Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Quddiesa tal-Għeluq tas-Sena Formattiva fis-Seminarju Maġġuri


Omelija fil-Quddiesa tal-Għeluq
tas-Sena Formattiva fis-Seminarju Maġġuri
bis-sehem tal-ġenituri u l-membri tal-Għaqda Ħbieb tas-Seminarju
Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Belt Victoria
It-Tnejn 15 ta’ Ġunju 2015
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

SEMINARISTI ESPERTI FL-UMANITÀ

Ma tridx wisq għerf biex tintebaħ li aħna l-bnedmin għandna natural imfaqqam! Fis-sens li kulħadd jaf li minn qaddisu l-bniedem spiss huwa ttentat li jimxi bil-prinċipju ta’ “għajn b’għajn u sinna b’sinna”. Ma trid tagħmel ebda sforz biex min jagħtik daqqa ta’ ħarta fuq ħaddek, int ixxarrablu oħra, jew lil min jagħmilllek id-deni, tpattihielu b’deni ieħor. Sfortunatament din hija l-għaġna naturali tagħna l-bnedmin. Propju għal din ir-raġuni ħafna proposti tal-Vanġelu jikkuntrastaw qatigħ mal-ħajja ordinarja tagħna – mhux faċli taħfer, tħobb lill-għadu tiegħek, u l-bqija.

Wieħed mill-passaġġi iebsin li nsibu fil-Vanġelu hu meta Ġesù jgħidilna biex lill-bniedem ħażin ma niqfulux; “anzi, jekk xi ħadd jagħtik daqqa ta’ ħarta fuq ħaddek tal-lemin, dawwarlu l-ieħor ukoll; u lil min ikun irid itellgħek il-qorti u jeħodlok il-libsa, ħallilu wkoll il-mantar”. Jien nifhem li hawnhekk Ġesù qiegħed jisħaq fuq il-ħtieġa li aħna naħdmu biex nikkoreġu l-umanità dgħajfa tagħna. L-esperjenza tgħallimna li meta nħallu l-istint naturali jmexxina, spiss nidħlu ġol-ħajt u nagħmlu l-ħsara madwarna u lilna nfusna. Aħna għandna ħafna impulsi negattivi – rabja, vendetta, għira, kilba, u oħrajn – li ma nistgħux inħalluhom jaħdmu fina mingħajr ebda riedni, għax jgħaxxquhielna u jneżżgħuna mid-dinjità umana tagħna. Għalhekk, bil-kelma tiegħu Ġesù jgħinna nirriformaw il-karattru tagħna biex inkunu aktar umani.

Jekk dan japplika għal kull persuna, bir-raġun jgħodd għalina s-saċerdoti li qabel ma aħna “ministri ta’ Alla”, aħna bnedmin. L-umanità tagħna hija kanal importanti biex il-grazzja u l-Bxara t-tajba jaslu għand il-bnedmin, u għalhekk ma nistgħux nippermettu li jkollna “umanità mfaqqma”. X’jiswa jekk saċerdot ikollu kelma sabiħa biex jipprietka l-Vanġelu, imbagħad ikun umanament fqir (goff, jirrabja u jaħtaf in-nies, insensittiv, ġelliedi, u l-bqija)? Saċerdot li jkollu dawn id-defiċjenzi umani jirrendi s-saċerdozju tiegħu flat! Ħafna darbi l-azzjoni pastorali tagħna s-saċerdoti titlob li flok ma nipprietkaw jew niktbu, aħna nuru atteġġjamenti umani. L-umanità tagħna hija strument tajjeb għall-evanġelizzazzjoni.

Huwa għalhekk li fil-programm tal-formazzjoni li jipproponi s-Seminarju tagħna tingħata importanza lid-dimensjoni umana tas-seminaristi. Il-formazzjni akkademika, spiritwali u pastorali huma meħtieġa; imma l-pedament ta’ kollox hija l-umanità. Uħud mill-aspetti umani importanti li ma għandhomx ikunu ttraskurati huma l-virtujiet umani, l-affettività, il-libertà u l-ħila relazzjonali. Jekk din il-formazjoni umana tfellaq, hemm riskju li anki l-aspetti formattivi l-oħra (intellettwali, spiritwali u pastorali) ikunu zopop. Għodod importanti fil-formazzjoni umana huma x-xjenzi umani (bħalma hiija l-psikoloġija); imma l-aqwa ħaġa li tista’ tħalli impatt fit-tiswir tal-karattru u l-personalità tas-seminarista hija l-laqgħa personali u intima ma’ Ġesù Kristu – Alla li sar bniedem biex juri lill-bniedem min hu l-veru bniedem.

Aġent importanti fil-formazzjoni umana tas-seminaristi hija l-familja. Filwaqt li dawk responsabbli mill-formazzjoni fis-Seminarju jakkumpanjaw lil dawn il-ġuvintur, il-familja (speċjalment il-ġenituri) tkompli tgħin fit-tiswir tal-umanità ta’ dawn is-saċerdoti futuri. Is-sehem li tagħti l-familja, forġa tal-karattru, huwa indispensabbli, u ta’ dan jien inħossni grat ħafna u nawgura li jkun hemm aktar kollaborazzjoni bejn id-direzzjoni tas-Seminarju u l-familji tas-seminaristi biex is-servizz tagħna f’dan il-qasam ikun mill-aħjar.

Aħna s-saċerdoti ma nistgħux nittolleraw li jkollna umanità medjokri. Kif kien jgħid il-Papa San Ġwanni Pawlu II, is-saċerdot qabel ma huwa “bniedem ta’ Alla” għandu jkun “umanament integru”; aktar minn saċerdoti għorrief, elokwenti u aġġornati, is-soċjetà tixtieq saċerdoti esperti fl-umanità. Huwa biss jekk aħna s-saċerdoti jkollna din il-milja ta’ umanità li nistgħu nqanqlu l-kurżità fl-oħrajn li jistaqsu x’inhu s-sigriet ta’ ħajja sabiħa u bis-sens.