Omelija tal-Isqof Mario Grech fis-Solennità tal-Għid il-Kbir tal-Qawmien tal-Mulej


Omelija fis-Solennità tal-Għid il-Kbir tal-Qawmien tal-Mulej
Bażilika San Ġorġ, il-Belt Victoria, Għawdex
Ħadd il-Għid, 5 ta’ April 2015
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

NOĦORĠU NXANDRU L-VANĠELU TAL-IRXOXT FIT-TOROQ TAGĦNA

Il-Mulej Ġesù qam mill-mewt! Mhux biss, imma jrid lilek tipparteċipa minn dan il-ferħ. Naf illi qed nagħmel proposta li ħafna minna – jiena inkluż – ma nifhmuhiex biżżejjed. U għalkemm il-Knisja f’dan il-lejl, f’dawn il-jiem, tintonalna l-Hallelujah, u forsi aħna nkantawha, imma hemm min ikantaha bi drawwa jew b’mod sfurzat jew ma jkantaha xejn għaliex ma jkunx ġarrab l-esperjenza ta’ Kristu Rxoxt. Għandna raġuni għaliex inħossuna hekk: għaliex kif jgħid San Pietru, Kristu rxuxtat ma deherx lil kulħadd, imma deher lill-magħżulin. U jien nistaqsi, bl-ikbar sinċerità, anki jekk jien Isqof: Imma jien wieħed mill-magħżulin? Huwa normali li aħna, li nafu lilna nfusna, nafu ċ-ċokon u l-miżerja tagħna, inqanqlu domandi ta’ din ix-xorta.

Imma rrid nagħmlilkom il-qalb għax għandna indikazzjonijiet li kull wieħed u waħda minna hu magħżul biex illum jagħmel din l-esperjenza tremenda ta’ Kristu li jirbaħ fuq il-mewt. Fil-fatt Kristu lil min jidher wara li qam mill-mewt? Deher lil Pietru; imma nafu li Pietru huwa dak li beka dmugħ tad-demm talli ċaħad lil Kristu. Minkejja kollox, Pietru huwa wieħed minn dawk li l-Mulej tah il-grazzja li jġarrab il-ferħ tal-Qawmien.

Il-Vanġelu jkellimna wkoll dwar Mirjam ta’ Magdala. Fil-Vanġelu nsibu li darba din il-mara kellha fiha seba’ xjaten. Issa fl-Iskrittura n-numru sebgħa huwa n-numru perfett – ifisser il-milja. Mela din il-mara kienet dik li kienet mimlija bl-ispirtu ħażin li kien jittormentaha; imma kienet ukoll dik li għamlet esperjenza tal-imħabba ta’ Kristu li ħafrilha; mhux biss, imma baqa’ jħobbha.

Fil-fatt, wieħed mill-vanġeli apokrafi – il-Vanġelu ta’ Filippu – għandu espressjoni qawwija dwar ir-relazzjoni ta’ Kristu ma’ din il-midinba. F’dan il-vanġelu nsibu li Kristu kien iħobbha iktar mid-dixxipli l-oħra. Tant kien iħobbha li kien ibusha fuq xufftejha. L-interpretazzjoni ta’ dan hija differenti minn dik li Dan Brown jagħti fil-ktieb tiegħu The Da Vinci Code; fl-Iskrittura nsibu li “l-Għerf ta’ Alla joħroġ minn fomm il-Għoli” (Sir 24:3); għalhekk meta Alla jbus fuq ix-xufftejn ifisser li jkun qed jikkomunikalna l-għerf tiegħu. Daqshekk kien iħobbha lil Mirjam ta’ Magdala: għaddielha l-għerf tiegħu!

Bilfors trid tkun tħobb persuna biex issejħilha b’ismiha. Jien min isejjaħli bit-titli, ngħid dan għadu ma jafnix; imma lil min isejjaħli b’ismi nagħrfu bħala persuna li tħobbni. Kristu Rxoxt hekk għamel ma’ Mirjam ta’ Magdala – sejħilha b’isimha: “Mirjam”; u hi ssejjaħlu b’ismu: “Rabbuni”. Hemm mistiku tas-seklu erbatax, Meister Eckhart, li għandu meditazzjoni sabiħa fuq Mirjam ta’ Magdala, u jgħid illi bejn Mirjam u Kristu kien hemm relazzjoni tant intima li l-qalb tagħha kienet fejn kien hemm il-qalb tiegħu. “Hija marret ħdejn il-qabar għaliex kienet ‘tiegħu’… fejn kien Hu, kienet qalbha”. Kien għalhekk li Mirjam ta’ Magdala, għalkemm kien għadu billejl, filwaqt li d-dixxipli mbeżżgħa ħasbu għal rashom u ngħalqu fil-kamra, din issib il-kuraġġ toħroġ u tmur fil-ġnien fejn difnu lil Ġesù: għax qalbha kienet fejn kien hemm qalbu. Għalhekk Mirjam ta’ Magdala tintona silta mill-Għanja tal-Għanjiet, wieħed mill-kotba sbieħ tal-Iskrittura, u tgħid: “Ħa nqum u mmur indur mal-belt u fit-triqat u l-pjazez, noqgħod infittex il-maħbub ta’ qalbi” (3:2).

Din hija Mirjam ta’ Magdala. Jiena nsibni fiż-żarbun tagħha għax bħalha jien ukoll midneb maħbub minn Ġesù. Nixtieqek li anki int issib f’Mirjam ta’ Magdala r-raġuni biex tqum u toħroġ, ħalli tfittex il-Maħbub tiegħek, li llum qam mill-mewt. Min tassew irċieva l-bewsa ta’ Kristu, min irċieva dan l-għerf divin, min tassew għandu qalbu tħabbat mal-qalb tal-Maħbub… m’għandux għalfejn jibża’ u joħroġ fit-toroq ifittex lil Ġesù. Ma nibqgħux Knisja magħluqa, Knisja li tinġabar biss bejn l-erba’ ħitan, imma, kif jgħid il-Papa Franġisku, irridu noħorġu fit-toroq tagħna. Daqskemm aħna konvinti li Kristu ħaj huwa preżenti fl-Ewkaristija Mqaddsa, fis-Sagramenti li niċċelebraw u fostna bħala l-miġemgħa miġbura f’ismu, aħna rridu nkunu konvinti wkoll li hemm barra “fis-suq” hemm il-preżenza ta’ Kristu. Ejjew ma nibqgħux magħluqin, u ma nibżgħux nixirfu ’l barra mill-bibien magħluqa tagħna! Inkella jiġrilna bħall-Appostli – ningħalqu fiċ-Ċenaklu bir-riskju li ma nintebħux li Kristu qam mill-mewt u nitilfu l-opportunità li niltaqgħu ma’ Kristu preżenti hemm barra.

Mirjam ta’ Magdala, li kellha din l-imħabba għal Kristu, iktar minn Pietru u Ġwanni, tmur tfittex lil Kristu fejn kien hemm ir-riħa tal-mewt, it-taħsir, il-falliment. Hija tmur tfittex lil Kristu fejn kien hemm ir-riħa tad-dnub. Anki aħna jrid ikollna dan id-dawl li daqskemm nemmnu li Kristu huwa preżenti hawn fostna, Kristu jaf ikun preżenti wkoll f’dawk l-esperjenzi tagħna l-bnedmin fejn hemm it-taħsir, it-tiksir, il-fallimenti, ir-riħa ta’ mewt.

Bħal Mirjam ta’ Magdala, bħala l-Knisja, int u jien m’għandniex nibżgħu nħallu dawn l-ambjenti żguri u ċerti tagħna u noħorġu fit-toroq tagħna ħalli nfittxu l-preżenza ta’ Ġesù f’dawn l-esperjenzi negattivi tiegħi u tiegħek. Ma nistax nifhem ċerta reżistenza li hemm fostna biex aħna niftħu l-bieb u niltaqgħu mal-bniedem, ma’ dawk l-esperjenzi li jidhru li għandhom riħa ta’ qabar imma li bħal Mirjam ta’ Magdala nistgħu nissorprendu ruħna, għaliex anki fil-ħajja ta’ dik il-persuna, ta’ dik il-koppja, ta’ dik il-komunità jaf ikun hemm il-preżenza ta’ Kristu Rxuxtat.

Dawn huma l-awgurji tal-Għid it-tajjeb li nagħmel lil kull wieħed u waħda minna: nawgura li l-Knisja tagħna tkun Knisja li tassew temmen li Kristu qam mill-mewt! Il-Qawmien tiegħu jissarraf fil-maħfra; imma aħna ma nemmnux li Kristu jaħfer! Ma nemmnux fil-miżerikordja ta’ Alla! Huma l-awgurji biex int u jien ma naqtgħux qalbna u frott ta’ din l-esperjenza tal-Qawmien ta’ Kristu nħossuna mibgħuta bħal Mirjam ta’ Magdala biex inxandru, jekk hemm bżonn anki lil Pietru u lil Ġwanni, li Kristu qam mill-mewt!