L-Isqof Mario Grech lil-Leġjunarji ta’ Marija

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 12 ta’ Settembru 2020: Omelija tal-Isqof Mario Grech lil-Leġjunarji ta’ Marija fil-ftuħ taċ-ċelebrazzjonijiet biex ifakkru l-mitt sena mit-twaqqif tal-Leġjun ta’ Marija fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta Pinu, l-Għarb.

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/898310428″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”true” /]

IR-RIVOLUZZJONI BIL-MAĦFRA

Wieħed ħassieb, Jacques Derrida, iżomm li huwa umanament impossibbli li l-bniedem jaħfer. Ħassieb ieħor, Paul Ricoeur, jgħid illi huwa diffiċli ħafna li wieħed jaħfer. Il-maħfra hija diffiċli biex joffriha min ikun għadu bit-tbenġila ta’ xi azzjoni inġusta ta’ ħaddieħor; huwa diffiċli wkoll għal min ikun ser jirċievi l-maħfra, għax xi drabi d-dispjaċir li wieħed ikollu minħabba l-azzjoni li jkun wettaq, ma jħallihx jilqa’ l-maħfra. Forsi għalhekk allura l-kelma “maħfra” mhix fil-pakkett kulturali tagħna.

Meta fil-Vanġelu tal-lum Ġesù jitkellem dwar il-maħfra (Mt 18:21-29), hu qed jagħmlilna proposta li taf tkun balzmu li jfejjaq ħafna ġerħat. Mhix proposta għalkollox reliġjuża, għax għandha ħafna mill-uman. Hija proposta li kapaċi tikkawża rivoluzzjoni. Ħafna drabi wieħed ikun rivoluzzjonarju għax ikun jaħseb barra mill-kaxxa; u meta Ġesù qed jistedinna biex naħfru, meta Ġesù qed jappella lis-soċjetà biex tinnamra ma’ dan il-kunċett tal-maħfra, huwa qed joffri l-muftieħ mhux biss biex ikun hemm l-ordni morali, soċjali u ekonomiku, imma biex ikollna l-paċi.

Il-ġustizzja waħidha mhix garanzija għall-paċi. Fil-fatt, fis-soċjetà tagħna l-ġustizzja hija servuta. Biżżejjed wieħed jaqbad il-ġurnali u kuljum ikun hemm stejjer mill-qrati tal-ġustizzja. Imma minkejja li għandna l-għodda biex tiġi applikata l-ġustizzja, qed ngħixu fil-paċi? Min jirbaħ kawża l-Qorti jew min jara lil min ikun wettaq ir-reat jieħu s-sentenza għandu paċi f’qalbu? L-għajta għall-ġustizzja hija f’lokha u meħtieġa, imma biex id-diskors ikun sħiħ din l-għajta trid tkun imsieħba mal-għajta favur il-maħfra.

Il-maħfra tħawwad u tkisser il-loġika tal-penali. Il-liġi penali tgħid li jekk wieħed jinstab ħati li kisser siġġu, ikollu jħallas ta’ din il-ħsara b’piena ta’ flus jew ta’ ħabs. Tajjeb niftakru fil-prinċipju ta’ Ċiċerun li kien jgħid li xi drabi “summum ius, summa iniuria” – meta l-liġi tkun applikata b’mod rigoruż biex issir il-ġustizzja, faċli li fl-istess waqt issir ukoll inġustizzja.

Huwa minnu li ħafna jiġru wara l-ġustizzja, imma l-motivazzjoni mhux dejjem tkun evidenti. Xi drabi l-għajta biex issir ġustizzja taf tkun taħbi l-vendetta, l-għadab u l-qilla. Bħal qisu min ikun weġġa’, ma jistrieħx qabel ma jara lill-ħati jweġġa’. Forsi għalhekk ukoll jiġri li għalkemm min huwa ħati ta’ reat jieħu l-piena, il-paċi tibqa ’l bogħod minna.

Għalhekk nirriflettu ftit dwar din il-proposta mhix tas-soltu li Kristu qed jagħmel mhux biss lill-Insara imma lill-umanità. Għax meta wieħed jaħfer ikun qed ifejjaq il-memorja kemm tiegħu li jkun irċieva l-azzjoni ħażina u kemm ta’ min ikun għamel din l-azzjoni. Meta wieħed jaħfer ikun qed jibni mill-ġdid il-memorja. Meta ma nagħmlux hekk, nibqgħu nġorru memorji tqal! Li taħfer ifisser li l-aħħar kelma mhix tal-ħażin jew tal-ħażen imma tal-karità. Min ma jaħfirx ifisser li ma jafx iħobb. Li taħfer ifisser li wieħed jista’ jitwieled mill-ġdid – jibda mill-ġdid paġna ġdida fl-istorja sew ta’ min huwa vittma u sew ta’ min huwa responsabbli tal-azzjoni.

Din il-proposta Ġesù saħħaħha bl-eżempju. Meta kien fuq is-salib, Ġesù talab: “Missier, aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu”.

Għeżież Leġjunarji ta’ Marija, li llum qed tagħtu bidu għaċ-ċelebrazzjonijiet biex tfakkru l-mitt sena mit-twaqqif tal-għaqda tagħkom, fid-dawl ta’ dan il-Vanġelu nħoss li għandi neżortakom biex bl-appostolat tagħkom f’soċjetà li nsiet il-qawwa terapewtika tal-maħfra intom ittennu l-proposta li għamel Ġesù dwar il-maħfra. F’dak li konna nsejħulu “xogħol leġjunarju” – ngħid ‘insejħulu’ għax jien kont leġjunarju u rrodd ħajr lil Alla li kelli din l-esperjenza –, li huwa maqsum fi tliet taqsimiet (xogħol ta’ konverżjoni, ta’ preservazzjoni u ta’ konsolazzjoni), il-kuntatti personali huma importanti ħafna għax ipoġġukom f’relazzjoni diretta u intima ma’ dak li jkun. Il-kuntatti personali jressqukom qrib il-bniedem magħkus sew għax ikun irċieva d-daqqiet u sew għax ikun hu nnifsu li jkun ta d-daqqiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi tkellmu fuq il-maħfra li hija regola tad-deheb. Għax jekk nibdew napplikawha, nafu nibnu ordni soċjali ġdid.

Sejħu lill-Madonna tgħinkom. Għax biex wieħed jaħfer, irid ikollu qalbu tfawwar bil-miżerikordja u l-mogħdrija – kwalitajiet materni li hemm f’Alla. Marija, Omm Ġesù li jaħfer u għalhekk Omm il-maħfra, tieqaf magħna.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading