L-Isqof Anton Teuma fis-Solennità tal-Qaddisin Kollha

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 1 ta’ Novembru 2020: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fis-Solennità tal-Qaddisin Kollha. Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria.

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/921524389″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”false” /]

Il-Karta tal-Beatitudnijiet

Li kieku jkollok toqgħod bilqiegħda int u r-raġel, jew int u l-mara, madwar mejda, u jkollkom biċċa karta quddiemkom u tgħidu: “Ejjew niktbu flimkien kif nixtiquh li jkun it-tifel tagħna biex jagħmel suċċess. X’nixtiequ li jkollu biex ikun kuntent?”. Min hu waħdu jista’ jagħmilha għalih innifsu jew għan-neputijiet. B’liema konklużjonijiet noħorġu? Ma nafx, imma naħseb l-ewwel ħaġa li tiġi hija li jkun b’saħħtu, u li jkollu xogħol tajjeb u li jrendi l-flus, li jagħmel suċċess fil-ħajja, li jkun popolari, u li ma jkollux inkwiet fil-ħajja, ma jkollux problemi, ma jkollux diffikultajiet, ikollu dejjem il-paċi fil-qalb tiegħu… u nistgħu nibqgħu sejrin bil-lista.

Imma tgħid din il-lista li aħna qegħdin nagħmlu se tagħmilna kuntenti jew le? Għax ilna ħajjitna kollha nippruvawha din. Ilna ħajjitna nistinkaw biex uliedna jew aħna nilħqu dan. Imma aħna tassew kuntenti? Jew qisu l-kuntentizza dejjem għadha trid tiġi? Qisu xi ħaġa li dejjem irrid niġri warajha? Kultant nistħajjilha dik il-karrotta ta’ quddiem il-ħmar li jrid jiġri jew jimxi warajha, marbuta ma’ rasu u ma jistax jilħaqha. Jista’ jkun li aħna dħalna f’din il-ġirja u tant aħna storduti illi ma ndunajniex li qegħdin f’ġirja li ma twassal imkien, u jagħtina iktar li niġru biex nilħqu dak li nixtiequ nilħqu?

Għalfejn qed nagħmel din il-mistoqsija dalgħodu? Għax Ġesù jibda l-Vanġelu tal-lum bi tmien “makarioi”. X’jiġifieri l-kelma makarioi? Jiġifieri henjin, ikunu kuntenti, ixxurtjati, ikunu għamlu suċċess. Din hi l-kelma Griega makarios – hena, paċi tal-qalb, ferħ, suċċess. Imma Ġesù, wara din il-kelma “Henjin dawk li…”, naħseb illi ma tantx ikollu mil-lista li nkunu niżżilna aħna. Min għandu raġun, aħna jew hu? Jien naħseb li dalgħodu l-isfida hi jekk irridux almenu nippruvaw noħorġu ftit mill-ġirja tas-soltu tagħna, illi donnha ma hi qed twassalna imkien, u ngħidu: “Ħa nippruvaw ftit din ir-riċetta l-ġdida”. Interessanti, għax filwaqt illi dak li niktbu fuq il-karta jkun magħmul l-iktar mill-verb ikolli – ikolli l-flus, ikolli suċċess, ikolli ħbieb, ikolli saħħa – il-verb li juża Ġesù f’dawn il-Beatitudnijiet li smajna llum hu verb differenti. Hu l-verb inkun, il-verb tkun. Mela rridu nibdlu bidla kbira fil-moħħ tagħna, fil-mentalità tagħna, biex nippruvaw inwettqu, inkunu jew ngħixu dak li jixtieq minna Ġesù dalgħodu.

Ħafna drabi lill-qaddisin aħna nfittxuhom biex ikomplu jgħinuna f’din il-karta li aħna nkunu ktibna. “Għinni biex ibni jsib xogħol li jixraqlu, għinni biex ibni jikseb is-saħħa, għinni biex…”. Imma tgħid il-qaddisin għalhekk biss qegħdin? Jew qegħdin għal xi ħaġa oħra? Meta jkollok tifel jew tifla, u jkun kiber u żżewweġ, u jkun ħa l-istat tiegħu, u jiġi kważi kuljum jitolbok xi ħaġa, inti tkun kuntent jew kuntenta li t-tifel baqa’ marbut jew marbuta miegħek; imma ma jiġikx id-dubju li tgħid: “Imma dan it-tifel allura jien ma għallimtu jagħmel xejn waħdu? Mhux kapaċi biex jagħmel waħdu? Għal kull ħaġa ta’ xejn irid dejjem jiġi jfittixni?”. Ma tistaqsix lilek innifsek u tgħid: “Imma jista’ jkun li dan it-tifel darrejtu wisq marbut miegħi? U meta mmut jien, x’ser jiġri? Ma tgħallimx ikun indipendenti?”. U kif ikun indipendenti t-tifel tiegħek? Meta jkun bħalek, meta jibda jixbah lilek, meta l-ħiliet tiegħek jibda jħaddimhom hu wkoll, tibda tħaddimhom hi wkoll. U dakinhar int tkun iktar kuntenta u kuntent, għax tgħid li “dak it-tifel tiegħi, dak li kelli ngħallmu għallimthulu u kapaċi jimxi fuq saqajh waħdu”.

Ejja ndawru din ix-xbieha fuq il-qaddisin. Il-qaddisin tagħna meta jkunu l-aktar kuntenti? Meta jkunu pronti hemmhekk, kif nixtequhom aħna, kif nistennewhom aħna, li għal kull ħaġa ta’ xejn induru lejhom u nitolbuhom: “Agħmilli hekk, tagħmillix hekk, ħalli ma jiġrili xejn”? Jew inkella meta aħna nibdew nimitawhom, meta aħna nsiru bħalhom? Meta dak li ħabbew huma nibdew inħobbuh aħna wkoll? Jien naħseb li iktar jagħmel sens li aħna nimitawhom, milli nibqgħu ħajjitna kollha tallaba, kważi kważi nistennew lil dawn iqumu sew filgħodu biex jikkuntentawna għal kull talba li aħna nagħmlulhom, u forsi jkun ħażin għalina u forsi ħażin għalihom ukoll jekk it-talba tagħna ma tiġix mismugħa.

Liema kienu l-karatteristiċi li l-qaddisin għexu fil-ħajja tagħhom u li forsi aħna wkoll nixtiequ jew għandna nimitaw biex aħna wkoll ikollna din il-paċi li aħna tant nixtiequ fil-ħajja tagħna? Huma l-Beatitudnijiet. Ser nipprova ngħid kelma żgħira fuq kull waħda.

“Henjin il-foqra”. Imma tgħid veru Ġesù qalha din? Kien jgħix f’dinja Ġesù? Henjin il-foqra fl-ispirtu! Jew kien maqtugħ mill-art? Le, Ġesù kien jgħix fid-dinja, u iktar minni u iktar minnek. Inti taf li jien u int nitwieldu għerwiena, b’xejn. M’għandna xejn! Mhux hekk nitwieldu? U kif nitilqu minn hawn? B’xejn! Anzi, nitilqu minn hawn agħar milli nkunu ġejna. Għaliex? Għax anki l-ġisem tagħna jkun deterjorat, ikun spiċċa. Maż-żmien il-ġisem nibdew nitilfuh biċċa biċċa: min jitlef ’l hawn u min jitlef ’l hemm. Imma bejn it-twelid u l-mewt, x’ngħixu? L-illużjoni li aħna għandna xi ħaġa, li aħna proprjetarji ta’ xi ħaġa. Din problema kbira, illużjoni, utopija, ħolma. U kemm ma norqdux u ma niklux għal xi ħaġa li minn għalina hija tagħna, meta fil-fatt mhijiex. Aħna twelidna Għawdex: sibnieh qabel lil Għawdex u ser inħalluh warajna, serrħu raskom! Forsi wħud minna anki d-dar fejn joqogħdu sabuha lesta mibnija qabilhom, u forsi jħalluha warajhom. Imma ngħixu b’dik l-illużjoni, li tagħmilna kuntenti b’mod falz, illi aħna għandna xi ħaġa. U meta ngħixu din il-mentalità, li jien għandi xi ħaġa u li jien proprjetarju ta’ xi ħaġa, allura l-‘kejk’ li hawn fir-raħal, fil-belt, fid-dinja, irridu niġġieldu fuqu. Għax jekk jien għandi xi ħaġa u inti wkoll għandek xi ħaġa, allura ħa nidħlu f’kompetizzjoni ta’ min ser ikollu l-iktar.

Xi tfisser tkun fqir fl-ispirtu? Tkun reali, tkun taf tgħodd sal-għaxra. Tkun veru, tieħu ħsieb tiegħek innifsek, u tal-bżonnijiet tiegħek, imma ma tinsiex lill-oħrajn, lil ta’ madwarek. Ma tkunx marbut iżżejjed ma’ dak li għandek, għax dak li għandek ser jibqa’ warajk. Serraħ rasek li ser tħallih warajk! Għandu ħajja iktar minnek. Allura ppruvaw irriflettu naqra… meta jien jidhirli li nippossedi xi ħaġa, li għandi xi ħaġa, ikun qed jiġri bil-maqlub: mhux jien nippossedi, jew jien għandi, imma jekk jien qed nippossedi dar, id-dar qed tippossedi lili, insir ilsir tagħha. Anki lill-ulied, jekk jien nippossedi lill-ulied, l-ulied qed jippossedu lili, insir skjav tagħhom. Interessanti l-libertà tal-Vanġelu: mela għandu raġun, Ġesù, meta jgħidilna: “Henjin il-fqar fl-ispirtu”, jew ma għandux raġun? Imma aħna b’xorti ħażina tant dħalna f’din il-ġirja, li kważi kważi nsibuha bi tqila biex noħorġu u nibdew nimxu mixja inqas ikkumplikata, iktar sempliċi, imma li forsi hija ġdida, kuljum hija ġdida, differenti. Tant hi differenti li ser indur għall-aħħar sentenza, u għall-aħħar beatitudni, fejn Ġesù jgħid: “Henjin intom meta jippersegwitawkom”. Għaliex? Għaliex jekk nippruvaw ngħixu f’dan l-istil ta’ Ġesù, ser inkunu the odd one out, m’aħniex ser inkunu bħall-bqija, bħall-oħrajn, għax l-oħrajn ma jagħmlux hekk, jgħixu b’mod differenti. Allura aħna stess ser inħossuna differenti, ser inħossuna ppersegwitati.

“Henjin l-imnikkta”, jgħid Ġesù, “għax huma jkunu mfarrġa”. Sewwa wkoll! Mela aħna mmorru nfittxu ’l hawn u ’l hemm biex ikollna ftit paċi tal-qalb, u Ġesù jiġi jgħidlek: Hieni l-imnikket! Imma għal min qed jirreferi Ġesù? Min hu l-imnikket tal-Vanġelu? Hu dak li għandu għajnejh miftuħa fuq id-dinja u mhux fuqu nnifsu biss, u mhux iffukat fuqu nnifsu biss, imma jinkwieta għal ħaddieħor. Jekk aħna nkunu nies ta’ dan it-tip, dejjem ħa jkun hemm xi ħadd li aħna ser ninkwetaw għalih. Tinkwieta ma jfissirx li tħalli lilek innifsek tiġi mkaxkar mill-emozzjonijiet, għaliex ma tkunx tista’ tgħinu. Tinkwieta jfisser li inti taħseb f’min qed ibati, li aħna ma naħsbux fina biss. Intom ippruvaw innutaw ftit x’inhu jiġri bħalissa, f’din is-sitwazzjoni tal-Covid. Għalfejn il-Covid tibqa’ miexja? Hemm soluzzjoni? Għax hemm imxija li hija wisq iktar profonda minn dik tal-Covid: illi jien naħseb għal rasi u niġi naqa’ u nqum minnek. Din hija l-imxija l-aktar perikoluża. Kieku m’hemmx din l-imxija, li hi iktar profonda, kieku nimxi fuq il-Beatitudnijiet, kollni konċentrazzjoni fuq l-ieħor u fuq l-oħrajn u mhux fuqi nnifsi u fuq il-persuna tiegħi, kieku ngħidilkom li l-Covid ma ddumx ma tieqaf. Imma mhux il-Covid biss… jieqfu ħafna iktar problemi fid-dinja u madwarna.

“Henjin ta’ qalbhom ħelwa”. Min huma dawk ta’ qalbhom ħelwa? Il-Vanġelu jgħidilna: “għax huma jkollhom l-art bħala wirt”. F’Salm 37 għandna definizzjoni ta’ min hu b’qalbu ħelwa. Min hu qalbu tajba, jgħidilna dan is-salm, ma jeħodhiex ħafna bi kbira jekk xi ħadd iweġġgħu b’xi kelma. Ma jrabbix mibegħda f’qalbu jekk xi ħadd jeħodlu xi ħaġa li mhix tiegħu. Dawn huma sfidi qawwijin għall-bniedem. Imma forsi din hi t-triq biex ma nkomplux il-kompetizzjoni u l-aggressività, li xi kultant immissuha b’idejna, li nisimgħu b’widnejna u li ngħixu fil-ħajja ta’ kuljum.

“Henjin dawk li huma bil-ġuħ u bil-għatx tal-ġustizzja, għax huma jkunu mxebbgħa”. Interessanti, għax Ġesù jqabbel il-ġustizzja mal-għatx u l-ġuħ. Din il-ġustizzja mhix dik li nifhmu biha aħna – jien nagħtik daqskemm tagħtini int, u inti tagħtini daqskemm nagħtik jien – imma hawnhekk qed jitkellem fuq ġustizzja aktar profonda. Il-kelma Griega hija dikaiosune, li tfisser righteousness, tjubija, qdusija. Fi kliem ieħor, kif jirraġuna Alla, kif iħobb Alla. Allura henjin dawk li għandhom l-għatx u l-ġuħ għal din il-ġustizzja, għal din l-imħabba ta’ Alla fostna l-bnedmin. U jqabbel din ix-xewqa tagħna mal-għatx u l-ġuħ. Issa aħna llum ma għadniex insofru għatx u ġuħ, imma immaġinaw fi żmien Ġesù, fl-art ta’ Iżrael, fis-sajf, f’dik is-sħana, fejn l-ilma ma tantx kien komuni, kien rari. Għatx u ġuħ għal din it-tjubija, u kemm għandna bżonnha! U forsi aħna wkoll dik inkunu qed infittxu, anki meta niktbu dik il-karta li semmejna fil-bidu.

“Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena”. Minflok taħseb għal rasek, għandna l-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb, li tispjegalna tajjeb min huma dawk li jħennu. Tista’ jew taħseb għal rasek kif għamlu l-qassis u l-Levita, meta huma u għaddejjin fit-triq raw lil dak mixħut mal-art, ferut, kważi qed imut. Jew nistgħu nagħmlu bħas-Samaritan: tliet affarijiet, tliet verbi importanti. ‘Ra’, jgħidilna l-Vanġelu. Rah, imma ħalla dik ix-xena tidħol mhux biss f’għajnejh, imma għamlilha l-wisa’ f’moħħu u f’qalbu. Dak is-Samaritan daħal f’qalbu, u l-Vanġelu jgħidilna li kellu kompassjoni minnu. Il-kelma hija qawwija ħafna, bil-Malti tħassru. Anki aħna u ngħiduha, nifhmuha din il-kelma. Imma bil-Grieg il-kelma esplanchnisthe tfisser li ta’ ġo fik jitħarrek kollu għal dik il-persuna li inti qed tara batuta. It-tieni verb: tħalli dak li jinżel f’għajnejk jidħol ġo fik, fl-istonku tiegħek, fil-ġewwieni tiegħek; imbagħad x’tagħmel? Tmur tgħin. Dan ifisser tħenn. Kemm tkun isbaħ u aħjar id-dinja u kemm inkunu iktar henjin! Forsi għandu raġun Ġesù.

“Henjin dawk li huma safja f’qalbhom”. Safja f’qalbhom ma jfissirx li ma jkollniex ħsibijiet ħżiena u jew tentazzjonijiet fuq is-sess. Mhux hekk qed jgħid Ġesù. Intom tafu xi jfisser meta ngħidu ‘deheb safi’: deheb imħallat b’xejn, pur. Safi f’qalbek ifisser meta inti tagħmel azzjoni tajba, meta inti qed tħobb, qed tħobb sempliċiment biex tħobb u mhux biex tixtri lil xi ħadd, u mhux biex tasal għal skop ieħor. Kemm ngħiduha din, anki fil-familja! Jiġi r-raġel jagħmillek kumpliment, imbagħad wara tibda tgħid f’qalbek: “Imma dan xi jrid illum? X’għandu bżonn illum?”. Jekk qed tagħmel kumpliment, qed tagħmlu bħala kumpliment, biex tħobb il-persuna, u daqshekk.

U jkompli Ġesù: “Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla”. Tiġi persuna fejnek, fuq ix-xogħol, tgħidlek: “Għandi xi ngħid mar-raġel, u taf kemm ilu jinkwetani, u kemm ilna għaddejjin!”. U int tgħidilha: “Int ħallih, itilqu. Xi problema jrid ikollok! Itilqu. B’daqshekk? Illum ħadd ma jgħid xejn, kulħadd għandu fil-familja, mhix problema”. Ġesù: “Henjin dawk li jġibu l-paċi”. Jien xi kultant, bil-ftit esperjenza li għandi, naħseb tbati iktar biex tinfired milli biex tirranġa.

Dawn huma l-Beatitudnijiet. L-aħħar waħda diġà semmejnieha: “Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba l-ġustizzja”. Ġesù ma jwegħedniex, Ġesù hu veru prattiku, veru konkret u reali, jaf l-affarijiet. Jekk ngħixu hekk ħadd ma hu ħa jċapċpilna. Qed jgħidilna Ġesù: “Ser tkunu ppersegwitati”, imma forsi dan hu l-hena ta’ veru. Għax bil-maqlub tar-reklami, u forsi bil-maqlub ta’ dik il-karta li aħna ktibna, Ġesù qatt ma jimmaġina paċi tal-qalb, hena, mingħajr sagrifiċċju. Hija illużjoni fil-moħħ tiegħi u tiegħek, ta’ kull wieħed u waħda minna, li aħna nistgħu ngħixu mingħajr sagrifiċċju. Irridu noqogħdu ftit attenti li ma ngħaddux bla ma nindunaw din il-konvinzjoni żbaljata lil uliedna. Tafu kif? Kull darba li aħna nippruvaw naqduhom mill-koxxa, mill-ewwel u f’kollox.

Il-Mulej jagħtina li almenu nindunaw li dik il-karta li ktibna fil-bidu mhux dejjem tħallilna riżultati li nixtiequ. Forsi hemm karta oħra, il-karta tal-Beatitudnijiet, li tagħtina dak li qegħdin infittxu tassew.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading