Priedka tal-Milied 2010

Print Friendly, PDF & Email

Knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb, Taċ-Ċawla, il-Belt Victoria


Is-Sliem ħutna fi Kristu
li nġbartu ħerqanin
biex tilqgħu b’kant u hena
lil Kristu : l-Bambin

Li f’Betlem għammar fostna
bniedem sar għalina
biex aħna nsiru bħalu
bil-fidwa li jagħtina

Għalhekk hu ħalla s-sema
u feraq is-smewwiet
u niżel f’lejl ta’ dija
fost ħemda u tant skiet

U għażel belt mwarrba
minsija minn kulħadd
imsejħa Belt ta’ Betlem
’ma biha ma jaf ħadd

Kien jaf biss biha Alla
Ta David sur ta’ kenn
Sinjal hu ried jagħmilha
ta’ qalbu li taf tħenn

Kemm drabi smajnieh jidwi
Dan l-isem tant sabiħ
f’daw’ ġranet sbieħ u ħienja
ta’ paċi u mistrieħ

Ejjew O Ġnus tad-dinja
ġo Betlem f’dan il-lejl
araw kemm Kristu jħobbna
b’imħabba ta’ bla kejl

Inġabru iftħu qlubkom
quddiem Ġesù Bambin
Isimgħu din il-ġrajja
Araw kemm hu ħanin

Ejjew nieħdu lil Kristu
tarbija tas-smewwiet
ħa jgħammar fil-qlub tagħna
jimliha bil-ħlewwiet

Għeżież ħutna Insara, kif qegħdin taraw minn ilbiesna aħna żewġt itfal Palestinjani. Jiena jismni Benjamin u oħti jisimha Ruth. Semmewna hekk b’tifkira ta’ dawk iż-żewġ persunaġġi Bibliċi li huma marbuta mal-belt ta’ Betlem ta’ Efrata li minnha jitkellem il-ktieb tal-Ġenesi ħafna snin kbar qabel ma l-belt kellha tintrabat l-ewwel mal-kbir David is-sultan, imbagħad mal-Sultan l-ieħor il-kbir Ġesu’ l-Messija. Aħna m’aħniex biss Palestinjani imma aħna ukoll Betlemiti. Iva tassew, aħna bħal Ġesu’ l-Emmanweli twelidna ukoll fil-qrib tal-belt ta’ Betlem. Aħna nagħmlu parti minn dik il-komunita’ żgħira ta’ madwar 20,000 ruħ li bħalkom nissejjħu nsara u għadna ngħammru f’din l-istess belt ċkejkna li ġiet magħżula biex tkun post it-twelid tal-feddej.

Meta f’Settembru li għadda l-Isqof ta’ din id-djoċesi Mons Mario Grech kien qed jagħmel pellegrinaġġ fl-Art Mqaddsa hu flimkien mal-Pellegrini ġie jżur ir-raħal li fihom aħna għadna nżommu l-merħliet tagħna. Dan ir-raħal jismu Beit Sahour. Forsi għalikom dan l-Isem ifisser ftit li xejn, imma jekk ngħidilkom li kien minn f’dan ir-raħal li seħħet dik il-ġrajja tal-għaġeb meta l-Anġlu f’dak il-lejl qaddis tal-Milied deher lir-rgħajja u ħabbrilhom dik l-aħbar sabiħa tat-twelid ta’ Ġesu’ Bambin is-sultan tal-paċi allura tindunaw kemm ir-raħal tagħna li jinsab qrib il-belt ta’ Betlem kemm huwa importanti.

Aħna flimkien mal-ġenituri tagħna ilna ngħixu u għadna ngħixu u naħdmu fl-istess postijiet fejn l-antenati tagħna kienu jgħixu meta ġraw dawk il-ġrajjiet tal-għaġeb marbuta mat-twelid ta’ Ġesu’. Kemm drabi smajna lin-nanniet tagħna jirrakuntawlna dawk il-ġrajjet sbieħ li għaddew minnhom l-antenati tagħna meta n’nofs tal-lejl raw is-smewwiet miftuħin u qtajja bħa għadd ta’ anġli kantaw lkoll ”Glorja ’l Alla fl-għoli tas-smewwiet u paċi fl-art lill-bnedmin tad-dinja kollha.”

Meta l-Isqof Mario kien magħna ftti xhur ilu, aħna konna flimkien mal-kuġini tagħna fuq l-istess xogħol ta’ l-antenati tagħna: nirgħu l-merħliet tagħna fl-għelieqi u x-xagħri li hemm qrib ir-raħal ta’ Beit Saghour. L-Isqof u l-pellegrini iggustawna lilna tfal żgħar nirgħu l-merħliet bħal fi żmien Ġesu’. Waqqfu jkellmuna u staqsewna x’nafu ngħidulhom dwar il-ġrajja ta’ Betlem. Aħna mhux biss għidnilhom dak li jgħid l-Evanġelisti dwar Marija Ġużeppi li ġew minn Nażareth biex jinkitbu f’Ċensiment fi żmien Ċesari Awgustu fil-belt tagħna u li kien f’dak i-żmien li twieled ukoll Ġesu Bambin imma ukoll il-ġrajja ħelwa li għadna tissemma fil-familja tagħna, ġrajja marbura mat-twelid ta’ Ġesu’. Meta il-pellegrini Għawdxin u Maltin semgħu b’din il-ġrajja stednuna biex niġu Għawdex u naqsmuha lkoll magħkom.

Mela, jirrakuntaw l-antenati tagħna li f’dawk iż-żmenijiet tat-twelid ta’ Ġesu’ huma bħala Lhud twajba kienu jitolbu u jixtiequ li jiltaqgħu mal-Messija li l-profeti kollha kienu jħabbru li kellu jitwieled fil-belt ta’ David, il-belt Ta’ Betlem ta’ Efrata. Minn jaf kemm drabi fis-sinagoga nhar ta’ Sibt semgħu jidwi f’widnejhom il-kliem tal- profeta Mikea: ”Imma inti Betlehem ta’ Efrata, ċkejkna fost il-familji ta’ Ġuda minnek għad joħroġli dak li se jkun prinċep f’Israel.” Anke Isaija kien ħabbar ”Għad toħroġ fergħa miz-zokk ta’ Ġesse, għad tinbet rimja minn għeruqu, fuqu jistrieħ l-Ispirtu tal-Mulej. U ukoll ”Il-Poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir, in-nies li joqgħodu f’art id-dlam dawl idda fuqhom. Għax tweldilna tifel,ingħatalna Iben: is-setgħa tkun spallejh u jsemmuh ”Kunsillier tal –għaġeb, Alla setgħan, Missier għal dejjem, Prinċep tas-Sliem”. Kemm drabi smajnieha mill-antenati tagħna li xtaqu li għajnejhom jaraw lil dan il-prinċep tas-Sliem! U l-Mulej ried li mhux biss jarawh imma jkunu l-fost l-magħżula biex lilhom tingħata l-aħbar tat-twelid.

Meta l-Anġlu deher lir-rgħajja antenati tagħna, dawn għall-ewwel imtlew b’biża kbir imma l-Anġlu qalilhom ”Tibżgħu xejn għax jien ġejt inħabbrilkom aħbar ta’ ferħ”. Għalhekk bla ma qagħdu jaħsbuha xejn qabdu l-merħliet tagħhom u irħewlha b’kemm kellhom saħħa lejn l-għar tat-twelid. Minn fejn kienu joqgħodu minn Beit Sahour sa Betlem hemm mixja ta’ madwar 7 kilometri. In-nagħaġ u l-ħrief kollha telqu u ġarrewhom magħhom. Anke l-kelb sbejjaħ tal-għassa Mirsi, tħajjar imur magħhom. Kulħadd ħlief għal nagħġa twajba l-iktar waħda kwieta li kellhom fil-merħla kollha.

Ġara, li ftit jiem biss qabel din il-ġrajja li qed insemmu, din in-nagħġa li kien jisimha “ħanini” kellha inċident ikrah. Meta kient qegħda tirgħa f’waħda mill-għelieqi tagħna, b’għajnejha fuq il-ħrief żgħar tagħha li kienet tieħu ħsiebhom b’għozza kbira, tfaċċaw qabda lpup li ppruvaw jaħftu l-ħrief fosthom il-ħrief tan-nagħġa ”Ħanini”. Ir-rgħajja ma ndunawx mill-ewwel bil-preżenza tagħhom. Qamet ġlieda feroċi bejn in-ngħaġ u l-kelb tal-għassa Mirsi, u dawn il-qabda ilpup feroċi li ppruvaw jqattgħu bċejjeċ lil ħrief iż-żgħar. Kieku ma kienx għall-kuraġġ tan-nagħaġ il-kbar u Mirsi l-kelb tal-għassa, kieku ma kienx jibqa ħarufa waħda ħajja. Fil-ġlieda li kien hemm in-nagħġa Ħanini soffriet gdim u feriti kbar f’saqajha u qajla setgħet timxi. Kellħa toqgħod għal ħin twil mistrieħa f’wieħed mill-għerien tagħna.

Tistgħu taħsbu kemm iddispjaciha dak in-nhar li r-rgħajja kellhom jitilqu bl-għaġġla kollha lejn Betlem wara d-dehra tal-Anġlu, u jħalluha warjahom lil Ħanini li ma setgħetx timxi u tlaħħħaq magħhom bil-pass mgħaġġel li kienu qed jimxu. Wieħed mill-antenati tagħna jirrakkonta li qabel telqu raw lil Ħanini tħares lejhom b’ħarsa ta’ ħniena u dieqa, b’qalb miksura għal-fatt li ma setgħetx tmur magħhom biex tara lil Bambin li twieled f’Betlem minħabba l-feriti ta’ riglejha.

Ir-Rgħajja ma damux ma waslu Betlem. U hemm kellhom ix-xorti li jinżlu u jaduraw lil Messija li twieled. Minkejja li anke sal-lum ir-rgħajja huwa meqjusa l-imwarrba tas-soċjeta Ġesu’ ried jagħżilhom biex ikunu minn ta’ l-ewwel u jgawdu l-ferħ tal-preżenza tiegħu u jkunu ppreferuti fost il-kbarat kollha tad-dinja. Dan għalina kien sinjal ta’ imħabba u ġenerożita’ kbira minn dak li kellu jkun is-sultan tas-slaten kollha. Għax tassew « Min jitkabbar jiċċekken u min jiċċekken jitkabbar. Ir-Rgħajja damu ftit tal-ħin mhux ħażin fl-għar tal-Bambin. Ma xtaqux jitilqu minn dak l-għar mimli b’tant paċi u ferħ fil-presenza ta’ Ġesu’ Marija u Ġużeppi.

Kienu waslu biex ser jitilqu meta wieħed miz-zijiet antenati tagħna semgħa għajta ta’ nagħġa fil-bogħod. B’kurżita ħareġ jiri ‘l barra mill-għar u x’jilmaħ fil-bogħod ? Ħaġa tal-għaġeb, jilmaħ in-nagħġa “Ħanini” kienet riesqa lejn l-għar ta’ Betlem izzappap u għajjiena imma determinata li hi ukoll tara lil Ġesu’ tarbija. Iva minkejja dak il-bogħod kollu anke Ħanini ġiet imsejjħa biex taqsam il-ferħ tat-twelid ta’ Ġesu’. U hekk il-ferħ tar-ragħajja antenati tagħna kien komplut. Din il-ġrajja għadha tiġi rrakkuntata kull sena f’dan iż-żmien fil-familji tagħna.

X’tgħallimna din il-ġrajja? Kulħadd huwa mistieden biex jidħol fl-għar tal-Bambin. Ġesu’ ġie għal kulħadd. Huwa s-sultan tal-Paċi u din il-paċi u dan il-ferħ tat-twelid tiegħu huwa jixtieq jaqsmu ma’ kulħadd. Jixtieq jaqsmu l-ewwel u qabel kollox mal-imwarrba tas-soċjeta’, mal-batuti, maċ-ċkejknin, mal-imnikktin, mal-morda, mal-midimbin. Ħadd m’hu eskluż mill-imħabba ta’ Kristu l-Emmanweli. Ħossukom għalhekk mistiedna biex tidħlu intom ukoll fl-għar tal-Bambin. Ħossukom maħbuba minnu. Ħossukom fuq kollox maħfurin mill-ħniena kbira li hu jixtieq jaqsam magħkom lkoll.

Il-ferħ li aħna l-Insara nuru ma kullimkien f’dan iż-żmien qaddis tal-Milied nixtiequh jasal għand kull bniedem l-iktar dawk li għandhom bżonnu. Nixtiequh jasal ukoll fil-Belt tagħna ta’ Betlem biex is-Sultan tal-paċi jwasslilna l-paċi li tant nitolbuh li jagħtina. Nixtiequ, qabel ma ninfirdu minn maghkom tingħaqdu f’talba ħerqana magħna lil Ġesu’ tarbija.

« O Ġesu’ Tarbija li ħabbejtna lkoll b’imħabba bla qies, bierek lil Papa Benedettu, lill-Isqfijiet ta’ dawn il-gżejjer Pawlu u Mario u l-Isqfijiet l-oħra, lis-saċerdoti u lil-familji kollha tagħna u speċjalment lilna t-tfal ċkejknin biex nagħrfu inkunu bnedmin twajba u ta’ qalb ħelwa ma xulxin. Biex nagħrfu inkunu xhieda tat-tjubija tiegħek fid-dinja. Biex fuq l-eżempju tiegħek ma neskludu lil ħadd mill-imħabba tagħna. Biex kulħadd isib ftit kenn u wens fil-għar tat-twelid tiegħek. Ħa jimtlew qlubna fit-twelid tiegħek bl-istess dawl li imtlew is-smewwiet u bil-kant tal-Anġli li għalenija kantaw “Glorja l Alla fl-għoli tas-smewwiet u paċi fl-art lill-bnedmin tad-dinja kollha”.

Viva Ġesù Bambin!

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading