Knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb, Taċ-Ċawla, il-Belt Victoria
Miġbura l-lejla f’dil-ħemda
Ta’ paċi ta’ hena ta’ skiet
Biex naħsbu fuq Alla li ħabbna
Li fawwar lil qlubna b’barkiet
K’inharsu madwarna nintebhu
B’barkiet ta’ ferh hena u gid
Ta’ ulied gheziez ghal missierhom
Li jhenni l-qlubhom irid.
Hekk ghogbu dan Alla li jhobbna
Li jibgħat lil Ibnu l-maħbub
Bħal-għotja lill vergin Marija
Sultana ghazieza tal-qlub
Jagħtina l-imħabba ta’ Alla
Hekk ried, xtaq Ġesu’ fit-twelid
Lil bniedem iressaq lejn qalbu
Iħabbu ma’ Alla mill-ġdid
Jitħabbeb isir ħaġa waħda
Mal-bniedem imxekkel magħtub
Biex jerġa d-dawl jagħtih f’qalbu
Jeħilsu mill-ħażen tad-dnub.
Nifirħu għalhekk għalenija
F’dil-lejla ta’ kotra ta’ ġid
Ta’ l-Iben ta’ Alla jsir bniedem
Tassew li hu l-akbar twelid!
Ħaddanna ma’ qalbek il-lejla
Urina li tħobbna lkoll
Ġesu’ ħabib tagħna wisq ħelu
Għalik dil-qalb iebsa fiss ħoll!
Ħafna snin twal ilu fl-art tal-Palestina qrib Belt li f’dak iż-żmien xejn ma’ kienet magħrufa, Betlehem ta’ Efrata kienet tgħix fis-sempliċita’ u l-faqar familja Lhudija ċkejkna. Il-Missier Eliħud flimkien ma’ martu Tamar kienu nies li jħobbu wisq lil Alla u kienu joqgħodu ħafna għall-liġi u l-kmandamenti ta’ Mose’. Kull filgħodu qabel ma’ jidden is-serduk Eliħud kien ikun ilu li ħalla l-friex tiegħu biex imur jimla’ l-ilma min-nixxiegħa ta’ ilma ġieri li kienet qrib. Kien jimla’ bramel tqal u mfawra li kien iġġorhom fuq spallejh u x’ ħin jasal lura fl-għelieqi li missieru Salatjel kien ħallielu b’wirt kien jisqi lil merħla ta’ nagħaġ u mogħoż. Iċ-ċkejken ġekonija l-iżgħar fost din il-familja ta’ ħamest itfal kien ukoll iqum biex jgħin lil missieru ħalli jisqi lil merħla li kellhom u kien l-għors tiegħu jilgħab mal-ħrief u l-gidien li bħal donnhom kienu jindunaw li huwa l-iżgħar tal-familja għaliex malli jarawh ġej kienu jitilqu jiġru lejh biex jifirħu bih.
Mhux l-ewwel darba li Ommu Tamar kienet tgħajjat mal-ħrief u l-gidien li xi drabi tant kienu jifirħu b’ġekonija li kienet taħseb li jistgħu jweġġghuh. L-għors tal-familja ta’ Eliħud u martu Tamar kien ikun qrib tmiem il-jum, x’ ħin ix-xemx tistaħba wara l-għoljiet u timla’ s-sema b’kuluri li jsaħħru lill-ħolqien. Kien il-mument li jindika t-tmiem tal-jum imma kien ukoll l-isbaħ mument għal din il-familja li tinġabar flimkien biex jaqsmu dak li Alla kien jipprovdilhom. Min jaf kemm drabi ġekonija kien jissaħħar wara dawk il-kuluri sbieħ li joffru l-għabex ta’ kull jum. Eliħud waqt il-mument tal-barka fuq il-ħobż kien dejjem ifakkar lill-uliedu kollha kemm Alla ħabb lil ġens Lhudi u kemm iktar għad irid iħobbu meta xi darba għad jibgħatlu l-Messija Feddej tal-Ġnus. Mhux l-ewwel darba li Ġekonija staqsa lil Missieru ”Imma meta se jiġri dan Abba?” u jżid jgħidlu ”Kemm nixtieq jiġri fi żmieni ħalli jien inkun nista narah ukoll u noffrilu l-imħabba kollha ta’ qalbi” Pero’ dan il-ferħ u din il-paċi kollha fil-familja ta’ Eliħud u Tamar ma kelliex iddum fis-snin.
Darba fost l-oħrajn wieħed ragħaj minn dawk l-inħawi fettilu jagħmel waħda minn tiegħu u mar jeħodha ma’ wieħed mis-suldati tal-Imperu Ruman li ġew apposta biex jiġbru l-ħaraġ. Fit-tilwima li nqalgħet is-suldat Ruman safa’ ferut għall-mewt u dak ir-ragħaj ħarab jiġri kemm kellu saħħa ifittex moħba fejn jistaħba. Ma għaddiex ħafna ħin li ma ġewx f’dawk l-inħawi ġgajtiet kbar ta’ suldati Rumani li taw in-nar lil għerejjex u il-ftit djar li kien hemm mifruxa f’dawk l-inħawi. Billi l-lejl kien ġa daħal iċ-ċkejken ġekonija kien mitluf fin-ngħas u rieqed fil-fond. ħutu l-kbar flimkien m’ommhom Tamar u missierhom Eliħud qagħdu qrib ix-xatba l-kbira tal-maqjel tagħhom jaraw dik it-traġedja iseħħ kollha quddiemhom u meta raw li nar qiegħed jagħlaqhom b’dawk l-ilsna kbar tiegħu iħeġġu, telqu jiġru kemm kellhom saħħa fil-kmajra ċkejka fejn kien rieqed Ġekonija biex iqajmuh.
Mank laħqu waslu ħdejh li ma semgħux il-krib qawwi tiegħu. Il-friex kien ħa n-nar u riġlu ċkejkuni nqabad fih. Minnufih Ommu Tamar ħaddnietnu ma qalbha filwaqt li Missieru Eliħud taffielu l-uġieħ tal-ħruq bi ftit ilma li ħutu irnexxilehom iġibu mill-qrib. Kienet ġrajja ta’ qsim il-qalb. Fi ftit mumenti fil-familja ta’ Eliħud u Tamar waqa’ qtiegħ ta’ qalb u l-biża quddiem dik il-ġrajja ta’ qerda. Tilfu kollox. Djarhom, il-merħliet tagħhom, it-trankwilita’ u l-paċi li għal snin twal kienu ilhom igawdu f’dawk l-inħawi. Fuq kollox kienu imnikkta għall-aħħar għaċ-ċkejken Ġekonija li riġlu sar ferita waħda.
Imma min iħobb lil Alla ma jaqtax qalbu. Kollox jieħu minn idejh. Eliħud quddiem dik il-ġrajja ġab ruħu bħat-twajjeb Ġob u sikwit kien ilissen ”Il-Mulej tani, il-Mulej ħadli.Kif jogħġob lill-Mulej hekk sar:ikun imbierek isem il-Mulej. Nilqgħu t-tajjeb minn għand Alla u l-ħażin ma nilqgħuhx?” It-Tama tiegħu u tal-familja kollha tiegħu żammha dejjem f’Alla u fil-wegħda li kull Israelita twajjeb kien tant jistenna: il-wasla tal-Messija feddej. Ħadd ma ħenn għalihom f’dik it-traġedja għajr għal wieħed ragħaj twajjeb Elgħazar li minn qalbu offrielhom li jagħtihom mill-merħla żewg nagħgiet u zewġ mogħziet biex jerġgħu jibdew irawwmu! Iż-żmien reġa għadda ftit ieħor u għalkemm il-ħaxix reġa ħaddar f’dawk l-inħawi tal-qerda il-merħliet ta qabel ma reġgħux lura għax mezzi ma kienx hemm. Ġekonija minkejja li fiqietlu l-ferita baqa’ jimxi b’diffikulta’ u missieru Elihud kellu jaħdimlu krozza biex ikun jista jsserraħ fuqha fil-mixi tiegħu. Din il-krozza ħadhimileu minn biċċa travu tal-injam tal-lebanon li kien hemm fil-għarix l-kbir tagħhom u li kien inqered bin-nar. Dak li kien baqa’ mit-travu peress li kien injam tajjeb u qawwi tah lil ħabib tagħhom Elgħażar bi gratitudni tal-imħabba kbira li wera magħhom.
M’għaddiex wisq żmien minn fuq din il-ġrajja meta għal-darb’oħra il-familja ta’ Elihud u Tamar qamu maħsuda fl-irqad tagħhom għax semgħu bħal kant u għana ħlejju li qatt f’għomorhom kollu ma kienu semgħuh. Ħarġu jiġru mill-għarix tagħhom u b’għaġeb kbir jaraw is-sema mimli dawl. Lkoll qabadhom biża kbir l-iktar Ġekonija li dlonk ħarab jiġri għal-wens ta’ ommu Tamar, imma Anġlu sabiħ li dehrilhom qalilhom: Tibżgħux, għax araw, qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun tal-poplu kollu. Illum fil-belt ta’ David, twildilkom salvatur li hu l-Messija l-Mulej. U bħala sinjal ikollhom dan:issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura. F’daqqa waħda ngħaqdu ma l-Anġlu għadd kbir ta’ qtajja tas-sema jfaħħru lil Alla u jgħidu: Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet u sliem fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu”.
Bilkemm laħqu jkantaw dan il-kant sabiħ li Eliħud u t-tfal li kbar ma erħewliex jiġru lejn l-għar indikat lilhom mill-Anġlu. Iċ-ċkejken Ġekonija ukoll, flimkien ma ommu bi tbatija kbira ipprova iħaffef lejn dan l-għar. Imma l-mixi tiegħu kien tqil u imxekkel. Imma bil-għajnuna t’Ommu Tamar qatt ma ħassu ħafif daqs dik il-lejla u wasal hu ukoll fl-għar u sab diġa’ lil Missieru u ħutu rashom baxxuta jaduraw lil dik it-tarbija li kellha ġġib tant fidwa u ferħ lill-bnedmin kollha.ħ (Hemm raw dak li l-Anġlu kien ħabbrilhom:tarbija il-ġmiel tagħha imqiegħeda f’maxtura. Dlonk inxtħetu lkoll jadurawh! Bl-emozzjoni li kellhom ħadd ma kien għadu nduna ta’ min kien dak l-għar. Kien biss iċ-ċkejken Ġekonija li lemaħ persuna mitlufa fit-talb b’ghajnejja ċċasssati fuq it-tarbija Ġesu’. Kienet biss l-għajta tiegħu ta’ “Elgħazar!” li kisret il-ħemda u l-mument magiku ġewwa dak l-għar.Imma l-istagħġib kellu jikber meta tefgħu ħarsithom fuq il-maxtura li fiha tqigħed is-sultan tas-sema u l-art. Dik il-maxtura kienet maħduma mill-bqija tat-travu nofsu maħruq li kien fil-qalbha tal-għarix tagħhom qabel it-traġedja. Ġekonija kien l-ewwel li induna għax sab nieqes mill-bicca tat-travu l-parti li Missieru qata biex joħroġ il-krozza tiegħu. Elgħazar li kien ingħata din il-bicca injam prezzjuza minn Elihud kien sawwar maxtura għall-annimali minnha. Dlonk għalhekk Ġekonija resaq lejn Ġesu u filwaqt li poġġielu ħdejh il-krozza b’vuċi miksura mill-emozzjoni, b’demgħat sħuni iġelbnu ma’ ħaddejh ħomor daqs peprina lissinlu: “O twajjeb Ġesu’ Messija, kemm ferħ kabbartli f’qalbi il-lejla. “M’għandi xejn x’noffrilek għal dan il-ferħ kollu! Hawn ħu din il-krozza tiegħi għax issa li iltqajt miegħek m’għandix fejn immur iktar. Agħmel li terġa tkun parti mill-maxtura għażiża tiegħek.” F’daqqa waħda pero’ għaġeb ta’ l-għeġubijiet, ħass riġlu jerġa jieħu s-saħħa mill-ġdid. Eliħud u Tamar flimien ma uliedhom skantaw iħarsu lejh xħin rawh wieqaf u jimxi l-bogħod biex jgħannaq lil Elgħazar. Il-Verġni Marija u t-twajjeb Gużeppi quddiem din ix-xena kollha ħarsu lejh ferħu u emmnu li dik it-tarbija ta’ qawwa kbira għad taghti d-dawl lil min hu miexi fid-dlam, il-qawwa tal-mixi lil dawk magħtuba, t-tama lil dawk ta’ qalbhom maqtugha, l-ferħ u l-hena lill-Imnikktin kollha.
Kemm għandha x’tagħlimmna ħbieb tieghi l-ġrajja li għadha kemm smajna. Dik it-tarbija Ġesu’ ġabet ferħ kbir mhux biss lil Eliħud u Tamar u l-familja tagħhom u l-aktar liċ-ċkejken Gekonija imma għadha ukoll ġġib ferħ kbir lil familji kollha tagħna llum. Jista jiġri li kultant bħal ma ġara lil Ġekonija u lil familja tiegħu, li jista, jinħaraq u jinqered kollox imma l-aqwa li ma tinħaraqx l-imħabba u l-għaqda tal-familji tagħna. Ġesu’ huwa t-tama tagħna u qatt mhux se jħallina waħedna jiġri x’jiġri fil-familji tagħna.
Għalhekk induru lejk Ġesu’ twajjeb tagħna. Int il-ferħ u t-tama tal-qalbna. Nitolbuk biex f’dil lejla qaddisa tbierek lin-nanniet u lill-ġenituri, ħuti u l-familja kollha tieghi. Bierek lil familji kollha tagħna. Ħarishom inti u tħalli qatt li nititlfu t-tama li inti dejjem tista tgħinna. Bierek lit-tfal kollha tad-dinja u agħmel li dan il-ferħ li lkoll kemm aħna nħossu fit-twelid tiegħek ma ninsewh qatt fil-ġranet tas-sena li ser nibdew. Bierek lill-morda u lill-anzjani tagħna u kun int il-wens tagħhom.
Bierek ukoll lili u tini l-grazzja li xi darba bħaċ-ċkejken Ġekonija nwennsek u nifraħ mill-qrib miegħek. Ħallini f’isem sħabi nsellimlek b’dik l-għajta li toħroġ tassew minn qalbna f’dawk il-ġranet għeżież tat-twelid tiegħek: Viva Ġesu’ Bambin!