Karatteristiċi ta’ Skola Kattolika

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa, 23 ta’ Settembru 2020: Diskors tal-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi waqt laqgħa għall-Edukaturi ġodda mis-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika.

“Karatteristiċi ta’ Skola Kattolika”. Diskors mill-Isqof Joe Galea Curmi

Nixtieq nuri l-apprezzament lis-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika għall-ħidma tiegħu b’tant impenn u dedikazzjoni. Nixtieq insellem mill-qalb lill-edukaturi kollha, illum speċjalment lill-edukaturi ġodda fl-iskejjel tal-Knisja. Nixtieq nurikom l-apprezzament tal-Knisja f’Malta li intom għażiltu li taħdmu fil-qasam tal-edukazzjoni f’dawn l-iskejjel, li huma tant għeżież għall-Knisja. Se tibdew fi żmien verament diffiċli għall-iskejjel kollha minħabba l-pandemija li għadna qed ngħixu, u l-isfidi kollha li din ħolqot u qed toħloq bħalissa għall-edukazzjoni, u għalhekk nixtieq nagħmlilkom ħafna kuraġġ qalb dawn l-isfidi li qed ngħixu bħalissa.

L-iskejjel tal-Knisja għandhom kontribut importanti fil-kuntest tal-missjoni ta’ evanġelizzazzjoni tal-Knisja. Dan il-kontribut joħroġ ukoll b’mod qawwi fil-kuntest tal-ħajja reali li qed ngħixu llum u ta’ soċjetà pluralista b’dak kollu li tfisser. Għalhekk hi importanti ħafna l-formazzjoni ta’ dawk kollha li jagħtu sehemhom fl-iskejjel tal-Knisja. Inħeġġiġkom minn issa, intom speċjalment li għadkom fil-bidu, biex dejjem tieħdu b’serjetà l-formazzjoni kontinwa (ongoing education) speċjalment fejn għandu x’jaqsam dak li jiddistingwi l-iskola Kattolika u l-etos tagħha.

Nixtieq insemmi għall-konsiderazzjoni tagħkom ħames karatteristiċi li jiddistingwu l-iskola Kattolika u li huma ħafna drabi risposta għar-realtà tal-ħajja tagħna llum.

1. Ispirata minn viżjoni li għandha rabta mal-fidi

Il-viżjoni tal-iskola tal-Knisja hi essenzjalment ispirata mill-fidi. Papa Franġisku jispjegaha hekk: toffri orizzonti li huma miftuħa għat-traxxendent. Jiġifieri li aħna ma nħarsux biss lejna nfusna imma jkollna din il-ħarsa lil hinn minna, lejn Alla. Il-fidi turi ruħha qabel xejn fix-xhieda li jagħtu l-edukaturi, u mbagħad tkun imsieħba mal-kliem li jgħidu li juru tassew din il-viżjoni.

Meta l-iskola Kattolika qed tgħix u twassal din il-viżjoni, hija risposta għas-sekulariżmu mifrux fis-soċjetà llum li jġib mentalità ta’ ħajja mingħajr Alla u mingħajr dak kollu li Alla jfisser.

2. Mibnija fuq antropoloġija Nisranija

L-iskola Kattolika hi mibnija fuq antropoloġija Nisranija. Jiġifieri: hemm mod partikulari kif tħares lejn il-bniedem. L-ewwelnett, ħa nsemmi ħaġa li għalina hi ovvja imma dejjem trid tiġi ripetuta: għalina l-ħajja umana hi għażiża f’kull waqt tagħha, mill-bidu tagħha – mit-tnissil – u tibqa’ għażiża sat-tmiem naturali. Għadu kif ħareġ ilbieraħ dokument mill-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, bl-isem Samaritanus bonus (Samaritan tajjeb) – inħeġġiġkom biex taqrawh – li jitkellem fuq il-kura tal-persuni li jkunu waslu f’fażijiet kritiċi u terminali fil-ħajja; jagħmel enfasi fuq il-ħarsien tal-ħajja tal-persuna sal-aħħar. Irrid ngħid kemm hu importanti speċjalment f’daż-żmien li qed ngħixu; għaliex tolqtok kultant bl-aħbarijiet li qed nisimgħu issa kuljum – miet anzjan jew mietet anzjana minħabba l-pandemija – ċerta mentalità żbaljata li “dak anzjan – kien wasal lejn l-aħħar diġà.” Il-viżjoni ta’ skola Kattolika hi mibnija fuq antropoloġija Nisranija li tagħti valur lil kull bniedem fil-fażijiet kollha tal-ħajja, għax kull bniedem hu maħluq xbieha ta’ Alla, bid-dinjità li din tfisser.

Għalhekk l-importanza tal-iżvilupp tal-persuna fl-istima tagħha nnifisha; li wieħed jgħin lill-istudenti jiskopru u jiżviluppaw it-talenti u wieħed jgħin lill-persuna tikber f’persuna integrata, u kapaċi tagħti u toffri. Papa Franġisku fl-Eżortazzjoni Appostolika dwar iż-Żgħażagħ Christus Vivit – fejn isemmi wkoll il-pastorali fil-qasam tal-edukazzjoni – f’mument minnhom isemmi lil żagħżugħ Taljan, Carlo Acutis, li miet ta’ 15-il sena. Kien żagħżugħ fuq tiegħu, impenjat, u miet żgħir. Se jiġi bbeatifikat ftit ġranet oħra fl-10 ta’ Ottubru. Il-Papa jikkwota lil Carlo Acutis b’din is-sentenza li tant tgħodd fil-qasam tal-edukazzjoni: “All people are born as originals but many die as photocopies”. Kemm hi importanti li aħna ngħinu lill-istudenti joħorġu l-oriġinalità tagħhom, b’mod li jiżviluppaw it-talenti fl-istima tagħhom infushom ħa jikbru bħala persuni.

Din hi risposta għal dik li Papa Franġisku jsejjaħ il-kultura tal-iskart – mentalità mifruxa fis-soċjetà – li tista’ tiskarta lil xi nies jew għax huma dipendenti ħafna, jew għax huma b’xi mod jew ieħor emarġinati, jew għax qegħdin lura u ma jistgħux ilaħħqu mal-oħrajn. Aħna qed ngħidu li l-viżjoni tagħna, mibnija fuq antropoloġija Nisranija, tagħti valur lil kull bniedem.

3. Formazzjoni ħolistika

L-iskola Kattolika għandha tipprovdi formazzjoni ħolistika, u għalhekk il-curriculum kollu hu intenzjonat għal dan. It-tagħlim tar-Reliġjon u l-edukazzjoni reliġjuża huma importanti ħafna, imma dawn m’humiex fi skola Kattolika qishom xi kompartamenti għalihom, mifrudin mill-esperjenza sħiħa edukattiva. Għalhekk hu importanti li jkun hemm l-ambjent kollu li qed jgħin f’din il-formazzjoni ħolistika. Il-mumenti ta’ talb u ċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi fl-iskola għandhom jgħinu biex iwasslu din il-viżjoni sħiħa.

Din hi risposta għall-frammentazzjoni li tant tinħass fil-ħajja taż-żgħażagħ illum. Meta aħna ninsistu fuq formazzjoni ħolistika, hi risposta proprju għal din il-frammentazzjoni.

4. Għandha fil-qalba tagħha l-bini ta’ komunità – komunjoni fid-diversità

L-iskola Kattolika tagħti importanza lill-ispirtu ta’ komunjoni li ġejja mill-fidi. Kultant nitkellmu fuq l-importanza tat-teamwork – kemm hu tajjeb li naħdmu flimkien anke f’ambjent edukattiv. Imma, lilhinn minn teamwork, hi espressjoni tal-fidi tagħna: Il-Knisja għandha tkun, min-natura tagħha, dar u skola ta’ komunjoni.

Hawnhekk wieħed ta’ min jenfasizza l-importanza tal-kollaborazzjoni, ta’ partnership fejn kulħadd jagħti s-sehem tiegħu (amministrazzjoni, staff, għalliema, student, familji) u fejn toħroġ b’mod sabiħ l-unità fid-diversità. L-unità qatt ma għandha tfisser uniformità – kulħadd l-istess – imma hi apprezzament tad-diversità. Din hi l-enfasi li tajjeb bħala edukaturi ġodda tkunu infurmati fuqha bħalissa fid-diskussjoni li għaddejja dwar il-liġi tal-ugwaljanza. Min-naħa tal-iskejjel tal-Knisja u ta’ għaqdiet oħra hemm l-insistenza fuq l-ugwali imma b’rispett tad-diversità. Aħna ugwali quddiem Alla, imma dan ma jneħħix id-diversità, anzi jgħinna biex napprezzawha bħala rikkezza.

Għalhekk ukoll l-iskola tal-Knisja taħdem biex tkun esperjenza ta’ inklussività – fejn ħadd ma jkun eskluż, u fejn l-istudenti jkunu edukati ħalli huma jistgħu jibnu tassew umanità fraterna b’nisġa ta’ relazzjonijiet li jsaħħu l-komunità. Ta’ min hawnhekk isemmi l-Enċiklika li Papa Franġisku se jiffirma f’Assisi fit-3 ta Ottubru li ġej, bl-isem: “Aħna lkoll aħwa”. Hu ħa l-isem mill-kliem ta’ San Franġisk, fejn il-Papa qed jinsisti ħafna fuq l-enfasi tal-‘aħwa’. Aħna lkoll aħwa, u din għandna nuruha ħafna fil-qasam edukattiv.

Din hi risposta għall-individwaliżmu li, kif nafu, hu tant mifrux, fejn wieħed ifittex l-interessi tiegħu. L-iskola Kattolika għandha tgħin lill-istudenti biex jagħrfu joħrorġu minn din il-mentalità individwalista ħalli jistgħu jibnu komunità ta’ relazzjonijiet ta’ aħwa.

5. Sostnuta bil-valuri tal-Evanġelju

L-iskola Kattolika tqiegħed lil Ġesù Kristu fiċ-ċentru, u dak kollu li joħroġ mill-ħajja, mill-valuri, mill-attitudnijiet u mill-għażliet tiegħu. Fost dawn, hemm il-formazzjoni għall-impenn soċjali u l-iżvilupp ta’ soċjetà ġusta u ta’ wens (caring) b’attenzjoni partikulari għal min hu batut.

Nirreferi hawn għat-tagħlim soċjali tal-Knisja, li għandu rikkezza kbira. Skola Kattolika għandha tgħin ħafna fit-tisħiħ ta’ dawn il-valuri li joħorġu mit-tagħlim soċjali tal-Knisja. Insemmi wkoll dak li qal l-Arċisqof nhar it-Tnejn li għadda, meta kien qed jitkellem fl-omelija fil-quddiesa f’Jum l-Indipendenza, fejn irrefera għal dak li Papa Franġisku kien semma bħala prinċipji għall-fejqan tas-soċjetà. Dawn is-seba’ prinċipji huma prinċipji bażiċi importanti ħafna għall-edukazzjoni Kattolika: id-dinjità tal-persuna, il-ġid komuni, l-għażla preferenzjali tal-foqra, id-destinazzjoni universali tal-ġid, is-solidarjetà, is-sussidjarjetà, u l-għożża għad-dar komuni tagħna. Fuq kull waħda tista’ tgħid ħafna – mhux l-iskop hawhekk – imma jien xtaqt li nenfasizza dawn il-prinċipji. Naf li fuq diversi minn dawn diġà jsir ħafna fl-iskejjel Kattoliċi, u għandna nkomplu nsaħħu dawn il-valuri li huma tant importanti fit-tagħlim soċjali tal-Knisja.

Din hi risposta għall-mentalità ta’ indifferentiżmu u ta’ relativiżmu, fejn il-valuri mhumiex mogħtijin l-importanza tagħhom.

Professjonalità u xhieda

Semmejt dawn il-ħames karatteristiċi. L-iskola Kattolika hi l-ambjent li jippromwovi dan kollu, fejn l-istudenti jirċievu l-appoġġ mill-edukaturi għal dan. L-għalliema, LSE’s, l-edukaturi kollha għandhom sehem ta’ valur kbir f’dan kollu. Għalhekk inħeġġiġkom biex tgħaqqdu flimkien il-professjonalità max-xhieda tal-etos ta’ skola Kattolika. Hu importanti li tidħlu diġà b’dan l-impenn u tkomplu ssaħħuh tul is-snin.

Jien ċert li s-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika hu impenjat li jagħtikom is-sapport kollu li teħtieġu. Nirringrazzja ħafna lil dawk kollha li qed jaħdmu fis-Segretarjat biex jagħtukom dan l-appoġġ. Nawguralkom mill-qalb, lilkom edukaturi ġodda, għall-ħidma ġdida tagħkom, u nitlob lill-Mulej iberikkom.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading