Omelija tal-Isqof Mario Grech fiċ-Ċelebrazzjoni tas-Siegħa tal-Omm


Omelija fiċ-Ċelebrazzjoni tas-Siegħa tal-Omm
Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb
Sibt il-Għid, 4 ta’ April 2015
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

MARIJA TISQINA L-ĦALIB

Qegħdin niċċelebraw is-Siegħa tal-Omm. Għadha friska t-tiċrita ta’ qalbha kkawżata mill-qtil ta’ Binha; imma hemm raġuni oħra li tkattar id-dulur ta’ Marija.

Fuq is-salib, ftit qabel ma miet, waqt li indikalha lil Ġwanni, Ġesù qal lil Marija: “Mara, dan hu Ibnek”. Dan il-kliem kien sejf ieħor li nifdilha qalbha għax Ġesù kien qed jitlobha tinfatam minnu u toffri l-maternità divina tagħha biex tkun Omm il-bnedmin, irrappreżentati fil-persuna ta’ Ġwanni. Fi kliem il-Papa Piju XII, f’dawk il-mumenti għamlet “olokawst (ħarqet) tad-drittijiet materni tagħha u l-imħabba materna tagħha lejn Binha”.

Għalhekk, ħdejn is-salib, fil-qalb u fil-moħħ ta’ Marija beda proċess biex hi ssir Omm il-bnedmin kollha. Fuq il-Kalvarju, Marija taċċetta li tkun Omm il-Knisja. Kif f’Nazareth kien bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li Marija saret Omm l-Iben ta’ Alla li sar bniedem, hekk ukoll fuq il-Kalvarju, meta Ġesù “radd ruħu” fis-sens li tana l-Ispirtu tiegħu, l-Ispirtu reġa’ strieħ fuq Marija biex inissel fi ħdanha l-Knisja li b’mod misterjuż tħaddan lill-bnedmin kollha. Kif f’Nazareth, Marija qalet lill-anġlu: “Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej” – tweġiba li switilha ħafna –, hekk ukoll ħdejn is-salib Marija ttenni l-“iva” tagħha, tiswa liema prezz tiswa. Marija turi li hija lesta tinqata’ minn Binha, li taħraq ir-relazzjoni naturali li bniet miegħu, biex tkun Omm Ġwanni, Omm il-Knisja u Omm l-umanità.

Dan ifisser li Marija hawnhekk qed tifrex il-mant tal-maternità tagħha fuq il-bnedmin kollha għaliex kollha huma wliedha, ħadd eskluż. Fil-persuna ta’ Ġwanni, Marija tħaddan lil kull bniedem għax f’kull persuna hija tilmaħ mhux biss lil Ġwanni, imma lil Kristu li qal li kulma nagħmlu mal-iċken wieħed fostna, qed nagħmluh miegħu. Għalhekk f’dan is-skiet kontemplattiv tal-jum ta’ Sibt il-Għid aħna nsibu konsolazzjoni kbira, għaliex f’din is-siegħa nistgħu nitgeddsu madwar Marija Ommna. U kif meta l-Omm tiled, ikollha l-ħalib naturali biex tredda’ lil uliedha, issa li Marija qiegħda tilidna bħala Knisja, nistħajjilha qiegħda toffri l-ħalib lil uliedha kollha mingħajr ebda eċċezzjoni – hija tisqi lil kulħadd! Anzi, aktar ma ċ-ċkejken ikun magħkus, magħdur u marid, din l-Omm ma tehdiex treddgħu anki jekk tweġġa’.

Aħna bħala Knisja f’Marija mhux biss infittxu li nistkennu, imma rridu nfittxu nimitawha fil-maternità tagħha. F’dan il-jum għażiż, nitolbu lill-Madonna biex fuq l-eżempju tagħha, il-Knisja tagħna tkun verament omm li tgħożż u tħaddan lil kulħadd. Ma għandna nippermettu qatt li jkun hemm xi ħadd, tkun xi tkun il-kundizzjoni fiżika, spiritwali u morali tiegħu, li jiddubita mill-maternità tal-Knisja jew iħoss li l-Knisja mhix omm tiegħu. Huwa dmir tal-Knisja Omm li tradda’ lil uliedha kemm billi twasslilhom il-Kelma, li jixxenqu għaliha bħala ħalib safi (ara 1 Piet 1:23), u billi tagħtihom is-sagramenti. Anki jekk il-Knisja Omm, għal xi raġuni jew oħra tħoss li għadha ma tistax toffri l-ħalib tagħha lil kulħadd, lil min qed ifittex dan in-nutriment u s’issa għadu ma jistax jirċevih mingħand il-Knisja Omm, illum ngħidlu biex jiġri għand Marija, Omm il-Knisja Ommna, u jħalli lil Marija treddgħu bil-ħalib tagħha.

Megħjunin mill-kura materna ta’ Marija, nagħrfu nsibu rkaptu kif ngħaddu minn kull xorta ta’ wied tad-dmugħ li nsibu rwieħna fih – jirnexxielna ngħaddu mill-Passjoni u l-Mewt għall-Qawmien flimkien ma’ Ġesù Kristu. Amen.