igawdi! Imma min jaħseb hekk jarrilu, għax jgħaddu ftit tas-snin u malajr jiġi f’tiegħu li f’ħajtu jkun ħela opportunitajiet kbar – jiftaħ għajnejh u jinduna li “l-irħis, għoli”.

Dan jiġri lil dawk l-istudenti li jittraskuraw l-istudji tagħhom biex joqogħdu jinħlew ħalli taparsi jiddevertu; jippreferu jilagħbu milli jimpenjaw ruħhom għall-iskola għax l-istudju huwa iebes! Imbagħad jikbru u malajr jintebħu kemm kien jiswielhom kieku “batew” ftit u studjaw.

L-istess jiġri fl-isports. It-taħriġ u l-eżerċizzju jitolbu impenn u sagrifiċċju tant li jkun hemm min jittraskura d-dixxiplina sportiva għax ma jkunx irid “ibati”. Imma jekk plejer joħroġ jilgħab logħba mingħajr ma jkun għamel it-taħriġ, dritt jibda jitkagħweġ bl-uġigħ tal-muskoli u jegħja. Huwa l-każ tal-irħis, għoli!

Dan jiġri wkoll fl-impenn biex kull wieħed jibni l-karattru tiegħu. Ħadd minna ma huwa perfett, imma kollha nistgħu ntejbu lilna nfusna – jiddependi minn kemm wieħed jaħdem fuqu nnifsu. Imma biex tonġor lilek innifsek, trid ħafna dixxiplina fuqek innifsek – trid tbati. Imma wieħed jista’ jittraskura u ma jagħtix kas tad-difetti li jkollu. Ma jbatix. Imma mbagħad il-kefen biss itemm fina d-difetti tagħna.

Huwa f’dan is-sens li Ġesù jgħidilna li għad inġarrbu n-niket, imma n-niket tagħna għad jinbidel f’hena (ara Ġw 16:22). Mhux għaliex Ġesù jridna nbatu jew inkunu mdejqin; imma Ġesù jistedinna biex “naħdmu” fuqna nfusna ħalli nikkoreġu ċerti atteġġjamenti. Nagħti ftit eżempji. Kemm irid jgħasses fuqu nnifsu wieħed li s-soltu jpaċpaċ kontra sħabu! Lanqas ma huwa faċli li wieħed irażżan il-qilla u r-rabja lejn l-oħrajn. Altru li wieħed irid “imut” għalih innifsu biex jasal ħalli jaħfer lil min jagħmillu l-ħsara. Naturalment anki f’dawn l-aspetti, wieħed jista’ jiġi jaqa’ u jqum u jagħmel fattih… imma dan huwa l-każ tal-irħis għoli!

Nifhem li dawn l-eżerċizzji ma humiex ħfief; imma Ġesù jagħtina l-għajnuna u jieqaf magħna. Għalhekk ħallielna Ġismu bħala ikel… barra minn hekk hu bagħat fuqna l-Ispirtu s-Santu biex jgħinna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna.

Għalhekk minn qalbi nawgura lil dawk li ser jirċievu l-Ewwel Tqarbina u lill-adolexxenti li ser jersqu għas-sagrament tal-Konfirmazzjoni, biex fil-ħajja ma jċedux għat-tentazzjoni li jiġru wara dak li huwa “irħis”… għax kif jgħid il-qawl, l-irħis għoli!

Mill-Kurja, il-Belt Victoria, illum 16 ta’ Mejju 2015.

Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading